B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4022, jista’ il-Ministru jgħid huwiex sodisfatt li kull skola tal-Knisja u dawk privati għandhom kunsilli skolastiċi? Jekk m'għandhomx, jista’ jara li dawn jimxu skond il-liġi fl-aqsar żmien possibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skola tal-Knisja jew Indipendenti m'hix obbligata bil-liġi li jkollha Kunsill Skolastiku.
Taqsima 4, paragrafu 27 ta' l-Att Nru XXIV ta' l-1988 tgħid hekk: 'Kull min japplika u jingħata liċenzja sabiex jiftaħ skola skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikolu 8 ta' dan l-Att għandu jagħmel kull sforz sabiex, mingħajr obbligu legali, jagħmel tiegħu is-sistema ta' tmexxija minn Kunsill ta' Skola kif maħsub f'din it-Taqsima ta' dan l-Att'.
Diversi skejjel għandhom Board of Governors filwaqt li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom Parent/Teachers Associations. Hemm skejjel li għandhom tnejn.
Jista’ il-Ministru jara li fir-regolamenti dwar it-tipjip li se jidħlu fis-seħħ fil-5 ta' April, fejn ġie skedat li ma jistax isir titjib fl-iskejjel, iżid ukoll li f'kull bini edukattiv ma jkunux jistgħu jiddaħħlu sigaretti kemm minn għalliema kif ukoll minn studenti u dan għax hemm tendenza li jsir tipjip, speċjalment minn studenti fis-sixth form?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Universita' — Studenti ta' nazzjonalita' b arranija
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li bħalissa qed jattendu xi kors fl-Universita` ta' Malta? Liema huma dawn il-korsijiet? Kemm minnhom huma tfajliet? Jista’ jgħid kemm minn dawn għandhom nazzjonalita` ta' pajjiż li hu jew li se jsir membru ta’ l-UE fl-1 ta' Mejju li gej? Ta' liema nazzjonalita` huma l-oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma eżattament ir-regolamenti dwar ix-xiri ta' sigaretti? Minn liema eta' jista' xi ħadd jibda jixtri prodotti tat-tabakk? Hemm xi regolamenti li jgħidu li tfal taħt ċerta eta' ma jistgħux ipejpu?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu bħalissa t-tunnellaġġ totali rreġistrat taħt il-bandiera Maltija? Jista' jgħid kif inhuma mqassma skond tankers, vapuri tal-merkanzija, jottijiet, eċċ.?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 3,368 bastiment reġistrati Malta b'tunellaġġ gross totali ta' 25,755,705. Minn dawn 1,568 kienu jottijiet, 325 kienu dgħajjes tas-sajd u 1,475 kienu bastimenti merkantili.
L-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant tista' tinġabar biss mid-database eletroniku li mhuwiex ir-rekord uffiċjali. Għalkemm dan jibqa' wieħed validu xorta hu suġġett għal xi varjazzjoni mir-reġistru miżmum bil-kitba li huwa dak uffiċjali. Fil-fatt it-tweġiba moħtija għal din id-domanda turi xi differenzi mill-informazzjoni mogħtija f'Mistoqsija Parlamentari 3924.
Richard Cachia Caruana — First permanent representative
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun il-pakkett finanzjarju offrut lis-sur Richard Cachia Caruana bħala first permanent representative fi Brussels tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Il-kuntratt tas-Sur Richard Cachia Caruana bħala ir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell għadu m'huwiex finaliżżat.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Ċittadinanza Maltija
Question
Peress illi hawn rapporti nformali li hawn madwar 8,000 barrani ta' nazzjonalita' Ewropea li għandhom dritt għall-vot, jista' il-Ministru jindika figuri iktar preċiżi?
Jista' jindika wkoll kemm hawn foreign residents jgħixu f'Malta u jindika minn liema pajjiż oriġinaw?
Jista' jindika wkoll matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm barranin ottjenew iċ-ċittadinanza Maltija u jispjega pajjiż pajjiż?
Jista' jgħid ukoll jekk għandux statistika formali jew informali ta' kemm hawn barranin f'pajjiżna llegalment u jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi n-numru ta` residenti permanenti li bħalissa qed jgħixu Malta huwa ta` 1,770. Qed ipoġġi Tabella 'A' fuq il-Mejda tal-Kamra li turi mill-liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni.
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija għas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4167. L-informazzjoni dwar is-sena 2004 tinsab f`Tabella 'B' li ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant jaf ben tajjeb li persuni li jinqabdu f`pajjiżna illegalment, jittieħdu l-proċeduri kontrihom u jiġu deportati, u għalhekk mhux il-każ li tinżamm statistika formali jew informali.
Jista' il-Ministru jgħid fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm saru separazzjonijiet bejn barranin jew bejn barranin u Maltin u jagħti dettalji dwar in-nazzjonalita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar in-nazzjonalita` ta` persuni f`każijiet ta` separazzjoni.
Mill-estimi jirriżulta li d-debt servicing għall-2003 kien ta' Lm85.7 miljun u li minnu Lm75.2 miljun hu ħlas ta' imgħaxijiet għal dejn lokali. B'hekk jirriżulta li l-gvern iħallas iktar minn Lm10 miljun fuq dejr barrani. Skond l-estimi d-dejn lokali llum huwa ta' Lm1,001 miljun. Madanakollu minn eżami ta' l-istess estimi ma jirriżultax kemm huwa d-dejn barrani globali. Jista' jindika kemm hu dan id-dejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dejn globali barrani tal-Gvern ta' Malta huwa ta' Lm72,628,327 (tnejn u sebghin miljun sitt mija u tmienja u ghoxrin elf, tlett mija u sebgħa u ghoxrin liri Maltin), mifrux fuq ħmistax-il ftehim ta' self.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proċess ta' separazzjoni personali - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - li jinsab differit għas-16 ta' Marzu 2004?
Jaf il-Ministru li l-prokuratur legali bdiet tivverifika perjodikament u kull ġimgħa li l-proċeduri ta' l-affissjoni qed isiru kif suppost u sas-17 ta' Frar 2004 kienu qed jinformawha li kollox kien in regola, u f'daqqa waħda fis-seduta tat-18 ta' Frar 2004 wara li l-persuna msemmija separatament, li hija mara anzjana ta' 68 sena, kienet ilha ħames sigħat tistenna, għarrfuha li l-proċess ma jistax jinstab?
Jaqbel li din mhix serjeta' u tindika nuqqas ta' organizzazzjoni fir-reġistru ta' din il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` separazzjoni ndikat mill-Onor. Interpellant ma kienx fir-reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta` Ġurisdizzjoni Volontarja) billi kien qiegħed mibgħut lid-Dipartiment tas-Servizzi Legali għall-pubblikazzjoni.
Kif dan tlesta, l-proċess intbagħat lura fir-reġistru fejn jinsab għas-Seduta tas-16 ta` Marzu 2004.
Il-fatt li l-proċess ma jkunx temporanjament fir-reġistru ma huwiex indikazzjoni ta` nuqqas ta` organizzazzjoni.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar meta l-bdiewa, ir-raħħala, eċċ. se jkunu nformati dwar l-iżviluppi tar-reġistrazzjonijiet tar-raba li għamlu snin ilu skond is-sejħiet li saru u li għalihom ħallsu eluf ta' liri u għadhom ma jafu xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet li saru taħt l-Iskema sabiex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern bħalissa qed jiġu pproċessati. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant f`dak li għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2071 ċioe`, li b`kollox saru madwar 10,000 applikazzjoni u li x-xogħol meħtieġ huwa invarjabilment wieħed laboruż u jieħu fit-tul. F`kull każ li jkun qed jiġi pproċessat it-Taqsima iżżomm kuntatt mal-applikant u tinfurmah b`dak li jkun hemm bżonn sabiex jiġi pproċessat il-każ tiegħu. It-Taqsima qed tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex, fid-dawl tar-riżorsi tagħha tipproċessa l-applikazzjonijiet.
Pulizija — Membri li ġew mogħtija każi ta' dixxiplina
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija u/jew uffiċjali fil-korp li ġew mogħtija każi ta' dixxiplina u/jew ġew investigati matul l-2003? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Sena
Każi ta` dixxiplina deċiżi quddiem il-Kummissarju
Numru ta` każi skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku
(Proċedura ta` Dixxiplina)
1999
503
7
2000
170
1
2001
230
-
2002
271
-
2003
167
12
Kummissjoni Maltija fi Brussell — Persuni li se jservu f'oqsma varji tal-biedja
Question
Jista' il-Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-cv tal-persuni li se jservu fil-kummissjoni Maltija fi Brussell fl-oqsma varji tal-biedja, sajd, veterinarji u l-iżvilupp rurali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li preżentament għall-laqgħat tal-kumitati fil-Kummissjoni Ewropeja qed jattendu uffiċjali fil-Ministeru sakemm ikunu maħtura uffiċjali fil-Missjoni ta’ Brussell skond struttura mfassla mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema fl-iskejjel ta' l-istat li rrappurtaw leave jew sick leave matul is-sena skolastika 2002/2003 u matul is-sena skolastika 2003/2004 sa llum?
Kemm-il ġurnata leave u/jew sick leave ħadu bejniethom matul dan l-istess perjodu skolastiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li, matul is-sena skolastika 2002/2003, kien hemm 1,882 għalliem li, bejniethom, ħadu total ta' 14,815-il ġurnata sick leave. Mill-bidu tas-sena skolastika 2003/2004 sa llum, kien hemm 1,503 għalliema li flimkien ħadu total ta' 8,109 ġranet sick leave.
L-għalliema m'għandhomx dak li aħna normalment ngħidulu leave. L-għalliema jieħdu l-leave tagħhom fil-vaganzi stabbiliti meta l-iskejjel ikunu magħluqin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rappurtati fl-iskejjel ta' l-istat għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena li sofrew l-istudenti fil-kinder, primarja, sekondarja u l-MCAST separatament? X'tip ta' inċidenti kienu?
Kemm-il każ ta' serq ġie rappurtat mill-istess studenti separatament fl-istess perjodu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għadu qed jinġabar mill-iskejjel u jiġi verifikat. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4097 u cioe' jista' jgħid kemm hemm każi li qed jiġu ttrattati quddiem it-tribunal industrijali? Kemm hemm minnhom li huma sospiżi? X'inhuma r-raġunijiet għal din is-sospensjoni? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-każi jkomplu jiġu mismugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2004 kien hemm 468 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali.
Ninsab infurmat ukoll li m’hemm ebda każ sospiż, iżda hemm 21 każ minnhom li huma diferiti sine die għal diversi raġunijiet.
B'referenza għal dak li qal kif l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin qdew demirhom sew fl-investigazzjonijiet li saru dwar il-Parmalat, x'żamm lill-istess istituzzjonijiet jaqdu dmirhom sewwa bl-istess mod fil-każ tad-Daewoo?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant jaf sew, jew imissu jaf sew, li il-każ tal-grupp multinazzjonali Parmalat u il-każ tad-Daewoo ma għandhom xejn x'jaqsmu ma' xulxin, u l-attentat sabiex jipprova jikkonsidrahom bħala simili huwa eserċizzju pwerili.
B'liema mod jista' jiftaħar li l-Gvern laħaq il-miri tiegħu meta żamm id-deficit għal Lm105 miljun fis-sena 2003 meta kien qed jippjana li dan kellu jkun ta' Lm75 miljun, jiġifieri Lm30 miljun inqas milli fil-fatt laħaq?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din mhix kwistjoni ta' ftaħir imma fatti, u t-tweġiba diġa ngħatat fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2004.
Il-Lm75 miljun deficit għas-sena 2003 kien ibbażat fuq ċertu livelli ta' dħul li kien mistenni kemm għas-sena 2002 u għas-sena 2003. Minħabba varjazzjoni f'dawn l-istimi, li r-raġunijiet għalihom issa ħerġin minn widnejna, kieku l-Gvern ma ħax passi immedjati fl-2003, id-deficit għall-2003 kien ser ikun bejn Lm126 miljun u Lm135 miljun.
Bl-għaqal tal-Gvern, permezz ta' trażżin fl-infiq, li xorta permezz tiegħu ma tnaqqsitx l-effiċċjenza fl-operat ta' l-Amministrazzjoni, u permezz ta' aktar effiċċjenza fil-ġbir ta' flejjes dovuti lid-Dipartimenti, il-Gvern irnexxilu jnaqqas dan il-livell għoli ta' deficit.