Jista' il-Ministru jgħid kif garage li jinsab fi Triq il-Qawra, Qawra li huwa liċenzjat dak iż-żmien mill-PAPB bħala garage għall-private car qed jiġi użat bħala child Minding Centre ref PA 03282/03 meta dan diġa hemm objections dwaru u peress ukoll li jidher li fil-policy dwar din it-tip ta' applikazzjoni għandu dejjem ikun hemm assigurat 5 sq metres per child biex tiġi kkunsidrata? Jarax il-Ministru li dan il-każ għandu jiġi rifjutat minnufih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni għadha m' hijiex deċiża mill-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp u għandha tidher quddiem l-istess Kummissjoni fil-25 ta' dan ix-xahar għall deċiżjoni. Fuq l-istess sit hemm Enforcement file miftuħ EC 382/03.
Ta min igħid li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet diġa ħadet azzjoni billi il-post ġie ssiġillat xi żmien wara li nħarġet ECF 382/03 u ninsab infurmat li l-post għadu ssiġillat sal-llum, 17 ta’ Frar 2004.
Malta Football Association — Negozjati ma l-Unjoni Ewropea
Question
Jista' il-Ministru jinfurmani jekk il-Malta Football Association ġietx involuta fit-trattativi waqt in-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv din l-istess assoċjazzjoni marritx Brussels, u tat l-input tagħha fil-kwistjoni ta' free movement ta' players tal-football?
Response (BORG, JOE)
Il-forum li permezz tiegħu il-Gvern involva l-għaqdiet rappreżentattivi fit-trattativi waqt in-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea kien il-Malta EU Steering and Action Committee. Il-Malta Football Association qatt ma talbet li tifforma parti minn dan il-Kumitat li fih ġew diskussi il-pożizzjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Malti fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, u għal daqstant l-MFA qatt ma saret membru ta' dan il-kumitat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li van Subaru aħmar abbandunat fi Triq in-Nassab Ħal Qormi jitneħħa mill-pulizija peress li qed joħloq inkonvenjent u periklu għar-residenti ta' l-akwati?
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jingħatalhom kompjuter laptop l-għalliema li daħlu bħala complementary teachers f'Settembru 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni se joħroġ tender għax-xiri tal-laptops biex dawn il-complementary teachers li s'issa m'għandhomx laptop jiġu mogħtija wieħed.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol matul din is-sena sabiex isir il-bini il-ġdid ta' Naxxar Road mill-HSBC ta' B'Kara saċ-ċimiterju ta' Ħal Lija? Kemm huwa stmat li se tkun in-nefqa u kemm se jdum ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1868.
Jista' il-Ministru jgħid meta jsir ix-xogħol fuq Naxxar Road Birkirkara jista' jiġi studjat jekk huwiex possibli li jiġu nstallati traffic lights fejn ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Tasfigurazzjoni biex b'hekk isir kontroll aħjar tat-traffiku u dan jimxi hafna aħjar mil-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1868.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm immigranti fl-open centre ta' Ħal Far? Jista' jagħti breakdown ta' kemm hemm irġiel nisa u tfal u x'nazzjonalita' huma? Jista' jgħid jekk ġietx mogħtija għajnuna lil għaqdiet volontarji li jaħdmu mar-refuġjati mill-ministeru ta' l-intern matul is-sena 2003? Jista' jsemmi min huma dawn l-għaqdiet u x'tip ta' għajnuna ngħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi preżentement in-numru ta` immigranti fl-open centre ta` Ħal Far hu ta` 117, li minnhom 73 huma irġiel, 17 nisa u 27 tfal. Dawn ġejjin mill-pajjiżi kif ġej:-
Congo 35, Ethiopia 3, Eritrea 39, Guinea 1, Iraq 4, Ivory Coast 6, Liberia 1, Mali 1, Palestina 2, Somalia 18 u Sudan 7.
Infurmat ukoll illi matul l-2003 dan il-Ministeru għen lill-Kummissjoni Emigranti billi ħareġ xi spejjeż in konnessjoni ma` sistemazzjoni ta` l-istess refuġjati.
Dwar għajnuniet finanzjarji oħra nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex żoni ġewwa Ħal Lija kienu bla dawl għal aktar minn sittax (16) il-siegħa bejn il-5.15 ta' fil-għodu sa 9.40 ta' fil-għaxija nhar il-Ħamis 29 ta' Jannar 2004? Jista' jgħid ukoll għaliex mar id-dawl fl-istess inħawi darbtejn oħra fl-għaxar tijiem ta' qabel? Jaf il-Ministru li kien hemm ilmenti mal-Enemalta Corp. dwar ħsara li saret f'xi tagħmir domestiklu minħabba dan il-qtugħ jew meta reġa' ġie d-dawl? Kien hemm talbiet għal-kumpens?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li parti minn Ħal Lija kienet bla dawl fid-29/01/2004 minħabba ħsarat fuq is-sistema tal-High Voltage fis-substation ta' Lija St Andrew's fejn kellu jinbidel it-transformer u l-conncetors tiegħu.
Fil-25/01/2004 u fil-28/01/2004 partijiet miż-żona effetwata fid-29/01/2004 kienu bla dawl minħabba overloading fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx. L-Enemalta ma kellha l-ebda talba bil-miktub għall-kumpens.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4146, jista' il-Ministru jinvestiga l-bini ta' garaxxijiet li qiegħed isir preżentement fl-inħawi ndikati? Jista' jassigura li dan l-abbuż ma' jibqax għaddej u eventwalment jitwaqqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara li saru iżjed investigazzjonijiet fuq il-post irriżulta li riċentement inbnew żewġt ikmamar oħra llegali. Dan sar b' mod li jagħmilha diffiċli għall-osservatur sabiex jidentifika dawn il-kmamar peress li inksew b' ġebel qadim jew sejjiegħ u mgħottija imparti bil-ħamrija. Minkejja li saru diversi spezzjonijiet għall-għarrieda, saħansitra anke matul il-'weekend', ma setax jiġi identifikat minn huwa responsabbli minn tali kostruzzjoni. Pero’ se tittieħed azzjoni t' infurzar kontra s-sidien u l-okkupanti billi se jitwaħħlu Avviżi tat-Twettieq fuq il-post skond l-Att 1 ta' 1992 (ECF 104/04 u ECF 105/04).
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal kumpens mill-Enemalta minħabba ħsara li kkawżat minħabba qtugħ fl-elettriku fl-2003? Jista' jgħid kemm intlaqgħu minn dawn it-talbiet? X'tagħmir ġie affetwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li matul 2003 l-Enemalta rċeviet 4 talbiet għall-kumpens minħabba ħsara li ġiet ikkawżata minn qtugħ fl-elettriku.
Minn fost dawn it-talbiet ma ġiet milqugħa l-ebda waħda.
Normalment qtugħ fl-elettriku ma jaffettwa l-ebda 'appliances' jew tagħmir ieħor.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3934 u cioe' għaliex il-persuna minuri li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma tistax tkompli tibqa' man-nanna materna li d-dettalji tagħha wkoll qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-minuri li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda taħt Ordni għall-Ħarsien maħruġ skond il-provedimenti ta’ l-Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien).
Mingħajr ma nidħol fil-mertu speċifiku tal-każ, minħabba d-delikatezza u l-kunfidenzjalita’ ta’ dawn il-każijiet, irrid ngħid li tfal taħt Ordni ta’ Ħarsien huma segwiti mill-Bord Konsultattiv maħtur taħt l-imsemmi Att biex jgħatini l-pariri meħtieġa fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħi bħala l-persuna responsabbli skond il-liġi minn dawn it-tfal. Ngħid ukoll li jien dejjem segwejt il-pariri mgħotija minn dan il-Bord.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4237 cioe' jista' jagħti breakdown tad-dħul tad-dipartiment tal-liċenzji u ttestjar għas-sena 2003? X'ammont ta' flus matul is-sena 2003 huma dovuti għal cheques li ma ssarrfux? Kemm hu l-ammont totali ta' flus li għandu jiġbor dan id-dipartiment bħala arretrati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-dħul matul is-sena 2003 kien:
Motor Vehicle Licensing Lm 11,278,593
Driving Licenses Lm 733,861
Motor Vehicles Registration Tax Lm 23,116,065
VRT Licenses Lm 111,631
Registration Number Plates Lm 474,313
Miscellaneous Reimbursements Lm 23,542
TOTAL Lm 35,738,005
L-ammont ta' flus dovut għal cheques li ma ssarfux huwa ta Lm1,598.
L-ammont totali ta' flus li għandu jiġbor bħala arretrati huwa ta' Lm2,581,555.
Jista' il-Ministru jivverifika minn fejn ġejja r-riħa qawwija tad-drenaġġ fl-inħawi ta' l-isptar Monte Carmeli, f'Ħ'attard u jara li tittieħed azzjoni sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-riħa tad-drenaġġ fl-inħawi li semma l-Onor. Interpellant kien minħabba sadd fil-mejn tad-drenaġġ li ħiereġ mill-isptar Monte Carmeli li issa infetaħ.
Jista' il-Ministru jgħid min applika għall-post ta' direttur għall-ambjent fi ħdan il-MEPA? Min ġie shortlisted minn dawn l-applikanti u f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ismijiet ta' dawk li applikaw u anki ta dawk li eventwalment ġew shortlisted huma kunfidenzjali u ma jistgħux jingħataw.
Rigward l-istadju li fih wasal il-proċess, dan issa huwa ffinalizzat u l-applikanti kollha ġew infurmati bl-eżitu finali.
Tista' il-Ministru tgħid għal-liema raġuni qed ikun hemm dewmien fil-bini tal-ħajt tar-revelin taċ-Ċittadella? Tista' tgħid ukoll minn liema fond jew vot qed jitħallsu l-ispejjeż għal dan ir-restawr u jekk hemmx inklużi l-pagi tal-ħaddiema? Tista' tgħid ukoll kemm hemm ħaddiema nvoluti f'dan ix-xogħol ta' restawr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħolijiet fuq ir-revelin taċ-Ċittadella imxew bil-mod prinċipalment peress li wara li nħatt il-ħajt ta' barra instabu fdalijiet arkeoloġiċi li riedu jiġu studjati u rekordjati mit-Taqsima tal-Mużewijiet. Barra minn hekk ried jinstab mod li permezz tiegħu jkun jista' jitkompla x-xogħol filwaqt li dawn is-sejbiet jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku.
Ix-xogħol tal-bini tal-ħajt tar-revelin reġa' beda f'nofs Jannar ta' din is-sena u l-parti li qed tinbena bħalissa mistennija tkun lesta sal-aħħar ta' Frar tal-2004.
L-ispejjeż għal dan ir-restawr inkluż il-pagi tal-ħaddiema ser jitħallsu mill-voti tal-Ministeru għal Għawdex.
Hemm erba' ħaddiema assenjati fuq dan ix-xogħol.
Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
Question
Peress li fil-mistoqsija parlamentari 4122 ma saret l-ebda riferenza għal ħatriet fis-servizz pubbliku imma staqsejt dwar proċess ta' ħatriet li jiġi segwiet minn entita' li trid issib l-aħjar persuna għall-kariga u l-artiklu 13 ta' l-Att 2003 dwar l-Ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa ma jsemmi xejn dwar il-proċess ta' ħatra imma jitkellem dwar terms u conditions tas-CEO kif stabbiliti mill-kummissarju bi qbil mal-ministru, jista' għaldaqstant il-Viċi Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 4122?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna maħtura bħala Direttur Esekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa hi kkunsidrata bħala persuna kompetenti biex taqdi l-funzjonijiet tal-kariga tagħha u għalhekk ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 4122 f’Seduta 101.
Kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4123, skond artikolu 11 ta' l-Att li jirriferi għalih il-ministru, dawk maħtura jridu jintgħażlu minn fost persuni l-aktar addattati dwar issues ta' l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa u/jew issues ta' amministrazzjoni f'dan il-qasam. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna fuq liema kriterji ġew magħżula l-persuni maħtura fuq il-kummissjoni għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?
Fir-rigward tad-direttur eżekuttiv, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid eżattament ix-xogħol li għamlet fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif għidt diġa’ fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 4123 f’Seduta Numru 101, il-Kummissarju, il-membri u d-Direttur Esekuttiv huma kkunsidrati bħala l-persuni adatti biex jokkupaw il-karigi tagħhom. Għalhekk ma għandi xejn xi nżid ma’ dik it-Tweġiba.