Jista' il-Ministru jagħti stima ta' l-infiq fuq l-isptar Mater Dei u jaqsam din l-istima, settur b'settur, bħall-bini, servizzi ta' l-ilma, servizzi tad-dawl, għamara, apparat mediku, eċċ.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jirriżultalix li kien hemm xi entita’, regolatur jew enti pubbliku ieħor li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li daħħlu xi flus matul l-2003 liema flus, f’xi żmien qabel l-1998, kienu jidħlu direttament bħala revenue fil-fond konsolidat u nklużi fl-Estimi Ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada mpjegatx lil xi ħadd matul is-sena li għaddiet u jekk għandhiex il-ħsieb li timpjega lil xi ħadd fil-futur qarib? Jekk iva, f’liema karigi u min huma? Jista’ jgħid jekk saritx sejħa pubblika jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2003 il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada impjegat il-persuni elenkati hawn taħt:
Albert Ellul - Engineer
Andrew Ellul - Architect & Civil Engineer
Sergio Mule' Stagno - Draughtsman
Gaetano Zammit - Architect & Civil Engineer
Mariella Ferrante - Clerk
Samuel Dimech - Draughtsman
Paul Micallef - Architect & Civil Engineer
Joseph Briffa - Secondment minn CMC Co. Ltd.
Il-proċeduri stabbiliti mill-ETC ġew osservati f'kull każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti fi skejjel indipendenti? Jista’ jgħid meta saret kull applikazzjoni, minn min u għal liema xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
MEPA — Talbiet għall-permessi - Skejjel tal-knisja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti fi skejjel tal-Knisja? Jista’ jgħid meta saret kull waħda, minn min u għal liema tip ta' xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
MEPA — Talbiet għall-permessi - Skejjel ta' l-Istat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha applikazzjonijiet il-MEPA minn skejjel ta’ l-Istat għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti? Meta saret kull applikazzjoni? Minn min saret u għal liema xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-31 ta' Diċembru, 2003 kemm kien hemm: a) anzjani li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare u kemm minnhom kienu eżenti li jħallsu l-kera tiegħu; b) persuni bi bżonnijiet speċjali li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz tat-telecare?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Diċembru 2003 kien hemm 8,692 persuna li qed tagħmel użu mis-servizz tat-Telecare li minnhom 218 kienu persuni b’diżabilita’. Mill-imsemmi total kien hemm 2,330 eżentati mill-ħlas tal-kera.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjoni f'residenza privata
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-housing inspector tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali se jagħmel spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hija l-proċedura tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li spezzjonijiet isiru biss kull meta l-istess dipartiment iħoss il-ħtieġa li jagħmel dan.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru tiegħu biex tiġi solvuta l-problema ta' ħruġ ta' drenaġġ quddiem residenza li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, f'Dockyard terrace l-Isla?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li wara li saru l-investigazjonijiet neċessarji minn dan id-Dipartiment, instab li l-ħruġ ta' drenaġġ quddiem is-sit indikat kien qed jiġi kkawżat minn sadd fid-drenaġġ ta' l-istess sit. Dan is-sadd issa tneħħa.
Madankollu, peress li d-drenaġġ qiegħed jinstadd spiss, intbagħat avviż fid-29 ta' Jannar, 2004, lill-Kummissarju ta' l-Artijiet, bħala sid responsabbli w kopja lid-Direttur tal-Housing Construction and Maintenance, sabiex isiru t-testijiet u l-investigazzjonijiet neċessarji, sabiex tiġi solvuta din il-problema.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li fil-ġnub tal-bypass ta' Burmarrad ma nbnewx ħitan karatteristiċi tas-sejjieħ flok dawk tal-franka?
Għaliex il-Ministru ma jarax li f'toroq bħal dawn f'arterji ta' zona rurali, jinbnew ħitan tas-sejjieħ flok tal-franka mal-ġnub tat-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif jaf sew l-Onor. Interpellant il-ħitan imsemmija nbnew (fejn inbnew) minnflok ħitan tal-franka oħra li kienu jeżistu.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-protokolli bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan li mistennija jiġġeddu matul din is-sena? Jista' jinforma lill-Kamra bil-protkolli/arranġamenti speċjali li fil-mument pajjiżna għandu mal-Gvern Libjan u jgħid x'se tkun il-pożizzjoni ta' dawn l-arranġamenti mill-1 ta' Mejju, 2004 'il quddiem?
Response (BORG, JOE)
Fost il-Protokolli u l-Arranġamenti eżistenti bejn Malta u l-Libja li huma rinovabbli perjodikament, hemm l-Arranġament dwar il-provvediment ta' ammonti ta' żejt u prodotti taż-żejt mil-Libja lill-Enemalta u l-Arranġamenti Bankarji bejn il-Banek Ċentrali ta' Malta u tal-Libja illi permezz tagħhom il-pagamenti ta' ċerti prodotti u servizzi esportati lejn il-Libja jitpaċew kontabilment ma' l-importazzjoni taż-żejt mill-Libja.
Bis-sitwazzjoni favorevoli fis-swieq internazzjonali taż-żejt, mhux vantaġġjuż għal Malta li timporta ammonti ta' żejt taħt il-provvediment imsemmi, u għalhemm dan l-Arranġament ma ġiex rinnovat għal din is-sena kurrenti.
Protokoll ieħor li preżentement huwa in vigore u li ser jiġi affettwat mill-1 ta' Mejju tal-2004 huwa l-Protokoll bilaterali dwar id-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini mill-pajjiż rispettiv li kien iffirmat fl-1987 u li kien jiffaċilita l-proċeduri ta' safar permezz ta' l-użu ta' dokument ta' identita' minflok passaport. Kif diġa spjegajt f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3323 mogħtija fis-seduta numru 74 tad-9 ta' Diċembru, 2003, għalkemm dan il-Protokoll jinħtieġ li jiġi abrogat taħt ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bilaterali mal-Libja sabiex tkun introdotta sistema reċiproka effiċjenti ta' ħruġ ta' visa fuq il-passaport.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li ħallsu l-pensjonanti f'taxxa fuq il-pensjoni matul is-sena 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont totali ta’ taxxa mnaqqsa mill-pensjonijiet imħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali matul l-2003 kien ta’ Lm1,301,303.
Din iċ-ċifra hija l-ammont ta’ taxxa li nżammet minn ras il-għajn (withholding tax) u li għalhekk mhux neċessarjament t-taxxa li attwalment se tkun dovuta mill-pensjonanti meta jibagħtu l-formola tat-taxxa relattiva.
Dipartiment tat-taxxi interni — Kumpanniji mħarrka minħabba ħlas ta' PAYE
Question
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm huma l-kumpanniji li qed jiġu mħarrka mid-dipartiment tat-taxxi interni għaliex ma ħallsux il-PAYE tal-ħaddiema?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali li jridu jħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawk il-kumpaniji jew employers (min iħaddem) li d-dipartiment qed jieħu passi legali kemm fuq FSS (Final Settlement System: PAYE) jew SSC (Social Security Contributions: NI) għas-snin 1998 sal-2003 huma kif jidher fit-tabella mehmuża.
Dipartiment tat-taxxa tal-VAT — Kumpannija mħarrka fuq ħlas ta' taxxa tal-VAT
Question
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kumpanniji u persuni li qed jiġu mħarrka mid-dipartiment tat-taxxa tal-VAT għaliex ma ħallsux it-taxxa tal-VAT dovuta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul Jannar sa’ Dicembru 2003, kien hemm 232 kumpanija u 192 individwu li ġew mħarrka mid-Dipartiment tal-VAT permezz ta’ passi civili.
Jista' il-Ministru jinformani x'se tkun il-pożizzjoni ta' ċittadini Libjani fl-eventwalita' tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Kif se jaħdem il-proċess sabiex dawn ma jkollhomx bżonn japplikaw għall-visa biex jidħlu f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
B`effett mill-1 ta` Mejju 2004 ser ikun hemm bżonn visa biex ċittadin Libjan jidħol f`Malta, ħlief persuni li s-soltu jiġu eżentati.
Meta nidħlu fis-sistema Schengen, il-visa maħruġa liċ-ċittadini Libjani tintitolahom li jidħlu mhux biss f`Malta, iżda fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropeja li aċċettaw Schengen.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Rekwiżizzjoni ta' postijiet
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali mhux beħsiebu jneħħi r-rekwiżizzjoni minn fuq il-postijiet bir-riferenzi RO 27008; RO 49184 u RO 33407 meta dawn huma ċċertifikati minn perit bħala substandard u mhux adegwati għal dawn iż-żmenijiet u anke kkundannati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ma teżisti ebda ċertifikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant dwar il-postijiet indikati minnhu.
Dipartiment ta' l-artijiet — Twaqqigħ ta' kamra ta' l-injam
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qatt ma l-gvern ħa passi biex titwaqqa' kamra ta' l-injam li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha hemm bosta snin u li qed tagħlaq kamra oħra li ġiet mibnija bil-permess u mogħtija lil wieħed sajjied? Din il-kamra ta' l-injam qed tkun ta' inkonvenjent għas-sajjied.
Response (BORG, TONIO)
Il-kamra tal-injam li qiegħda tagħlaq l-aċċess għal kamra oħra ilha mikrija minn l-1942.
Il-kirja tal-kamra ta` wara saret fl-1970. L-aċċess ta` din il-kamra kien dejjem minn passaġġ tant li l-użu speċifiku ta` din il-kamra huwa li tintuża biss għal ħażna ta` xbieki tas-sajd.
Madankollu d-Dipartiment tal-Artijiet ħa jagħmel l-investigazzjoni tiegħu ħalli jara jekk il-kundizzjonijiet tal-kirja tal-kamra ta` l-injam humiex qegħdin jiġu miksura u jekk ikun il-każ jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-MEPA li jmorru għax-xogħol bir-rota? Jista' jgħid ukoll il-lokalitajiet li minnhom ġejjin il-ħaddiema ta' l-istess awtorita?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għandhiex informazzjoni ta’ dan it-tip.
Universitajiet Ingliżi — Ħlasijiet għal studenti Maltin
Question
Jistgħu jittieħdu passi mal-gvern Ingliż biex issir pressjoni fuq dawk l-universitajiet Ingliżi, b'mod partikolari l-University of Central England ġewwa Birmingham, li għal din is-sena akkademika wara Mejju jridu jibqgħu jżommu livell ta' ħlasijiet għall-istudenti Maltin biex jattendu universita' fl-Ingilterra daqslikieku kienu studenti mhux mill-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa mill-1 ta’ Mejju 2004, student Malti li jiddeċiedi jkompli jistudja barra minn Malta jista’ jagħmel dan liberament u hu ntitolat għall-istess kundizzjonijiet illi japplikaw kemm għal studenti ta’ dak il-pajjiż partikolari, kif ukoll għal dawk l-oħra illi ġejjin minn Stati membri oħra. Dan ifisser li student Malti se jħallas l-istess miżata ta’ student ta’ pajjiż membru ieħor fejn il-miżata teżisti. Madanakollu, ġaladarba l-istudent ikun ħallas l-ammont kollu dovut minnu għas-sena Universitarja 2003-2004, id-dritt illi jirċievi lura l-ammont żejjed illi ħallas għall-ahhar xahrejn (Mejju – Ġunju 2004) tas-sena Universitarja, mhux wieħed awtomatiku iżda huwa fid-diskrezzjoni ta’ l-istituzzjoni involuta, f’dan il-każ l-Universita’ ta’ Central England ġewwa Birmingham – marbut mal-prinċipju tas-sussidjarjeta'. L-uffiċċju Ewropew ta’ l-Universita ta’ Malta, kien ta parir lil dawk l-istudenti li avviċinawh u li kellhom l-intenzjoni li jkomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta għas-sena Universitarja 2003-2004, sabiex ma jħallsux l-ammont dovut minnhom għas-sena sħiħa, iżda jħallsu by instalments. Din il-problema ma tolqotx biss lil Malta. Fil-fatt fil-perjodu tal-Presidenza Olandiża, ġie varat studju f’Lulju 2004 bl-isem, ‘study of portability of the maintenance grants and University fee structures’ propju sabiex jinvestiga din il-problema partikolari.