B'riferenza għall-problema ta' l-anzjani riferuti f'mistoqsijiet parlamentari 2766 u 3394 u l-fatt li nhar is-6 ta' Jannar 2004 sar ir-rapport lill-pulizija dwar l-inkonvenjent in kwestjoni, jista' il-Ministru jinformani bil-passi li ttieħdu u qed jittieħdu mill-pulizija kontra l-ksur ta' liġi?
Jista' jara li ssir spezzjoni fuq il-fond in kwestjoni bil-għan li jsiru rakkomandazzjonijiet meħtieġa ħalli dan l-inkonvenjent ma jerġax jirrepeti ruħu?
Jista' jara wkoll li għall-futur kemm-il darba l-permessi li jinħarġu mill-pulizija ma jiġux rispettati skond il-liġi, jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex il-mużika tieqaf fil-11.00 p.m. u mhux tkompli sejra sa wara s-1.00 a.m.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-ġurnata msemmija mill-Onorevoli Interpellant, għal ħabta tal-11.30pm, il-Pulizija tal-Belt irċevew ilment fuq it-telephone, minn persuna li ma identifikatx ruħha, dwar daqq ta` mużika b`volum għoli fil-post imsemmi. Il-Pulizija marret fuq il-post fejn kien konfermat li kien hemm party u kienet qed tindaqq mużika. Fuq ordni tal-Pulizija l-attivita` waqfet. Dwar l-attrezzament f`dan iċ-ċentru, ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3394, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-regoli ta' sound proofing li jeżistu fl-istabiliment in kwestjoni għall-attivitajiet tal-mużika?
Jista' jinformani ma' liema regoli u standards ta' sound proofing ta' l-Unjoni Ewropea huma konformi l-permessi in kwestjoni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Membru li r-regolamenti tas-sound proofing li japplikaw għall-stabbilimenti simili ma jagħmilhomx dan il-Ministeru, għalhekk nitolbu jagħmel il-mistosija lil Ministru konċernat.
Fir-rigward tal-permessi li għandhom iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi jikkonformaw mar-regolamenti li hemm kurrenti fil-pajjiż.
Madanakollu iċ-Ċentru qiegħed iħares lejn possibilitajiet sabiex il-ħsejjes jitaffew u diġa’ bdew xogħolijiet relativi.
Jista’ il-Ministru jara jekk hux minnu jew le li fl-Universita` ta’ Malta qed ikun hemm eżamijiet li qed ikunu fl-istess ħin ta’ lectures ta’ suġġetti oħra anke dawk magħrufa bħala sekondarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda suġġett m'hu meqjus jew magħruf bħala sekondarju u l-ebda student ma jista' jkun obbligat joqgħod għal eżami meta fl-istess ħin hu obbligat jattendi lecture.
Skond il-kalendarju għas-sena akkademika 2003/2004 kif approvat mis-Senat, il-lectures waqfu fis-16 ta' Jannar u l-eżamijiet ġew ipprogrammati li jsiru bejn 19 ta' Jannar u 7 ta' Frar.
Meta f'każijiet rari u eċċezzjonali jkun hemm il-ħtieġa li jsiru xi lectures fiż-żmien ta' l-eżamijiet dawn isiru wara li jkun assigurat li l-istudenti ma jkollhomx eżami fil-ħin tal-lecture.
Jum il-Ħelsien — Attivitajiet f'għeluq il-25 sena anniversarju
Question
Minħabba li din is-sena jaħbat il-25 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien li taħbat waħda mill-ħames festi pubbliċi ta’ pajjiżna, jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi attivitajiet speċjali minħabba dan l-anniversarju kif isir normalment u kif sar f'okkażjonijiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid mid-Lm29 miljun li matul din is-sena se tagħti Malta lill-Unjoni Ewropea, kemm minnhom se jmorru ghall-aġenziji ta’ l-abort jew li jiffavorixxi l-abort f’pajjizi li għadhom mhux żviluppati, jigifieri developing countries?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti m'għandu l-ebda informazzjoni li fondi ta' l-Unjoni Ewropea jingħataw lill-aġenziji ta' l-abort jew li jiffavorixxu l-abort. B'mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet ta' kull pajjiż membru jintużaw biex jiffinanzjaw il-budget ta' l-Unjoni globalment u mhux għal xi għan partikolari.
Barijiet u postijiet oħra ta' divertiment — Tfal taħt is-sittax-il sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu tfal taħt l-eta' ta' sittax-il sena meta membri tal-pulizija pajżana għamlu tfittxijiet f'diversi barijiet u postijiet oħra ta' divertiment f'Paceville fi tmiem il-ġimgħa tas-17/18 ta' dan ix-xahar? F'kemm-il post marru? Jista' jgħid jekk il-pulizija ħadux passi kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet? Kien hemm sidien li kienu riċedivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar is-Sibt 17 ta` Jannar 2004, waqt li membri tal-Pulizija ta` l-Iskwadra ta` kontra d-Droga, kienu qed jagħmlu xogħol relatat mad-droga ġewwa Paceville, osservaw xi żgħażagħ li kienu jidhru li kienu taħt is-sittax-il sena ġewwa post ta` divertiment. Għalhekk huma proċedew bi spezzjoni ġewwa dan il-post, fejn irriżulta li kien hemm 4 żgħażagħ taħt is-sittax-il sena. B`riżultat ta` dan ser jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra s-sid ta` dan l-istabbiliment. Infurmat ukoll illi sid dan il-ħanut kien diġa` nstab ħati ta` dan ir-reat.
B'referenza għall-mistoqsija numru 3650, jista' l-Ministru jwieġeb dik il-parti li tistaqsi jekk l-Istat ikunx jaf kemm mill-flus imorru f'kull skola partikolari u jekk fl-affermattiv jagħti breakdown ta' kemm ħadet kull skola fis-sena skolastika 2002/03?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva il-Gvern jiġi informat. Tagħrif dwar skola skola ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija numru 3649, jista' jgħid jekk il-gvern jagħtix somma separata għall-manutenzjoni jew jekk il-ħlas isirx b’mod globali? Kif jiġi stmat dak li jkun imiss għall-manutenzjoni? L-iskejjel tal-Knisja jagħmlu talbiet separati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-ammont ċitat fit-tweġiba, Lm296,967 jingħataw għal spejjeż ġenerali.
Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Id-dħul li kellha l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) matul is-sena finanzjarja jidher fir-Rapport li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Id-dħul ta’ l-Awtorita kien jidħol fil-fond konsolidat fid-dħul tal-Gvern qabel id-data tat-twaqqif ta’ l-Awtorita’ fl-1992.
Kien hemm dħul ta’ Lm 2,219 inkluż fid-dħul totali tal-MEPA li qabel id-data ta’ l-amalgamazzjoni bejn l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fl-2002 kien jidħol fil-fond konsolidat.
Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienu jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li dawk l-entitajiet li kienu diġa' jeżistu qabel l-1998 jiġifieri l-Pixxina Nazzjonali, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Nazzjonali kif ukoll Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, id-dħul tagħhom qatt ma kien jidħol fil-fond konsolidat.
L-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt dan il-Ministeru ġew kostitwiti wara dik id-data. Il-parti l-kbira tagħhom wara l-1998.
Kuntratti inter vivos — Provisional capital gains tax
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura bħala provisional capital gains tax fuq kuntratti inter vivos xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura bħala taxxa tal-boll fuq kuntratti inter vivos xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li l-Gvern ġabar mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti fuq kuntratti inter vivos ta’ proprjeta’ immobbli xahar b’xahar matul is-snin 2001, 2002 u 2003 kien kif jidher fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura għal riċerki uffiċjali ta' trasferimenti u passivita' xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003? Kemm kien il-ħlas li l-gvern ħallas lill-kuntrattur għas-servizzi ta' riċerki li dan ipprovda lill-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ammont ta` flus għal riċerki uffiċċjali ta` trasferimenti u passivita` u l-ħlas li sar lill-kuntrattur għas-servizzi ta` riċerki provduti għas-snin 2001, 2002 u 2003 huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura mid-dipartiment tal-land registry xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` flus miġbura mid-Dipartiment tar-Reġistru ta` l-Artijiet xahar b`xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003 huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern jaddotta politika li jneħħi mill-qasam tax-xogħol kull diskriminazzjoni li għad hemm kif jiġu ttrattati koppji miżżewġa u koppji li jikkoabitaw (bħal fil-każ ta' benefiċċji li jikkwalifikaw għalihom fl-impjieg tagħhom l-imsieħba ta' koppji miżżewġa iżda mhux l-imsieħba ta' koppji li jikkoabitaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-benefiċċji relatati mal-qasam tax-xogħol jingħataw għaliex il-persuna tkun qed taħdem u mhux għaliex għandha stat ċivili partikolari. Għalhekk ma naqbilx mal-premessa li hemm fil-mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm każi li qed jiġu ttrattati quddiem it-tribunal industrijali? Kemm hemm minnhom li huma sospiżi? X'inhuma r-raġunijiet għal din is-sospensjoni? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-każi jkomplu jiġu mismugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
L-imsieħba ta' koppji li jikkoabitaw għandhom l-istess drittijiet għal urgent family leave li għandhom dritt għalih l-imsieħba ta' koppji miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-dritt għall-leave urġenti għal raġunijiet ta’ forza maġġuri hu regolat bil-provedimenti tar-Regolamenti ta’ l-2003 dwar Leave Urġenti tal-Familja li ġew ippubblikati b’Avviż Legali Nru. 296 ta’ l-2003. Sub-regolament (3) ta’ Regolament 4 ta’ dawn ir-Regolamenti jiddefinixxi b’mod ċar il-parentela bejn l-impjegat u l-persuna li tkun teħtieġ il-preżenza ta’ dak l-impjegat biex ikun hemm dritt għal dan il-leave.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex it-tfajla ta' 15-il sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha tarbija b'ċertifikat tat-twelid unknown father qed jiġu miċħuda lilha l-benefiċċji li hi ntitolata għalihom? Għaliex id-dipartiment qed jinsisti li jkompli jabbuża b'dan il-mod li jispiċċa jdaħħal lil din it-tfajla f'iżjed spejjeż legali biex tfittex id-drittijiet tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartment tas-Sigurta’ Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant u ser jinfurmha bid-deċiżjoni li tittieħed.
Irrid ngħid li d-Dipartiment imsemmi għandu mhux biss id-dritt imma wkoll id-dover li jagħmel dawk l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi fit-teħid ta’ benefiċċji soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed ikompli jżomm għal xhur sħaħ lid-dipartiment milli joħroġ il-benefiċċji li hi ntitolata għalihom il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija marida serjament u qed tiddependi għal kollox fuq il-pensjoni minima ta' ommha li tgħix magħha għall-ispejjeż tal-ħajja u tal-mediċina u dan qed iżommha f'sitwazzjoni ta' tbatija kbira, kemm lilha kif ukoll lill-ommha armla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qiegħed fi stadju ta’ appell quddiem l-Arbitru. Il-persuna konċernata tiġi nfurmata bid-deċiżjoni meta din tittieħed mill-Arbitru.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Air Malta ssegwi l-prattika ta' linji ta' l-ajru oħrajn u benefiċċji li jgawdu l-imsieħba miżżewġa ta' impjegati tagħha jibdew igawduhom l-imsieħba li jikkoabitaw ma' impjegati tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 3911.