Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa dovut lill-Enemalta minn kumpaniji/għaqdiet, eċċ., li ma ħallsux il-kontijiet fl-2003 u s-snin ta' qabel? Jista' jelenka l-kumpaniji/għaqdiet, eċċ, li l-aktar għandhom jagħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-aħħar ta' Diċembru 2003 il-kontijiet pendenti f'dawn is-setturi (hotels, fabbriki, ażjendi kummerċjali kbar, sptarijiet, dipartimenti tal-Gvern u Farms, kien ta' LM17,763,663.
Minn dan l-ammont -
LM8,258,577 huma kontijiet kurrenti li l-perjodu tal-Kreditu għadu ma għaddiex,
LM3,450,010 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 3 u 6 xhur,
LM717,109 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 6 u 9 xhur,
LM1,022,403 huma kontijiet li ilhom pendenti bejn 9 u 12-il xahar,
LM4,315,564 huma kontijiet li ilhom pendenti aktar minn sena.
Fl-aħħar ammont hemm id-djun tat-Tarznari, għalhekk huwa għoli ħafna
Korporazzjoni ħas-servizzi ta' l-ilma — Nuqqas ta' ħlasijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma minn djar privati minħabba n-nuqqas ta' ħlasijiet ta' kontijiet ta’ l-ilma fl-2003 u s-snin ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kontinwament toħroġ kontijiet u kontinwament iddaħħal ħlasijiet. Għaldaqstant iċ-ċifri li ntalbu mill-Onorevoli Interpellant ma jeżistux għal xi sena jew oħra, iżda jistgħu jingħataw għal ġurnata partikulari.
L-ammonti li kienu dovuti fil-31 ta' Diċembru ta' l-aħħar tliet snin lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-konsum ta' ilma fi djar privati kien hekk -
Malta Għawdex Total
Lm Lm Lm
2001 4,494,500 111,711 4,606,211
2002 5,303,981 115,635 5,419,616
2003 4,494,719 85,646 4,580,365
B'riferenza għall-petizzjonijiet li tressqu fil-parlament f'isem ir-residenti Ta' Mlit, fil-Mosta matul il-leġislatura parlamentari preċedenti u fid-dawl tas-sitwazzjoni kif espressa mis-Sur Anthony Pace fil-ġurnal The Tiems of Malta ta' nhar is-27 ta' Jannar, 2004 li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jifhem l-urġenza tax-xogħlijiet u jgħarrafni mingħajr iktar telf ta' żmien meta se jitlestew it-toroq żdingati fl-inħawi Ta' Mlit, fil-Mosta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport nidhiet diversi proġetti ta' toroq fil-Mosta li jinkludu t-toroq fl-area ta' Xkora, il-bini tal-bypass il-ġdida bejn il-Mosta u n-Naxxar, il-bini mill-ġdid ta' Triq il-Belt Valletta u l-kostruzzjoni ta' Triq il-Ħtajriet. Ma' dawn irid jiżdied ix-xogħol li tlesta' mill-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali fi Triq il-Kbira sabiex titnaqqas ukoll il-problema ta' l-għargħar waqt ix-xita.
Fil-preżent ingħataw kuntratti biex ikunu jistgħu isiru toroq Walter Salamone, Ġużeppi Hyzler, Ġanni Vella, l-Awrora u parti minn Mons. M. Azzopardi, Dun Ang Dingli, Triq il-15 t'Awissu, Triq il-Kulleġġ u Triq Carmelo Schembri, filwaqt li ser jitkompla x-xogħol biex isiru Triq Ċinju, Barjol Waqqafa u Antini.
Dawn ix-xogħolijiet ilaħħqu spiża ta' aktar minn Lm1.8 miljun.
Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat tat-Toroq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura mill-uffiċċju tal-passaporti xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` flus miġbura mill-Uffiċċju tal-Passaporti xahar b`xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003 huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Servizz ta' mobile phones
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar, matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekastru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ flus imħallsa fuq mobile phones xahar b’xahar matul l-2003 mid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħi huwa kif ġej:
XAHAR
AMMONT (Lm)
Jannar
1422
Frar
1213
Marzu
1776
April
1566
Mejju
962
Gunju
927
Lulju
759
Awissu
1200
Settembru
1774
Ottubru
1674
Novembru
1051
Diċembru
145
Il-mobile phones intużaw minni, mis-Segretarji Parlamentari u uffiċċjali fit-tlett Segretarjati Privati tad-dekasteru skond kif intitulati għalihom minn linji ta’ gwida għas-Segretarjati Privati. Intużaw ukoll mis-Segretarju Permanenti u minn 12-il Direttur Ġenerali, 14-il Direttur, Segretarju fuq Bord ta’ Inkjesta, 2 Chairpersons u diversi uffiċċjali fis-sezzjonijiet tad-Dwana li jużawhom minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Servizz ta' mobile phones
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar, matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jisa' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar, matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar l-informazzjoni ta' mistoqsija parlamentari 3569 għar-rigward tas-servizz ta' l-elettriku għas-snin 2002, 2001, 2000, 1999 u 1998, separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformani kemm mill-fondi tal-protokoll Taljan se jintużaw sabiex isiru toroq fil-lokal tar-Rabat u l-limiti tiegħu, l-Imtarfa u l-Mosta? Jista' jinformani liema toroq se jiġu rranġati?
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm ġew meqruda containers bit-tiġieġ maqbuda mid-dipartiment tas-sanita' matul din is-sena u s-sena li għaddiet 2003?
Jista' jinformani bit-tunnellaġġ ta' tiġieġ li nqerdu wara li ġew maqbuda mid-dipartiment tas-sanita'?
Jista' jipprovdi l-informazzjoni għas-snin 2002, 2001 u 2000 separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul din is-sena w s-sena li għaddiet ġew maqbuda tlitt (3) containers bit-tiġieġ minn uffiċċjali tas-sanita'. Il-kontenut ta' wieħed minn dawn il-containers li kien jammonta għal 2850 kilo, ġie meqrud b'ordni tal-qorti. Il-piż tal-kontenut taż-żewġ containers l-oħra, m'hux stabbilit għaliex kien diffiċli li tali tiġieġ jintiżnu, peress li kienu ammonti kbar. Dawn it-tiġieġ għadhom ma' nqerdux, għaliex il-każ għadu sub-judice.
L-ammont ta' tiġieġ illi ġew maqbuda mid-dipartiment tas-sanita', matul is-snin 2000, 2001, u 2002, hu kif jidher hawn taħt:
2000- 588.7 kilogrammi
2001- 600 kilo
2002- 200 kilo
Fis-sena 2003, ġew maqbuda 4560 kilo. Dawn jinkludu l-2850 kilo li ġew meqruda, kif diġa msemmi.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-bord tal-gvernaturi tal-MCAST jiġi kostitwit għal kollox kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li qed jiġi konsidrat tibdil fl-Istatut ta' l-MCAST ser nistenna it-terminu oriġinali tal-Bord preżenti jiskadi tul din is-sena bl-iskop li jinħatar Bord skond it-tibdil imsemmi.
Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika — Koppji li jikkoabitaw flimkien
Question
Skond it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika, jista' il-Ministru jgħid kemm jirriżulta li għandna koppji li jikkoabitaw flimkien u mhux miżżewġa bil-Knisja jew biċ-ċivil fil-gżejjer tagħna?
Response (DALLI, JOHN)
Skond l-istħarriġ dwar l-istil tal-ħajja (Lifestyle 2003) tal-Maltin li sar bejn Ġunju u Lulju 2003, ġie stmat li hawn madwar 3000 koppja li jikkoabitaw flimkien u mhumiex miżżewġin bil-Knisja jew biċ-Ċivil fil-gżejjer tagħna.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3966 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' x'passi ħa l-gvern s'issa biex l-aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri u li se tibda taħdem sena oħra tiġi stabbilita f'Malta peress li pajjiżi oħra, fosthom il-Polonja, diġa' bdew il-pressjoni tagħhom mal-Presidenza Irlandiża biex jieħdu huma din l-aġenzija?
Response (BORG, TONIO)
Wara konsultazzjoni mal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin, Malta ser tesprimi l-interess tagħha li aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri tiġi stabbilita f`Malta. Peress li hemm diversi pajjiżi oħra li esprimew l-istess xewqa, din il-materja finalment tiġi deċiża mill-ogħla organu ta` l-Unjoni.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3986 u cioe' kemm hemm skejjel primarji u sekondarji statali li qed jużaw il-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija matul din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm kien hemm skejjel jużaw dawk il-faċilitajiet is-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm ħallsu l-iskejjel s-sena li għaddiet u din is-sena għall-użu ta' dawn is-servizzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Fil-preżent f'Malta u Għawdex separatament, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' arretrati ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jitħallsu b'arranġamenti speċjali minħabba li ħlas dovut ma sarx lill-korporazzjoni in kwestjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
L-arretrati li qed jithallsu b'arrangamenti specjali minhabba hlas dovut li ma sarx lil Water Services Corporation u l-Enemalta Corporation huwa hekk kif indikat hawn taht:
Numru ta' Kontijiet
Ilma Dawl
Malta 1199 341
Ghawdex 45 xejn
Total 1244 341
Esperti fil-qasam tat-trobbija tal-fniek u tal-majjal
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-sena li għaddiet il-Gvern Malti ma talabx lill-FAO sabiex tibgħat esperti fil-qasam tat-trobbija tal-fniek u tal-majjal sabiex jassessjaw u jirrikkmandaw miżuri li jirrimedjaw id-diffikultajiet attwali fit-trobbija ta' dawn l-industriji lokali?
F'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm inġiebu minn żmien għal żmien esperti mill-FAO u/jew istituti, eċċ., sabiex jassessjaw u jirrikkmandaw soluzzjonijiet għal diffikultajiet li minn żmien għal żmien jolqtu lil dawn l-industriji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Gvern is-sena l-oħra bagħat uffiċjal fl-Universita’ ta' Zaragosa biex jispeċjalizza fit-trobbija tal-fniek. Ninfurmah ukoll li kemm l-għaqda tal-fniek, kif ukoll il-Ko-operattiva ta' min irabbi l-majjali (KIM) ġabu espert huma wkoll minn barra.
Fil-fatt il-Ko-operattiva ta' min irabbi l-majjali (KIM), flimkien mad-Diviżjoni tal-Ikel u Attivita’ Veterinarja għamlet programm ta' upgrading tal-ġenetika fil-majjal, liema programm ser jibda fil-futur viċin.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li d-diffikultajiet li jġibu magħhom dawn iż-żewġ industriji minn jum għal jum jingħataw pariri mill-Veterinarji tad-Divizzjoni tal-Ikel u Attivita’ Veterinarja, u minn uffiċjali oħra fid-dipartiment tal-agrikoltura.
Ta’ min igħid ukoll li kemm jista’ jkun il-Ministeru qed jipprova jkollu dejjem aktar nies imħarrġa billi jsaħħaħ l-administrative capacity tiegħu u b’ hekk inaqqas d-dipendenza fuq expertise barranija.
Xi pjan qed jattwa l-ministeru sabiex jiġu kkontrollati l-ispeċi perikolużi bħal ġrieden u insetti li jinsabu fil-miżbla tal-Magħtab?
Jista' il-Ministru jassigura li s-sitwazzjoni fil-preżent u għal matul din is-sena hija waħda kkontrollata u mhux ta' allarm u ta' ebda periklu għaċ-ċittadini, b'mod partikolari ta' l-inħawi?
Jista' jinformani jekk ġiex investigat dan l-aspett mill-esperti li għamlu diversi rapporti dwar il-Magħtab? Jekk hu l-każ, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rakkmandazzjonijiet li saru dwar dawn l-ispeċi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond investigazzjonijiet xjentifiċi li għaddejjin, ma teżisti l-ebda problema ta' insetti fuq il-Magħtab jew miżbliet oħra. Rigward il-problema tal-ġrieden, il-Gvern qed jieħu passi biex din il-problema tiġi kkontrollata.
Mill-analisi li saru s'issa, kif ukoll bħala riżultat tal-miżuri li qed jittieħdu, s-sitwazzjoni hija taħt kontroll u mhux ta' allarm u ta' ebda periklu għaċ-ċittadini, b'mod partikulari ta' l-inħawi.
Minħabba li x-xogħol għadu ma tlestiex u r-rakkomandazzjonijiet li saru għadhom qed jiġu diskussi, mhux opportun li dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar il-progress ta' mistoqsija parlamentari 3474 u cioe' meta d-dipartiment jew l-awtorita' tat-trasport se jħallas il-fondi dovuti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jara x'inhi s-sitwazzjoni f'dan il-każ.