Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tat-test tal-European arrest warrant? Jidhirlu li għandu jaġġunġi ċerti riservi fuq l-istess?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-Council Framework Decision tat-13 ta` Ġunju 2002 (2002/584/JHA).
Ir-riservi huma dawk previsti fid-Deċiżjoni innifisha.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex meta ssir korrispondenza legali mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma rari tingħata risposta, bħal fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ittra datata 21 ta' Jannar 2004 dwar ammonti dovuti għas-servizz u l-konsum ta' ilma u elettriku fil-fond li għalih saret referenza, waslet għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fit-22 ta' Jannar 2004.
It-tweġiba għal din l-ittra ntbagħtet fid-29 ta' Jannar 2004.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess biex jinbidlu wires mikxufin? Meta beda dan l-eżerċizzju? Ta' min hi r-responsabbilta' li jsir dan ix-xogħol tal-korporazzjoni Enemalta jew ta' kuntratturi privati? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-wires mikxufin? Taħt liema regolamenti qed isir dan it-tibdil ta' wires?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li f'Malta u Għawdex hemm numru sostanzjali ta' wires mikxufin li bħala prinċipju ma hemm xejn ħażin fihom. Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindika għal liema wires qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-pulizija sabiex jiġu mħarsa ċ-ċentri ta' l-immigrazzjoni f'Ta' Kandja u Ħal Far, kif ukoll tal-General Head Quarters, fid-depot tal-pulizija fil-Floriana għas-snin 2002 u 2003? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża ta' l-ikel, phonecards u ħwejjeġ li ngħataw lid-detenuti f'dawn is-snin?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' l-armata sabiex jiġu mħarsa ċ-ċentri ta' l-immigrazzjoni f'Ħal Safi u Lyster Barracks għas-snin 2002 u 2003? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża ta' l-ikel, phonecards u ħwejjeġ li ngħataw lid-detenuti f'dawn is-snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-ispejjeż li għamlu l-Forzi Armati għas-snin 2002 u 2003 kienu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-landfill il-ġdida ta' l-Għallies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali għadu għaddej. Kemm l-applikazzjoni kif ukoll id-disinji u dettalji tekniċi tal-kostruzzjoni ta' l-Engineered Landfills, inkluż dik għall-iskart perikoluż, ġew sottomessi lill-MEPA biex tiġi approvata it-teknoloġija li għandha tiġi addottata.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-waste transfer station f'Għawdex in vista tal-fatt li hemm rabta ma' l-Unjoni Ewropea li l-miżbla tal-Qortin trid tagħlaq fl-1 ta' Mejju, 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali wassal biex intgħażel is-sit preferut. Għalkemm ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-MEPA għad trid tikkonferma dan is-sit u jitkompla l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali fuqu.
Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma — Kontijiet pendenti - kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji/għaqdiet, eċċ.,. li ma ħallsux il-kontijiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fis-sena 2003 u s-snin ta' qabel? X'inhu l-ammont dovut? Liema huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ammont dovut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għal konsum ta' ilma minn entitajiet kummerċjali fil-31 ta' Diċembru 2003 kien hekk -
Hotels Lm 492,582
Industrijali Lm 310,741
Kummerċjali Lm 495,706
Farms Lm 80,646
Apparti dawn, jista jkun hemm xi kontijiet ta' każi ta' casa bottega u oħrajn li huma kkunsidrati bħala konsum domestiku u allura mhux inklużi fiċ-ċifri ta' hawn fuq.
Prattikament kull negozju jew entita' kummerċjali jkollha bilanċ pendenti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan jiġri għaliex jkun hemm moviment fil-kontijiet billi kontinwament joħorġu l-kontijiet lill-konsumaturi u kontinwament isiru ħlasijiet.
Fir-rigward ta' min huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu, din hija nformazzjoni kunfidenzjali.
Kunsill Malti għall-isport — Użu ta' sustanzi illegali waqt l-isport
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3653, jista’ il-Ministru jgħid jekk il-kunsill Malti għall-isport ingħatax parir legali dwar dak li ġie allegat mill-għaqda tal-bodybuilding dwar l-użu ta' sustanzi illegali fl-isport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi skond il-konsulent legali tal-Kunsill Malti għall-Isport, riferenza għall-każ imsemmi il-parir legali huwa :-
1. Il-mediċini indikati fir-rapport ma humiex inklużi taħt ir-regolamentazzjoni ta' l-Ordinanza ta' Mediċini Perikolużi.
2. L-Att dwar l-Isports, sallum għadu ma jirregolax l-użu ta' sustanzi mediċinali fl-isports, pero' l-Att jagħti lok għal leġislazzjoni sussidjarja li tista' tiġi annessa mal-liġi minn żmien għall-żmien. Dan il-proċess beda permezz ta' Bord imwaqqaf mill-Ministeru f'Novembru 2003.
Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija numru 3652 li oriġinarjament saret lill Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u cioe' jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tal-kodiċi postali ġdid li l-uniku wieħed inħareġ 13–il sena ilu? Ma jaħsibx li dan huwa importanti li jiġi ppubblikat minħabba li l-awtoritajiet tal-posta jesiġu li l-kodiċi postali jitniżżel f'kull indirizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li direttorju ġdid tal-Kodiċi Postali hu ppjanat li jinħareġ meta jintemm il-proċess tar-riforma fit-tqassim, li qed isir propju bħalissa.
Naqbel ma' l-Onorevoli Interpellant li l-użu tal-Kodiċi Postali huwa mportanti għall-effiċjenza tas-servizz postali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Liġi ta’ l-Edukazzjoni u/jew il-Kurrikulu Nazzjonali jobbligax lill-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-Knisja u Indipendenti li jkollhom Kunsilli Skolastiċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk fil-fatt dawn kollha għandhomx kunsill skolastiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-liġi ta' l-Edukazzjoni ta' l-1988 tobbliga lill-iskejjel skedati li jkollhom Kunsill Skolastiku.
L-iskejjel li m'għandhomx Kunsill Skolastiku huma:
Primarja 'A' Fgura
San Ġużepp Ħaddiem, Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat? Jista' jgħid kemm hemm min ilu jokkupa din il-kariga għal mill-anqas 5 snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba huma obbligati li jiltaqgħu l-kumitati tal-kunsilli skolastici? Issir verifika jekk fil-fatt dan hux isir? Hemm kunsilli skolastiċi li mhux qed joqogħdu mar-regolamenti dwar laqgħat? Jekk iva, liema u x'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-liġi ta' l-Edukazzjoni, il-Kunsilli Skolastiċi għandhom jiltaqgħu darba fix-xahar (dejjem jekk ikun hemm quorum) u jżommu l-minuti tad-diskussjonijiet tagħhom. Il-liġi tobbligahom ukoll li darba fis-sena jridu jissottomettu rapport finanzjarju u rapport amministrattiv fejn jelenkaw l-attivitajiet tagħhom. Dawn ir-rapporti qegħdin jintbagħtu mill-Kunsilli Skolastiċi bħalissa.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema kien il-mard reġistrat fuq it-tjur, il-bhejjem u annimali oħra, separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2003 la ġie rraportat u lanqas ikkonfermat xi mard li huwa nfettiv u / jew kontaġġjuż li jaqa' taħt notifika jew li huwa fil-lista A tal-Office of the International Epizootics ( OIE).
Jista' il-Ministru jinforma lill-kamra liema kien il-mard reġistrat fuq is-siġar tal-frott u taċ-ċitru separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-mard fuq is-siġar taċ-ċitru, u s-siġar tal-frott li ġie reġistrat f’ Malta matul is-sena 2003
Dwar il-parti ta’ mard li ġie reġistrat Għawdex, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema kien il-mard reġistrat fuq il-varjetajiet taż-żriegħ tal-patata u tal-ħxejjex separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-mard reġistrat fuq il-patata u ħxejjex oħra f’ Malta matul 2003
Dwar il-parti ta’ mard li ġie rreġistrat Għawdex l-Onor. Interpellant hu mitlub li jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tfal li qed jattendu l-iskola primarja tal-Għargħur fil-preżent? Kemm kien in-numru ta' tfal li bdew is-sena skolastika attwali f'din l-iskola? Jista' jinformani sena b'sena, matul dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien in-numru ta' tfal li attendew l-iskola primarja tal-Għargħur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent in-numru ta' tfal li qed jattendu l-iskola primarja tal-Għargħur huwa:
Kindergarten - 25
Primarja - 61
In-numru ta' tfal li bdew is-sena skolastika attwali f'din l-iskola huwa:
Kindergarten - 17
Primarja - 61
In-numru ta' tfal li attendew l-iskola primarja tal-Għargħur matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif jidher hawn taħt:
Kindergarten Primarja
Sena Skolastika 2002/03 27 68
Sena Skolastika 2001/02 35 67
Sena Skolastika 2000/01 35 71
Sena Skolastika 1999/00 21 81
Sena Skolastika 1998/99 27 90
Jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' persuni u kumpanniji li fil-preżent għandhom xi forma ta' arranġamenti speċjali sabiex iħallsu l-arretrati tal-pagamenti dovuti minnhom tat-taxxa u kif ukoll tat-taxxa tal-VAT f'Malta u Għawdex, separatament?
Kemm hu l-valur taċ-ċifra globali tal-flus in kwestjoni li trid tinġabar permezz ta' dawn l-agreements?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT, f’każijiet speċjali biss jasal f’arranġament ma’ persuni u kumpaniji biex l-ammont dovut jitħallas fuq medda ta’ żmien raġonevoli. L-interessi u t-taxxa addizzjonali dovuti jibqgħu għaddejjin sakemm l-ammont jitħallas kollu. Hemm 27 persuni/kumpanji li għandhom dan it-tip ta’ arranġament għal somma globali ta’ Lm2,227,371.
L-informazzjoni mitluba dwar it-taxxa fuq id-dħul tinsab fit-tabella mehmuża.
Jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' persuni u kumpannija li fil-preżent għandhom agreement speċjali mal-korporazzjoni tad-dawl u l-ilma sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti li għandhom għas-servizzi tal-provvista tad-dawl u l-ilma?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal Malta u Għawdex separatament kif ukoll jinformani kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus in kwestjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-servizz ta' drenaġġ għadu ma ngħatax lil numru kbir ta' intrapriżi żgħar u mdaqqsin li jinsabu f'Tarxien Road, Gudja/Santa Luċija u Triq il-Qoton, Santa Luċija (fejn il-Guttenberg Press)? Jaf li hemm intrapriża li timpjega diġa' 75 ħaddiema u dalwaqt se tikber iktar biex timpjega 100 ħaddiem u li dawn il-kumpannija qed ikollhom iħallsu flejjes kbar biex jeħilsu mill-waste tagħhom? Fid-dawl tal-kampanja li qed issir minn naħa tal-Gvern biex jitnaqqas il-burokraija għal dawn it-tip ta' intrapriżi, jista' il-Ministru jinformana meta se jingħata s-servizz ta' drenaġġ lil dawn l-intrapriżi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-estensjoni tad-drenaġġ f'din l-area għalissa mhix fil-lista ta' prijoritajiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Naturalment, din mhix kwestjoni ta' burokrazija iżda ta' allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji li hemm biex isir dan it-tip ta' xogħol.