Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fl-2003? Liema kienu l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fis-sena 2003 kien ta` 63.
Wieħed jista` jaqsam l`hekk imsemmija "kawżi prinċipali" f`żewġ (2) kategoriji, li huma:
Serq, u
Inġurji lil persuni (fosthom familjari stess) u ksur tal-Bon Ordni Ċivili.
Studenti mill-iskejjel ta' l-istat — Assenti mill-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm studenti mill-iskejjel ta’ l-Istat li kienu assenti mill-iskola u ma pproduċewx ċertifikat mediku jew almenu raġuni valida ta' assenza? Jista’ jgħid mil-liema lokalitajiet kienu? Ittiehdu xi passi kontra l-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li t-tagħrif mitlub ma jinżammx fil-forma kif preżentata fil-Mistoqsija. F'diversi każijiet l-iskola jkollha nota tal-ġenituri li l-kapijiet iqisu aċċettabbli u validi. F'każijiet ta' tfal li jkunu assenti aktar minn tliet ijiem f'xahar, bla raġuni valida, jiġu riferuti lit-Taqsima tas-Social Work.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-iskejjel privati li fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika ma attendewx l-iskola u ma ppreżentawx ċertifikat mediku jew almenu raġuni valida ta’ l-assenza tagħhom? Mil-liema raħal/belt kienu? Ittieħdu xi passi kontra l-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal-Mistoqsija numru 4544.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fl-applikazzjoni għall-multi level car park fi Pjazza Sta. Margherita Bormla? Jista' jara li jsir xi ħaġa biex l-istudenti żgħar fl-iskola primarja ta' Bormla jkunu jistgħu jerġgħu jibdew igawdu dan il-ground żgħir, fejn wara kollox se jsir il-car park?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni outline ghall-multi level car park fi Pjazza Santa Margherita, Bormla kienet ġiet approvata fl-Lulju ta' 2003. Sa issa, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għada ma rċevietx Full Development Application f' dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jara li Triq Daħlet it-Tlett Ibliet taħt il-mini ta' Għajn Dwieli tingħata wiċċ kif jixraq? Jidhirlu l-Ministru li bi triq fi stat ħażin bħal dan, qed tingħata impressjoni ħażina lil min ikun dieħel fil-Kottonera għall-ewwel darba?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 3700. Jien infurmat illi fil-preżent qed jiġi kkwantifikat ix-xogħol li hu meħtieġ.
Jista' il-Ministru jara li l-mini ta' Għajn Dwieli jingħataw dehra aħjar? Jaqbel li bid-dehra ta' dawn il-mini kif inhuma ma tantx jingħataw impressjoni tajba dawk li jkunu ġejjin lejn il-Kotonera għall-ewwel darba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, kien il-Kunsill Lokali li għamel proġett għall-parti ta' wara. Fuq il-parti ta' quddiem, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien reġa' għamel mill-ġdid il-ħajt li jagħti għall-parking area tat-Tarzna. L-uniku proġett pendenti huwa dak ta' sistema ta' dawl kemm għal taħt il-mini u kemm għall-faċċata. Dan ix-xogħol ippjanat li jsir s-sena d-dieħla.
Peress illi huwa fatt li l-posta fix-xahar ta' Diċembru f'ħafna mill-każi waslet fid-destinazzjoni tagħha tard, jaqbel il-Ministru li mhux fair li lil dawk il-ħaddiema li kienu bis-sick leave f'Diċembru qed jgħidulhom li mhumiex intitolati għall-benefiċċji għax iċ-ċertifikati waslu d-dipartiment tard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali hu konxju mill-problema kawżata mid-dewmien fil-posta li kien hemm f’Diċembru li għadda tant li talbiet għal benefiċċju tal-mard, li oriġinalment ġew miċħuda għax waslu tard, qed jiġu riveduti kemm il-darba jkun ċar li dan id-dewmien kien riżultat tad-dewmien fit-tqassim tal-posta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se ddum fl-istat li issa ilha fih is-snin il-Mina maestuża ta' Santa Liena, Bormla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlesta' skav arkeoloġiku li bih ġie delineat l-estent tal-foss li kien jeżisti taħt din il-mina. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport tlestew id-disinji ta' pavimentar u x-xogħol mistenni li jibda aktar tard din is-sena.
AFM — Żjara f'Malta miċ-chairman tal-EU military committee
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġie diskuss maċ-chairman tal-EU military committee fiż-żjara li nifhem li saret fuq stedina tal-Armed forces of Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li saru diskussjonijiet fuq l-aħħar żviluppi fil-politika ta’ l-EU dwar sikurezza u difiża, kif ukoll il-kontribut ta’ Malta f’missjonijiet umanitarji u ta’ salvataġġ.
Jista' il-Ministru jelabora dwar dak li ġejt irrappurtat li għedt fil-konferenza stampa mal-kummissarju Ewropew Bolkstein li Malta ma taqbilx ma ċerti interpretazzjonijiet tar-rapport ta' l-enlargement group dwar ċerti tax credits kif ukoll dwar ċerti provvedimenti tar-refunds kif applikati mix-shareholders tal-international trading and international holding companies?
Response (DALLI, JOHN)
Ir-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu dwar il-Code of Conduct for Business Taxation. L-Enlargement Group ta interpretazzjoni ta' dan il-Code dwar ċerti disposizzjonijiet fil-liġi Maltija li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti tax credits u refunds msemmija fil-mistoqsija li, fl-opinjoni tagħna, ma jaqgħux taħt il-Code minħabba l-fatt li dawn jirrelataw biss mat-tassazzjoni tas-shareholders u mhux tal-kumpannija li qed teżerċita n-negozju. Kull kumpannija Maltija hija suġġetta għar-rata normali ta' taxxa ta' 35% fuq id-dħul kollu tagħha.
Billi l-kanċillier Ġermaniż Schroder qal illi l-Prim Ministru Malti ma qajjem l-ebda kritika jew riservi dwar il-laqgħa bejn il-Big Three tal-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dawn it-tip ta' summits u jekk kienx hemm xi konsultazzjonijiet mal-acceding countries u stati membri ż-żgħar dwar dan is-suġġett?
Response (BORG, JOE)
Laqgħat simili bejn gruppi ta' stati membri jiġru ta' spiss, kemm jekk l-istati involuti jkunu kbar, żgħar jew ta' daqs medju.
M'hemm xejn ħażin li jsiru laqgħat bħal dawn diment li dawn ikunu maħsuba sabiex jikkontribwixxu għal pożizzjonijiet komuni eventwali bejn l-istati membri kollha, jew jekk il-materji trattati jkunu barra mill-kompetenza ta' l-Unjoni Ewropea.
Laqgħat simili jistgħu jqanqlu tħassib jekk ikunu maħsuba sabiex grupp żgħir u magħluq ta' pajjiżi membri javvanza 'l quddiem sabiex dawn il-pajjiżi jiżviluppaw il-politika tagħhom bejniethom meta din tkun tirrigwarda materji li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Unjoni Ewropea.
Biex grupp ta' stati membri jasal biex jimxi 'l quddiem b'dan il-mod, dan għandu jkun permess u regolat mill-Unjoni Ewropea stess bħalma seħħ fir-rigward ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fir-rigward tax-Schengen u bħal ma kien hemm maħsub fl-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali li kienet qed tiddiskuti l-Konferenza Inter-Governattiva dwar il-Futur ta' l-Ewropa. F'dan il-każ il-proċess għandu jkun miftuħ għal dawk il-pajjiżi kollha li jkunu lesti biex jieħdu dan il-pass.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4408 u cioe' hemm possibbilta' li jiġi ntrodott lift fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira minħabba l-bżonn urġenti li hemm għalih?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għaddejin diskussjonijiet sa dan ix-xahar stess mas-sidien tal-post li fih hemm iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira biex jiġi stallat lift. L-Onor. Interpellant jifhem li l-istallazzjoni tal-lift tirrikjedi tibdil strutturali fil-post u dan it-tibdil strutturali jeħtieġ il-permess tas-sid tal-post Għaldaqstant l-istallazjoni ta' lift fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira tkun possibbli biss jekk jintlaħaq ftehim mas-sid.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4407 li riċentement saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid jekk tħejjix xi rapport dwar iż-żjara ta' delegazzjoni tal-kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-tortura u trattament inuman u degradanti li saret fit-tieni nofs ta' Jannar ta' din is-sena? X'kien l-eżitu taż-żjarat li għamlu liċ-ċentri li qegħdin jospitaw l-immigranti llegali?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern ser jadotta l-istess proċedura li dejjem adotta rigward Rapporti tal-Committee for Prevention of Torture, u ċioe` li wara li jirċievi r-rapport u tithejja r-risposta, jiġu pubblikati t-tnejn.
Bħalissa mal-Malta Enterprise hemm xi konsulenti li qed jagħtu s-servizzi tagħhom? Jekk iva, min huma u kemm qed jitħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mal-Malta Enterprise Corporation hemm konsulenta waħda li hija Ms Susan Mompalao de Piro, b'konsulenza ta' Lm13000 fis-sena gross.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4572, ma jaħsibx il-Ministru li ma jagħmilx sens li biċċa mit-test isir Għawdex u biċċa Malta? Ma jaħsibx li l-Għawdxin għandhom jagħmlu it-test kemm prattiku u kemm tat-teorija f'Għawdex stess?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 4572.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu impjegati ġodda fl-isptar Monte Carmeli mill-1 ta' Jannar 2002 sal-lum?
Kemm minnhom iddaħħlu mill-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u kemm minnhom daħlu jaħdmu mal-gvern?
F'kull każ, jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-ismijiet, l-ID no. u n-natura tax-xogħol ta' kull persuna, jekk hux b'kuntratt definit jew b'kuntratt indefinit u jekk hux qed jaħdmu mal-fondazzjoni jew hux mal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għad-domanda parlamentari numru 4733 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet, il-grad u l-ID no. ta' dawk l-impjegati kollha li jaħdmu fl-isptar Monte Carmeli u li fis-sena 2003 qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għad-domanda parlamentari numru 4734 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm kien il-performance bonus taċ-chief executive officer ta' l-isptar Monte Carmeli sena b'sena, mill-ħatra tiegħu? X'inhi l-paga tiegħu? Fiex kienu jikkonsistu l-fringe benefits mal-ħatra tiegħu? Kemm kien l-ammont tal-konsum tal-petrol għall-karozza li kienet għall-użu taċ-chief executive officer minn meta ngħata l-karozza? Kemm kien il-mileage fl-istess perjodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-performance bonus taċ-chief executive officer ta' l-isptar Monte Karmeli għas-sena 2002 kien ta' 8%, li jammonta għal Lm960. Il-performance bonus għas-sena li spiċċat 31 ta' Diċembru 2003 għadu ma ngħatax. Il-paga tiegħu hi ta' Lm13,130 fis-sena.
Mal-ħatra tiegħu, l-fringe benefits kif stipulat fil-kuntratt tiegħu kienu jikkonsistu kif ġej:
Użu ta' karozza
Ħlas tal-kontijiet tat-telefones
Expense account ta' Lm400 fis-sena
Professional membership ta' Lm200 fis-sena
Ħlas għal continuos personal development
Il-ħlas ta' fuel kien ta' Lm588.36ċ u l-mileage hu 14600
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw magni tal-ħasil ta' l-art minn meta dawn ġew introdotti fl-isptar Monte Carmeli? Kemm hemm swali li għadhom jużaw dawn il-magni? Kemm hemm minn dawn il-magni li huma bil-ħsara? Kemm hemm minn dawn il-magni li qed jissewwew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-magni tal-ħasil ġew introdotti fl-isptar Monte Karmeli fl-1999, meta numru ta' magni nxtraw mid-Dipartiment tal-Policy and Planning tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Minn dak iż-żmien sal-lum ma nxtrawx aktar magni għall-isptar Monte Karmeli. Fil-preżent hemm 15-il sala li qed jagħmlu użu minn dawn il-magni. M'għandna l-ebda magna bil-ħsara jew għat-tiswijja.