Jista' il-Ministru jgħid kemm kumpanniji jipprovdu karozzi għas-servizz tat-trasport skolastiku? Fis-servizz li jipprovdu kemm hemm vjaġġi b'kollox? Kemm minnhom huma amalgamati? Xi ħlasijiet jieħdu l-kuntratturi għat-tip ta' vjaġġi differenti li jagħmlu? B'kollox kemm ġie jiswa dan is-servizz fis-sena skolastika li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tlett kumpaniji jipprovdu is-servizz ta' trasport skolastiku. Bejniethom dawn jipprovdu madwar 760 vjaġġ. Hemm 50 vjaġġ li huma amalgamati. Ir-rati tal-ħlas għas-sena skolastika 2002/2003 kienu kif ġej:
Minibuses Minibuses for Buses/Coaches
Special Schools
Lm 2.88 Lm 3.70
Lm 3.57 Lm 4.29 Lm 4.41
Lm 4.29 Lm 5.03 Lm 5.06
Lm 4.97 Lm 5.84 Lm 6.44
Lm 5.72 Lm 6.85 Lm 7.15
In-nefqa totali għat-trasport skolastiku għas-sena 2002/2003 kienet ta' Lm 1,053,884
Jeżisti xi kuntratt mill-Ministeru jew Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex il-kumpanija Safetrust Ltd tipprovdi xi servizz? Kemm jiswa s-servizz li qed tipprovdi? X'tip ta' servizz? Kif intgħażlet din il-kumpannija biex tipprovdi dan is-servizz?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jeżisti kuntratt, li jiġġedded kull tlett xhur, ma’ Safetrust Limited biex din tipprovdi servizz ta’ sigurta’ ma’ l-entratura tal-binja tal-Ministeru/Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Il-kumpanija ntgħażlet wara li ntalbu kwotazzjonijiet mingħand tlett kumpaniji. Il-prezz mitlub minn Safetrust Limited, jiġifieri Lm2.20 fis-siegħa (VAT eskluża), kien l-irħas. Is-servizz mogħti jikkonsisti fi bniedem wieħed li jikkontrolla kemm il-vetturi li jieqfu quddiem il-binja kif ukoll in-nies li jidħlu fil-binja. Il-kuntratt kurrenti jagħlaq fl-aħħar ta’ Frar u mhux fil-ħsieb li jiġġedded.
X'riżorsi finanzjarji u umani għandha bżonn l-Universita' biex tkun tista' torganizza korsijiet M. Psych. li tant għandha bżonn fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, soċjali u ta' l-impjiegi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' għandha bżonn Lm20,000 oħra fis-sena biex tkun tista' toffri il-Masters fil-Psikoloġija Edukattiva, fil-Psikoloġija Klinika u fil-Counselling. Dan l-ammont ikopri l-bżonnijiet kollha, inklużi dawk umani.
Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn l-aħħar tliet xhur intremew karkassi sħaħ ta' majjali u baqar fil-Magħtab?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn Ottubru u Diċembru 2003 fil-Magħtab intremew 954 tunnellata ta' skart minn proċessar ta' annimali u karkassi sħaħ. Din l-istatistika tinkludi wkoll karkassi sħaħ ta' majjali u baqar.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4278 u cioe' kemm hemm mobile phones fid-dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jispjega l-fatt kif, wara li direttur GPS ġiet kuntrattwalment assenjata proġett li twaqqaf l-awtorita' regolatorja tal-mediċini, din ma ġietx milqugħa lura bħalha direttur GPS wara li lestiet il-proġett, skond l-istess ftehim? Dan ifisser li għall-post ta' direttur GPS illum għandha tnejn minn nies li għal posting wieħed qed jitħallsu żewġ pagi, eċċ.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li għandu mhix għal kollox korretta. Id-Direttur tal-GPS ma lestietx il-proġett assenjat lilha iżda rriżenjat mill-kariga mogħtija lilha. Hija ġiet milqugħa lura fid-Diviżjoni tas-Saħħa bħala Direttur tal-GPS u ġiet assenjata t-tmexxija tat-taqsima tal-Policy and Audit - Dipartiment ġdid fl-uffiċju tad-Direttur Ġenerali. Id-direttur tal-GPS għadha qatt ma daħlet għax-xogħol mid-data tar-riżenja tagħha tal-proġett assenjat lilha għax qegħda fuq sick leave.
Peress illi l-gvern naqqas ir-rata tal-VAT għal 5% fuq yachts, eċċ., bejn Novembru u Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati yachts taħt din l-iskema?
Peress li l-gvern stqarr li din il-miżura tgħin in-negozju tar-reġistrazzjoni ta' jottijiet, jista' jgħid kemm żdied id-dħul tal-gvern b'din il-miżura?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' jottijiet reġistrati sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistenna sa l-aħħar ta' Marzu meta tagħlaq l-iskema. F'kull każ ma naħsibx li nista' nagħti dettalji fuq min qed iħallas it-taxxa.
Jista' il-Ministru jgħid, matul is-sena 2003, kemm-il vapur reġistrat Malta kien involut f'inċident fuq il-baħar? Kemm minn dawn il-vapuri għerqu, liema kienu u fejn? X'kienet il-kawża f'kull każ? Kien meħtieġ li l-gvern jidħol f'xi każ minnhom? Jekk iva, liema kien/u ċ-ċirkostanzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul is-sena 2003 kien hemm 119-il inċident li jinvolvu bastimenti merkantili reġistrati Malta. Tnejn minn dawn, il-Junior M u l-Ogan għerqu, l-ewwel wieħed fil-baħar l-Iswed u l-ieħor 70 mil il-bogħod mill-Greċja.
L-Awtorita` Marittima ta' Malta tinvestiga kull inċident li jinvolvi bastimenti Maltin.
Bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija — Baħrin li tilfu ħajjiethom
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fost baħrin li kienu qed iservu fuq bastimenti rreġistrati f’Malta fl-2003 minħabba xi inċident? Fuq liema bastimenti kienu qed iservu? Ta' liema nazzjonalita` kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul is-sena 2003 disa' persuni ta' erba nazzjonalitajiet differenti li kienu qed iservu fuq ħames bastimenti reġistrati Malta tilfu ħajjithom kawża ta' xi inċident. Tlett persuni oħra ta' tlett nazzjonalitajiet differenti li kienu qed iservu fuq tlett bastimenti Maltin intilfu l-baħar. Wieħed minnhom instab mejet.
Bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija — Baħrin Maltin
Question
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' baħrin Maltin li qed iservu fuq bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Jista’ jgħid kemm minnhom huma speċjalisti fix-xogħol tagħhom u f’liema xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi mhux possibli li jingħata n-numru eżatt ta' persuni Maltin li qed iservu fuq bastimenti merkantili reġistrati taħt il-bandiera Maltija u li jbaħħru f'ibħra internazzjonali. Probabbli dan in-numru mhux iktar minn mija, li madwar nofshom huma uffiċjali ċċertifikati u tletin oħra huma deck jew engine room ratings.
MCAST — Studenti li qed jistudjaw is-sengħa marittima
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm studenti fl-MCAST li qed jistudjaw is-sengħa marittima? F’liema qasam? Jista’ jgħid jekk kienx hemm minn iggradwa f'dawn l-aħħar jiem f'dan il-qasam? Jekk iva, kemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm dawn in-numri ta' studenti jattendu il-korsijiet fl-Istitut Marittimu ta' l-MCAST.
Kors: Officer-in-Charge of a Navigational Watch
Fl-ewwel sena: 15
Fit-tieni sena (fuq bastimenti jbaħħru): 6
Fit-tielet sena: 6
Kors: Officer-in-Charge of an Engineering Watch
Fl-ewwel sena: 0
Fit-tieni sena: (fuq bastimenti jbaħħru): 1
(fuq l-art): 3
Kors: Chief Mate
Fl-ewwel sena: 5
Kors: 2nd Engineer
Fl-ewwel sena: 1
Total: 37
F'dawn l-aħħar jiem ma ggradwa ħadd.
Jista’ il-Ministru jgħid kif inhu maqsum il-vot rikurrenti ta’ l-Universita`, jigifieri kemm minnu jmur għal pagi, kemm għal ħwejjeg amministrattivi, eċċ? Jista’ jagħti dan it-tagħrif kemm għal din is-sena li ninsabu fiha kif ukoll għas-sentejn ta’ qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra s-CV inklużi ċ-ċertifikati u diplomi ta' studji ta' l-ambaxxatur John Lowell, residenti f'Washington?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Curriculum Vitae ta' l-Ambaxxatur ta' Malta fl-Istati Uniti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ambaxxatur li għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpannija Nortel fil-Kanada? Saru xi kuntatti mill-ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għall-Kanada ma' din il-kumpannija?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li xi ambaxxatur għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpanija Nortel fil-Kanada. Jien infurmat li ma saru l-ebda kuntatti mill-Ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għal-Kanada, ma din il-Kumpanija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk mill-1.12.03 s'issa l-ambaxxatur Salvinu Busuttil kienx Malta ma' delegazzjonijiet ta' industrijalisti barranin? Jekk iva, jista' jgħid jekk talabx u ngħatax l-assistenza tat-taqsima kummerċjali u ekonomika tal-ministeru? Jekk le, jista' jgħid minn min kien akkumpanjat fil-laqgħat li kellu hawn Malta?
Response (BORG, JOE)
Bħala parti mix-xogħol ta' l-Ambaxxata biex tippromwovi l-industrija Maltija l-Ambaxxatur flimkien ma l-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise (li għandha rappreżentant bħala Kunsillier Ekonomiku fi ħdan l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi għen biex niżlu Malta diversi industrijalisti Franċiżi interessati f'pajjiżna. L-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise ħadu sehem f'dawn il-laqgħat flimkien ma l-Ambaxxatur (li kien Malta għal btala).
L-Ambaxxata żammet informata t-taqsima Kummerċjali u Ekonomika, tal-Ministeru tiegħi.
Maġistrat Borg Olivier de Puget — Ambaxxatur għal Brazil
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta nħatar ambaxxatur għal Brazil il-maġistrat Borg Olivier de Puget? Fejn hu residenti? Kemm-il darba mar il-Brazil? Kemm qamet kull żjara għal dan il-pajjiż? Xi pjani għandhom il-gvern u l-ambaxxatur in kwestjoni dwar kif jistgħu jiġu żviluppati r-relazzjonijiet ta' Malta mal-Brazil fil-ġejjieni?
Response (BORG, JOE)
Il-Maġistrat Borg Olivier de Puget inħatar ambaxxatur għall-Brzżil b'residenza f'Washington, D.C. fit-22 ta' Settembru 2002. L-ambaxxatur qiegħed jistenna li l-Awtoritajiet Brażiljani jinformaw lill-Gvern Malti bid-data li fiha irid jippreżenta l-ittri tal-kredenzjali. Ghaldaqstant, għadu ma għamel ebda żjara għal dan il-pajjiż. Bħal fil-każ ta' relazzjonijiet bilaterali oħrajn, anke f'dan il-każ il-Gvern deherlu li kellu jirrreċiproka l-ħatra ta' ambaxxatur mhux residenti tal-Brażil għal Malta. B'dan il-mod ir-relazzjonijiet bilaterali jistgħu jiġu żviluppati aħjar fil-ġejjieni.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-iskop li jinħatar ambaxxatur non residenti għall-Lichtenstein meta l-ministeru għandu ambaxxaturi residenti f'Ġinevra u fi Vjenna u kien ikun aktar naturali li wieħed minn dawn jiġi akkreditat għal Lichtenstein minn dawn il-bliet?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur mhux residenti għall-Liechtenstein huwa akkreditat għal pajjiż ieħor (Norveġja) u mhux għall-Lichtenstein biss. Il-kriterju li għalih jinħatru ambaxxaturi għal pajjiżi oħra m'għandux ikun biss abbażi ta' prossimita' ġeografika.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali nkarigati mill-proċeduri tal-affissjoni u l-pubblikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali inkarigati mill-proċeduri ta` l-affissjoni huma l-Marixxalli tal-Qorti filwaqt li dawk inkarigati mill-pubblikazzjoni huma Deputati Reġistraturi u uffiċjali legali. Dawn ta` l-aħħar isimhom jidher f`kull avviż ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-ġurnali.