Jista' l-Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlametnari 26823 billi jgħid jgħid jekk minn wara Awissu 2006 'il hawn kienx hemm xi tibdil fil-kampjuni tal-prezzijiet ta' prodotti u servizz li nġabru mill-NSO? Jekk iva liema prodotti u servizzi kienu affetwati u kif ġew mibdula? Jista' jgħid jekk minn Awissu 2006 sal-lum inbidlux xi prattiċi fil-ġbir tal-prezzijiet biex tiġi mkejla r-rata ta' inflazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26823.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qam flus il-ktejjeb fuq l-Isptar Mater Dei li ntbagħat fid-djar tan-nies dan l-aħħar? Fejn ġie stampat? Min ngħata l-kuntratt tad-disinn? Kemm ġew stampati kopji? Kemm tħallsu flus biex dan il-ktejjeb ġie mqassam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti minn kampanja ta’ informazzjoni dwar Sptar Mater Dei, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi pproduċiet ktejjeb dwar Sptar Mater Dei li tqassam fid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex.
L-istampar ta’ 160,000 kopja sar għand Print It Ltd għall-prezz ta’ Lm8,850 + VAT.
Il-produzzjoni u d-disinn sar mill-aġenzija ta’ komunikazzjoni Communique Creative, għall-prezz ta’ Lm1,100 + VAT.
Spejjeż ta’ fotografija ammontaw għall-prezz ta’ Lm440 + VAT.
Id-distribuzzjoni saret mill-Maltapost għall-prezz ta’ Lm2,400 + VAT.
L-għażla tal-kumpaniji finanzjarji saret skond il-proċeduri finanzjarji tal-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi mpjegati fl-istaff privat tal-ministri jew segretarji parlamentari li ngħataw permess mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex ikun direttur f'xi Board of Directors jew f'xi Adjudicating Board tad-Dipartiment tal-kuntratti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-unika provvediment fil-Linji ta’ Gwida dwar Staff tas-Segretarji Privati tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari dwar il-preżenza ta’ dawn l-impjegati fuq bordijiet tal-Gvern hija li dawn ma jistgħux iservu fuq dawn il-bordjiet bi ħlas (paragrafu 3.5.2).
Peress li l-INSO hija responsabbli mill-equipment tal-Isptar Mater Dei u kemm-il darba jkun hemm bżonn ta' xi equipmentieħor li mhux kompriż fit-tender li ntrebħet mill-INSO, allura jista' l-Prim Ministru jgħid kif allura jsir l-procurement ta' dan l-equipment addizjonali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Procurement ta’ Equipment addizzjonali li mhux kompriż fit-tender li ntrebħet mill-INSO, jsir skond il-proċeduri u r-regolamenti finanzjarji stabbiliti għax-xiri ta’ Equipment.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26963 u jgħid kemm qam flus il-ktejjeb fuq l-Isptar Mater Dei li ntbagħat fid-djar tan-nies dan l-aħħar? Fejn ġie stampat? Min ngħata l-kuntratt tad-disinn? Kemm ġew stampati kopji? Kemm tħallsu flus biex dan il-ktejjeb ġie mqassam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26963.
Peress li r-residenti ta' St Mary Street, Sliema ilhom għal 99 ġurnata bla rqad, kawża ta' tappieri li qegħdin jagħmlu ħoss kbir minħabba xogħol ħażin li sar minn kuntrattur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadem it-triq u li l-pedamenti ta' dawn it-tappieri sar ħażin jew ma sarx, jista' l-Ministru jara li l-ħsarat jitranġaw minnufih mill-istess kuntrattur u forsi jekk hemm xi retention money dan jintuża biex ix-xogħol isir sew? F'każ negattiv, min hu responsabbli għal dan ix-xogħol u min allura suppost jirranġa dawn in-nuqqasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma tikkonferma illi l-problema fit-tappiera inkwestjoni kienet ikkawżata mill-fatt li kienet ċediet l-manhole chamber.
Il-Korporazzjoni talbet verbalment lill-kuntrattur li għamel ix-xogħol oriġinali biex jagħmel it-tiswijiet neċessarji u din it-talba ġiet ikkonfermata bil-miktub filwaqt li l-kuntrattur ingħata sas-17 ta' Lulju 2007 biex jagħmel ix-xogħol rimedjali.
Il-kuntrattur naqas milli jagħmel dan u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlet dan ix-xogħol meħtieġ permezz ta' kuntrattur ieħor u ser tnaqqas il-valur ta’ dan ix-xogħol mir-retention money dovut lill-kuntrattur.
Billi kien hemm diversi sentenzi tal-Qorti li jikkonfermaw li d-dipartiment tat-taxxi interni m'għandux dritt joħroġ kontijiet tal-income tax li huma preskritti minħabba ż-żmien li għadda fuqhom, x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tat-taxxi interni baqa' joħroġ kontijiet simili? L-uffiċjali tad-dipartiment ingħataw struzzjonijiet biex iwaqqfu din il-prattika? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab mgħarraf mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li s-sentenzi msemmija mill-Onorevoli Interpellant jinsabu fi stadju ta’ ritrattazzjoni quddiem il-Qorti ta’ l-Appell.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26966 u 27097 u jgħid kemm ġew approvati call for applications għall-impjiegi mal-gvern jew ma' entitajiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm minn dawn kienu fuq bażi temporanja u kemm fuq bażi indefinita? Kemm minn dawn il-call for applications kienu internal u kemm external u x'inhu s-salarju offrut u x'benefiċċji hemm ma' tali mpjiegi? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2005, 2006, 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Il-benefiċċju u s-salarji huma kollha kif stabbiliti fir-regolamenti tal-Gvern.
Issa li ntemmet is-sena skolastika, jista' l-Ministru jelenka liema huma dawk l-iskejjel li m'għandhomx kap ta' skola u dawk li m'għandhoxm assistenti kapijiet ta' l-iskola? Kemm saru applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel kollha għandhom Kap jew Aġent Kap inkarigat mit-tmexxija tagħhom u f'kull skola illum hemm in-numru meħtieġ ta' Assistenti Kapijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fil-pixxina nazzjonali ġewwa Tal-Qroqq? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa totali fuq xogħlijiet li saru fil-pixxina nazzjonali mill-1 ta' Ottubru, 2006 s'issa u fuq hiex intnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li l-pulizija ressqet żewġ uffiċjali ta' l-Awtorita' Marittima l-qorti fuq allegazzjoni ta' tixħim, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hiex bi ħsiebha tipproċedi kontra dawk il-mijiet li allegatament xaħħmu liż-żewġ uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha f'dan il-każ, għalkemm waslet fi stadju avvanzat ħafna. Diġa' tressqu żewġ uffiċjali pubbliċi l-Qorti akkużati b'korruzzjoni u reati oħra in konnessjoni ma' dan il-każ. Il-Pulizija hi obbligata bil-liġi li tibda proċeduri bil-Qorti kontra kull min jikser il-liġi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti quddiem il-qorti kriminali bħalissa? X'inhuma l-akkużi prinċipali? Jista' jgħid ukoll kemm hemm barranin li qed jistennew biex jgħaddu ġuri u fuq liema akkużi? Dawn ta' l-aħħar huma miżmuma l-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
In-numru ta’ Ġurijiet Pendenti quddiem il-Qorti Kriminali fit-13 ta' Settembru kien ta’ 60.
L-akkużi prinċipali huma:
(a) Importazzjoni ta’ droga
(b) Pussess u traffikar ta’ droga
(c) Kultivazzjoni ta’ cannabis
(d) Omiċidju volontarju
(e) Tentattiv ta’ omiċidju volontarju
(f) Serq u ħsara volontarja
(g) Ħasil ta’ flus
(h) Kxif ta’ sigrieti pubbliċi minn uffiċjali pubbliċi u riċevimenti ta’ xi rigali
(i) Traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta
(j) Stupru vjolenti
(k) Stupru vjolenti fuq minorenni
In-numru ta’ barranin li qed jistennew li jgħaddu ġuri huma 12.
L-akkużi prinċipali huma :
(a) Serq u ħsara volontarja
(b) Tentattiv ta’ omiċidju volontarju
(c) Pussess u traffikar ta’ droga
(d) Traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta
(e) Stupru vjolenti aggravat
(f) Stupru vjolenti fuq minorenni
(g) Ħasil ta’ flus
In-numru ta’ barranin li bħalissa jinsabu miżmumin il-ħabs u li qed jistennew li jgħaddu ġuri huwa 7.
JIsta' l-Ministru jgħid x'kien l-assenteiżmu mill-iskejjel tal-gvern fis-sena skolastika li għadha kemm intemmet mqassma fi skejjel primarji, sekondarji, eċċ.? Jista' jgħid ukoll liema skejjel kellhom lanqas kif ukoll l-aktar każi ta' assenteiżmu? Kontra kemm-il ġenitur ittieħdu passi bil-qorti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
JIsta' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta' trabi mwielda mingħajr l-isem tal-missier jew unknown father mis-sena 2000 sas-sena 2006 sena b'sena separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mid-Dipartiment ta' l-Istatistika, in-numru ta' trabi mwielda mingħajr l-isem tal-missier hu kif imsemmi hawn taħt:
Sena Numru
2000 238
2001 245
2002 282
2003 306
2004 330
2005 322
2006 371
N.B.
L-ammont indikat għas-sena 2006 mhux uffiċjali minħabba li għadu ma ġiex ippublikat fid-Demographic Review.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27062 u jgħid kemm kienet in-nefqa sa' l-1 ta' Lulju, 2007 mill-bidu li twieled il-ħsieb li jinbena sptar fl-area f'Tal Qroqq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W376.
Tista' l-Ministru tgħid għal liema benefiċċji huma ntitolati d-detenturi tal-karta anzjan f'Għawdex? Għaliex lill-anzjani Maltin jgħidulhom li l-karta anzjan ma tgħoddx f'Għawdex meta jmorru biex iħallsu n-noll tal-karozza tal-linja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum kemm kien hemm każi ta' qtugħ ta' dawl f'Malta u f'Għawdex, bid-dati, bit-tul ta' ħin u lokalita' b'lokalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna persuni (mhux ċittadini ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea) minn pajjiżi oħra li għandhom il-permessi meħtieġa biex jaħdmu f'pajjiżna? F'liema qasam għandhom permess jaħdmu? Minn liema pajjiżi ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi kopja tal-lista bl-informazzjoni mitluba lill-Onor. Membru.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti tekniċi li saru dwar il-passi li jridu jittieħdu biex tibda titħaddem id-decompression chamber f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-ropporti mitluba.