Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet tal-vetturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4006 li saret fis-26 ta' Jannar, 2004 peress illi l-Ministru fid-29 ta' Jannar, 2004 wieġeb illi risposta tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru jekk jogħġbu jindirizza din il-mistoqsija mill-iktar fis peress illi ħafna Għawdxin qed jinħolqulhom inkonvenjenti k bar biex imorru jagħmlu t-testijiet għal-liċenzji tas-sewqan f'Malta? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn it-testijiet għandhom isiru f'Għawdex stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-test il-ġdid tat-Teorija għalissa ser jibqa f'Malta, filwaqt li t-test prattiku qed isir Għawdex.

Għawdex — Bajja tax-Xlendi - hump

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2705, jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja li fir-risposta tiegħu tas-17.11.03 qal li l-hump fil-bajja tax-Xlendi kienet se titneħħa fil-ġranet li ġejjin, din il-hump għadha hemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Munxar kellu xi diffikultajiet biex isib kuntrattur biex iqaxxar it-triq u għalhekk dan ix-xogħol kien għadu ma twettaqx. Jidher li issa dawn il-problemi ġew risolti u x-xogħol mistenni jibda fit-3 ta' Marzu, 2004.
Leg 10 PQ #4574 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Cold stores tal-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1445 u għar-risposta relatata, tista' il-Ministru tgħid xi progress sar fix-xogħol ta' ekwipaġġar tal-cold rooms fil-cold stores tal-gvern mid-data tar-risposta 'il hawn, cioe' mit-22.09.03?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li bħalissa qiegħed isir xogħol ta' ekwipaġġar mill-ġdid ta' żewġ cold rooms fil-cold stores tal-Gvern f'Għawdex.

Engineered landfill ta' l-Għallis — Ġebel tal-qawwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tkun il-kwantita' ta' ġebel tal-qawwi li se jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis? Jista' jgħid x'se jsir minn dan il-materjal maqtugħ u jekk huwiex se jintuża?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' materjal li jrid jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis, x'ser isir minn dan il-materjal u jekk huwiex ser jintuża qed jiġi determinat fl-Environmental Impact Assessment (EIA). Madanakollu, huwa stmat li l-ammont ta' materjal li jrid jiġi mqatta' sabiex l-ewwel cell ġo dan is-sit tkun tista' tibda topera jammonta għal madwar 4.5 miljun tunnellata.
Leg 10 PQ #4592 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: ANTOINE MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni jirreġistraw għal part-time social assistants

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' għamel talba lill-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ għal-lista ta' persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol bħala part-time social assistants biex ikunu jistgħu jibdew l-intervisti għar-reklutaġġ ta' part-time social assistants biex ikunu jistgħu jiġu rimpjazzati dawk li jkunu bil-leave jew bis-sick leave?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġewx impjegati xi part-time social assistants bħala riżultat ta' l-intervisti għar-reklutaġġ ta' part-time social assistants biex ikunu jistgħu jiġu rimpjazzati dawk li jkunu bil-leave jew bis-sick leave, liema intervisti bdew ix-xahar li għadda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fit-23 ta’ Frar 2004 inbeda induction course għal numru ta’ part-time social assistants bi tħejjija għall-ingaġġ.

Sigurta' Soċjali — Persuna li tirrikjedi home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tingħata l-home help il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi bżonn kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata applikat għal servizz tal-Home Help fil-21 t’Ottubru 2003 u l-każ tagħha qed jiġi kkonsidrat.
Leg 10 PQ #4620 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Applikazzjoni għal status ta' refuġjat

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-immigrant illegali li applika għall-istatus ta' refuġjat u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, issottometta lill-awtoritajiet l-inkartament kollu dwar il-vera identita' u ċittadinanza tiegħu? Jekk iva, jista' jgħid għaliex din il-persuna għadha tinżamm taħt detenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm l-applikazzjoni għal status ta` refuġjat tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet miċħuda, l-istess persuna appellat minn din id-deċiżjoni, liema appell għadu pendenti.
Leg 10 PQ #4621 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tas-Sliema — Ħlasijiet għal boundary walls

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga ilmenti li deħlin fuq talbiet ta' ħlasijiet mill-kunsill lokali ta Tas-sliema lil sidien għal boundary walls fuq siti ta' żvilupp u fuq ħwienet, meta mid-dehra hemm byelaw li tgħid li materjal fuq il-bankini jkun immultat Lm1 kull metru kuljum?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolament 7 ta` l-Avviż Legali Nru 119 ta` l-2002 (Regolamenti dwar Attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali) jirregola "d-depositu ta` materjal tal-bini jew materjal ieħor jew xi oġġetti f`xi triq" billi jinħareġ permess mingħand il-Kunsill Lokali tal-lokalita` fejn ikun ser isir id-depożitu tal-materjal tal-bini li għalih jintalab dritt (fee). Għalkemm jista` jkun utli li wieħed jistudja dan il-punt aktar fil-fond, pero` jrid jingħad li ma kienx il-ħsieb tal-leġislatur li boundary wall jiġi nkluż fit-tifsira tal-kliem "depositu ta` materjal tal-bini jew materjal ieħor jew xi oġġetti f`xi triq".

Tas-Sliema — Triq Mrabat

Question

Jista' il-Ministru jinformani meta Triq Mrabat f'Tas-Sliema se tkun kompluta mix-xogħlijiet li għaddejja bħalissa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni biex isiru x-xogħolijiet tkopri l-perjodu bejn il-15 ta' Jannar u l-5 ta' Marzu, iżda x-xogħol qed isir mill-Kunsill Lokali, li kif jaf sew l-Onor. Interpellant hu entita kompletament indipendenti mill-gvern ċentrali.
Leg 10 PQ #4623 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Persuni li għaddew mill-eżami ta' principal

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformani jekk il-gvern impjegax nies li għaddew mill-eżami għal principal? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk il-gvern għandux intenzjoni jimpjega fil-ġejjieni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li għadu ma ġie reklutat l-ebda kandidat minn dawk li għaddew mill-eżami ta’ “Principal” fis-Settur Pubbliku, liema riżultat ġie ppublikat fit-22 ta’ Diċembru, 2003. L-ingaġġ ta’ “Principals” isir skond il-ħtiġijiet tas-Servizz.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha applikazzjoni pendenti għal social housing tingħata fond alternattiv? Japprezza li din il-persuna għandha tifla ta' tlett snin u preżentement qed tħallas Lm60 fix-xahar kera biex ikollha fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirriferi lill-persuna ndikata fis-Sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex tingħata kull tagħrif li għandha bżonn.
Leg 10 PQ #4637 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji — Sentenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega għal liema raġuni għadu ma sarx ħlas abbażi ta' sentenza tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għalkemm din ilha deċiża minn Settembru 2003?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-rakkommandazzjoni magħmula mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji, li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, ġiet implimentata u li l-persuna li għamlet l-ilment diġa’ intbagħtilha l-ħlas dovut.

Pensjonijiet — Increments

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħadmu l-increments naxxenti minn collective agreements għas-snin 2002, 2003 u 2004 li għandhom effett dirett fuq il-pensjoni ta' diversi ċittadini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess tar-reviżjoni tal-pensjonijiet kontributorji tas-Sigurta’ Soċjali, skond kif jitlob l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, hu proċess kontinwu. Ta min jgħid li dan il-proċess jinvolvi l-eżaminar ta’ ‘l-fuq minn 59,000 każ. Ninsab infurmat li fil-preżent it-taqsima konċernata qed taħdem bis-sahra fuq dawn ir-reviżjonijiet biex dawn jiġu finaliżżati mill-aktar fis possibbli.

Central Registry Act

Question

Peress li l-gvern qiegħed fil-proċess li japprova mill-Parlament Central Registry Act, jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk huwiex qed jippjana xi tibdil amministrattiv fid-dipartiment konċernat biex ikun jista' jimplimenta din l-istess liġi; 2) jaqbilx illi d-dipartiment tal-Land Registry huwa wieħed mill-aktar dipartimenti effiċjenti u effettiv li huwa għandu; u 3) jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jgħaddi xogħol (jew parti mix-xogħol) li jaqa' taħt dan id-dipartiment lil xi soċjeta' privata?

Response (BORG, TONIO)

Wara li diġa’ ttieħdu xi passi fil-passat sabiex tiġi ffaċilitata l-amalgamazzjoni, eżempju f’dak li hu amministrazzjoni finanzjarja, preżentament qed isir Operations Review mill- Management Efficiency Unit bil-għan prinċipali li jiġu identifikati r-riżorsi meħtieġa sabiex isseħħ l-amalgamazzjoni sħiħa tar-Reġistri. Il-Gvern huwa kommess li jipprovdi l-qafas amministrattiv neċessarju sabiex l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi tant importanti tkun tista’ sseħħ bl-aħjar mod possibbli, fl-aħjar interess tal-klijenti kollha ta’ din id-Diviżjoni u tal-ħaddiema fi ħdanha. B’hekk, bil-ħidma sfieqa tal-management u l-ħaddiema, inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li kien hemm, u f’dan il-kuntest ningħaqad mal-kummenti favorevoli li għamel l-Onorevoli Interpellant. Il-Gvern huwa konxju mill-ħidma sfieqa li qed issir u kien proprju għalhekk illi fl-Abbozz il-Gvern qiegħed għall-ewwel darba jirrikonoxxi r-rwol tal-ħaddiema, eżempju Artiklu 74 ta’ l-Abozz fejn uffiċjali tar-Reġistru se jiġu maħtura biex iservu fit-Tribunal tar-Reġistru Pubbliku. Għalhekk għalkemm il-Gvern iqis kull opportunita’ li tista’ tinqala’, bħalissa ma hemmx ħsieb li jista’ jsir xi ħaġa fuq il-linji li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ households li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Help f’Malta hu 3,739. Għal dak li jirrigwarda l-istess informazzjoni dwar Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Leg 10 PQ #4183 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-istat — Studenti ta' nazzjonalita' barranija

Question

Matul is-sena li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal/studenti barranin li qed jattendu l-iskejjel ta' l-istat? X'reliġjon iħaddnu u x'nazzjonalita' għandhom? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal din is-sena kif ukoll jinformani xi ħlasijiet dawn iħallsu lill-istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika 2002-2003, tfal/studenti barranin fl-iskejjel ta' l-istat kienu 232. Matul is-sena 2003-2004 in-numru tela' għal 362. Informazzjoni dwar x'reliġjon iħaddnu ma teżistix. Ir-rata tal-ħlas għal kull semestru hija ta': Kinder/Primarja - Lm 67 Sekondarja - Lm 80 Post-Sekondarja - Lm 94 In-nazzjonalita' ta' l-istudenti hija kif murija fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Żieda ta' 50c fil-ġimgħa

Question

B'riferenza għall-għoli tal-prezzijiet tal-mediċini u tal-prodotti ta' l-ikel u x-xorb inkluż l-ilma, li rriżultaw fix-xahar ta' Jannar 2004, ma jħossx il-Viċi Prim Ministru li ż-żieda ta' 50c fil-ġimgħa lill-pensjonanti u l-familji li jiddependu mill-benefiċċji soċjali, mhux biżżejjed quddiem din l-ispiża ġdida li qed isofru dawn il-familji Maltin u Għawdxin? Kif jispjega l-fatt il-Viċi Prim Ministru li nħoloq dan il-piż finanzjarju fuq dawn il-familji meta l-gvern wiegħed u għadu jwiegħed li l-prezzijiet ta' l-ikel u x-xorb fost oħrajn kellhom jorħsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja fir-rata tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali hi regolata bl-artikoli 90A u 90B ta’ l-istess Att. Irrid infakkar lill-Onor. Interpellant li minbarra ż-żieda li rrefera għaliha, din is-sena ser jitħallas ukoll bonus speċjali ta’ Lm39 lil dawk li qed jirċievu pensjoni jew Għajnuna Soċjali taħt l-imsemmi Att. Din is-sena ser jitħallas wkoll bonus speċjali ieħor ta’ Lm13 lil dawk li qed jirċievu l-Għajnuna Supplimentari. Għalhekk mhux korrett li jingħad li l-pensjonanti u dawk li jiddependu mill-benefiċċji soċjali ser jieħdu biss żieda ta’ 50ċ fil-ġimgħa.

Ministeru għall-politika soċjali — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, xtieli/pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra ta' flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tieghu mhux ser twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f’kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista jintuża aħjar. L-Onor. Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.