Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baħrija l/o Rabat — Sistema ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Baħrija l/o Rabat m'għandhomx sistema ta' drenaġġ kompluta sew? Jista' jara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet li ilhom jiġu mwiegħda s-snin lil din il-komunita'? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 15452 u 21025, il-gvern tenna li ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Baħrija ma kienx ser jibda qabel is-sena 2005. Din il-pożizzjoni kienet u għada tieħu inkonsiderazzjoni proġetti oħra relatati mas-sistema tad-drenaġġ li huma meqjusa ta' prijorita' akbar u għaldaqstant se jsiru qabel. Dan fid-dawl tal-fatt li x-xogħol li jrid isir fil-Baħrija huwa wieħed estensiv u ser jaqdi popolazzjoni relattivament żgħira.

Baħrija — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-tarmac fil-pjazza tal-Baħrija ma tkompliex kif tkompla ( u tajjeb li sar hekk) fil-parti ġdida tan-naħa tal-knisja l-ġdida? Jista' jara li jitkompla jingħata t-tarmac min-naħa tal-pjazza 'il hemm u cioe' fit-toroq: Ġnien tan-Nigra, Triq il-Fiera u in-Namura u oħrajn li ma saurx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ġiet ippublikata sejħa għal offerti sabiex issir Triq is-Sajf ta' ta' San martin, filwaqt li toroq oħra fil-lokalita' ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat. Fl-istess ħin tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li l-pjazza msemmija hi waħda li taqa taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.

Mosta — Triq il-Qalbiena Mostin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq il-Qalbiena Mostin kulma taw minnha passata waħda tarmac qabel l-elezzjoni u ma komplewiex, tant li jidher ċar li mhux se jkompluha għax għamlu zebra crossing u waħlu s-signs? Għaliex fit-toroq li jagħtu għal din it-triq għamlulhom signs one way meta bil-kemm tista' tgħaddi minn dawn it-toroq għaliex kollha mfarrkin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf sew li ż-żmien meta t-toroq isiru qabel xi elezzjoni spiċċa, (nispera darba għal dejjem) u għalhekk l-ewwel parti tad-domanda hi barra minn lokha, minbarra wkoll il-fatt li tasal għall-konklużjonijiet mhux veru. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, l-Awtorita' dwar it-Trasport ħasset illi kien hemm aktar periklu għal min juża dawn it-toroq kieku t-traffiku tħalla jidħol u joħroġ minn kull triq u għalhekk twaħħlu tabelli meħtieġa biex it-traffiku ikun ikkontrollat. Ninsab infurmat illi fil-każ ta' Triq Monsinjur Mikelanġ Mifsud diġa ħarġet sejħa għall-offerti biex din it-triq tkun tista tiġi asfaltata.

Budget ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Wara li fl-10 ta' Frar 2004 il-president tal-Kummissjoni Ewropea Romano Prodi ħabbar il-proposta tal-budget tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 u pajjiżi oħra diġa' qed jistmaw kemm se jagħtu lill-Unjoni Ewropea u kemm se jieħdu lura f'fondi, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se tagħti u tieħu Malta fis-snin 2007-2013 skond il-proposta ta' Prodi?

Response (DALLI, JOHN)

Fid-diskors tiegħu ta’ l-10 ta' Frar li għadda, fil-Parlament Ewropew fi Strasbourg, il-President tal-Kummissjoni Ewropeja, Romano Prodi, ta l-orjentazzjoni jew perspettiva politika u finanzjarja għall-futur ta' Unjoni għall-perjodu 2007-2013. Mill-aspett finanzjarju, għall-istess perjodu, ingħata qafas ta' approprijazzjonijiet annwali li fuqhom il-Kummissjoni se tikkommetti ruħha. Ma' dan, iżda, ngħatat ukoll indikazzjoni ta’ l-approprijazzjonijiet ta' ħlasijiet annwali kif ukoll il-persentaġġ li dawn jilħqu kull sena tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri matul l-imsemmi perjodu. Dan il-persentaġġ ġie relatat mal-persentaġġ massimu tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri. Dan il-persentaġġ, li se jkun ikkapjat għal 1.24% għal kull sena, m'għandux jinqabeż mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-iStati Membri. L-ammont li Malta se tirċievi kull sena matul dan il-perjodu għad irid jiġi determinat u jiddependi minn diversi fatturi. L-ammont li Malta se tikkontribwixxi kull sena matul dan il-perjodu mhux daqs tant negozjabbli għax hu bbażat fuq parametri stabbiliti. Dawn il-parametri, iżda, għajr għad-dħul fuq importazzjoni minn pajjiżi terzi, huma marbuta ħafna mad-Dħul Gross Nazzjonali tagħna, jiġifieri mat-tkabbir ta’ l-ekonomija ta' pajjiżna. Dan għad irid jiġi mbassar għall-imsemmi perjodu sena b'sena.

Mellieħa — Il-Kortin - Tbattil ta' fosos

Question

Jista' il-Ministru jgħid fix-xhur ta' Jannar u Frar (s'issa), kemm-il darba mar il-bowser ibattal il-fosos tad-djar fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li min din is-sena sal-25 ta' Frar, il-bowser mar darbtejn ibattal il-fosos fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa. B'kollox hemm tlett residenzi li jitolbu biex jitbatlulhom il-fosos. Jekk hemm xi individwi li għandhom bżonn jitbatlilhom il-fossa dawn għandhom jikkuntatjaw lill-Customer Care tal-Korporazzjoni biex tittieħed azzjoni immedjata.

Mellieħa — Il-Kortin - Tbattil ta' fosos

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta tħallas l-aħħar darbtejn il-kuntrattur tal-bowser li jbattal il-fosos tal-Kortin fil-Mellieħa u d-dewmien li jipprovdi s-servizz hux marbut mal-fatt li jdum ix-xhur ma jitħallas għas-servizz li joffri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ewwel pagament minn W.S.C. sar fis-26 ta' Frar 2004 li kien jkopri minn Ottubru sa Diċembru 2003 fil-waqt li l-pagament ta' qabel sar mill-Ministeru tar-Rizorsi u Infrastuttura f'Diċembru 2003, li kien jkopri minn Mejju sa Settembru 2003.
Leg 10 PQ #4496 Sitting 111 2004-03-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Mellieħa — Range tal-plattini

Question

Jista’ l-Ministru jinfurmani fejn waslet it-talba tad-dilettanti Mellieħin sabiex tiġi żviluppata r-range tal-plattini f'dan il-lokal ? X'qed iżomm din it-talba u għaliex għadha ma ġietx approvata meta ilha daqstant pendenti ?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura li għandha tiġi segwita hi din: Issir talba lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, wara clearance mill-Kunsill Malti ta` l-Isport. Jekk jinħareġ permess mill-MEPA u l-art tkun tal-Gvern, tkun tista` tiġi allokata il-proprjeta`. Japprezza għalhekk l-Onorevoli Membru, li d-Dipartiment li jaqa` taħti jidħol biss fil-fażi finali.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinfurmani għaliex ma nbnietx skond il-pjan tal-gvern id-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Meta fil-fatt se jinbdew ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jgħid li d-Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa ma nbnietx skond il-pjan tal-Gvern għax ix-xogħol għadu ma nbediex, ninfurmah li l-Gvern qed jimxi bil-għaqal biex jassigura li jiġi adottat l-aħjar mezz ta’ finanzjament mal-MEPA dwar studji li jeħtieġ isiru dwar il-proġett u l-ambjent ta’ madwaru.
Leg 10 PQ #4552 Sitting 111 2004-03-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti li jbatu minn dyslexia — Eżamijiet tas-SEC u MATSEC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-eżamijiet tas-SEC u MATSEC dawk it-tfal li jbatu mid-dyslexia jekk jingħatawx xi għajnuna meta jkunu qed jagħmlu dawn l-eżamijiet jekk jipproduċu ċertifikat relattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawk it-tfal li jkunu ċertifikati minn psikologu li qed ibatu mid-dyslexia jingħataw għajnuna fl-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola wara li t-talba tagħhom titqies mill-Kumitat għal Studenti bi Bżonnijiet Speċjali. Huma jistgħu jingħataw ħin żejjed waqt l-eżami, l-ortografija ma tkunx ippenalizzata f'eżamijiet li m'humiex tal-lingwi, u jingħataw reader skond il-gravita' tal-każ.
Leg 10 PQ #4553 Sitting 111 2004-03-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Ikel mibjugħ fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa huwiex sodisfatt li l-ikel u xorb mibjugħ lill-istudenti fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex huwa ta' kwalita` u ta' benefiċċju għalihom? X' inhu jagħmel id-Dipartiment biex jara x’qed isir mit-tuckshops, canteens, eċċ., ta’ l-iskejjel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oġġetti li jistgħu jiġu offruti għal bejgħ minn tuckshops/canteens, m'humiex ikkontrollati minn dan id-Dipartiment. L-ispezzjonijiet ġo tuckshop/canteen ta' skejjel ta' l-istat, skejjel oħra indipendenti jew tal-Knisja, isiru minn uffiċjali tas-Saħħa Pubblika matul is-sena skolastika. Dan skond lista uffiċjali ta' skejjel li għandhom tuckshop/canteen li tingħata mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. L-ispezzjonijiet minn Spetturi tas-Saħħa isiru biex jiġi aċċertat li tali tuckshops/canteens qiegħdin joperaw skond il-Liġijiet Sanitarji, dan bil-poteri mgħotija skond l-Education Act. Nuqqasijiet osservati waqt l-ispezzjoni jiġu referuti lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kif titlob l-istess Liġi.

Ħwienet tad-Duty Free

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li fl-1 ta' Mejju Malta ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea u allura se jispiċċaw il-ħwienet duty free fil-portijiet/ajruportijiet għal dawk iċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw minn pajjiż membru għal ieħor, il-kwantita’ ta' prodotti li jinxtraw minn ċittadini Maltin minn pajjiż membru ieħor hux se jkun bla limitu sakemm dan ikun għall-użu personali tiegħu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant mill-1 ta' Mejju li ġej skond il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropeja biex prodotti li huma suġġetti għad-dazju tas-Sisa mixtrija minn-ċittadini Ewropej u allura Maltin ukoll li jinġiebu Malta jkunu kunsidrati għall-użu personali sakemm ma jaqbsux dawn il-limiti li ġejjin: a) Prodotti tat-tabakk Ammont Sigaretti 800 Sigarillos (sigarri li ma jiżnux aktar minn 3g il-wieħed) 400 Sigarri 200 Tabakk ieħor 1 kg b) Xorb alkoħ oliku Spirti 10 litri Prodotti Intermediati 20 litri Imbejjed (inkluż massimu ta’ 60 litru ta’ mbid effervexxenti) 90 litri Birra 110 litri Jekk il-kwantitajiet jaqbżu dawn il-limiti jkunu kkunsidrati ta' natura kummerċjali w suġġetti għad-dazju tas-sisa.

Logħob ta' lotteriji ta' pajjiżi membri ta' l-EU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li Malta ser ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-1 ta' Mejju, jekk il-Maltin hux se jkunu jistgħu jilagħbu lotteriji ta' pajjiżi membri oħra? Jekk fl-affermattiv, dawn jistgħu jinbiegħu b'mod apert? Jekk le, għaliex?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bis-saħħa ta’ l-Att, logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata, jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta tkun projbita li tintlagħab minn xi persuna f’Malta. Dan jgħodd ukoll għal kull logħba offruta direttament jew indirettament minn barra ‘l pajjiż jew minn ġo Malta lil persuni f’Malta permezz ta’ xi mezz ta’ komunikazzjoni fil-bogħod. Minbarra hekk, hu pprojbit li tiġi operata, promossa jew mibjugħa minn xi persuna f’Malta kull logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta jew li ma tkunx logħba li tkun operata minn detentur ta’ permess mogħti taħt il-provvedimenti tal-Att. L-Unjoni Ewropea sa issa addottat il-prinċipju ta’ sussidjarjeta f’dak li għandu x’jaqsam ma logħob. Għaldaqstant sakemm din il-pożizzjoni ma tiġix mibdula minn xi direttiva fil-futur jew l-Att ikun kontestat b’eżitu pożittiv, il-provvedimenti tal-Att ma jmorrux kontra il-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Logħob tal-lottu klandestin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li fl-2003 sar logħob klandestin specjalment fuq il-lottu f' Malta u Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment ma għandu l-ebda mekkaniżmu biex bih isir jaf kemm isir logħob klandestin fuq lottu u fuq logħob ieħor.

Privatizzazjoni tal-lottu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li thabbar ufficjalment li l-lottu gie privatizzat, Jista’ jgħid jekk u kif l-għadqiet sportivi u għaqdiet ohra li kienu jibbenefikaw mil-lottu, dawn ser jibqgħu jibbenefikaw?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att Nru XXIV ta’ 2001 dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Taqsima X paragrafu 7, ser jinżamm “fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti” li minnu għandhom jitħallsu mill-Ministru, mingħajr ebda approprjazzjoni ulterjuri li ma tkunx dan l-Att, lil dawk il-persuni, organizzazzjonijiet, korpi jew entitajiet oħra li jkollhom skopijiet ta’ xorta reliġjuza, filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawżi oħra meritevoli, u f’dawk l-ammonti, b’dak il-mod u f’kull waqt, kif jista’ jiġi stabbilit mill-Ministru minn żmien għal żmien wara konsultazzjoni ma’ Bord ta’ Konsulenza maħtur minnu għal dak il-għan.

Każ dwar servizz ta' dawl

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif persuna li m'għandha l-ebda titolu fuq razzett setgħet tapplika u tingħata s-servizz tad-dawl u kif meta l-persuna li lilha jgħajjat l-istess razzett talbet li jitwaqqaf dan is-servizz, dan ma sarx? Id-dettalji qed jingħataw separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

L-Enemalta mhix obbligata tkun taf min hu s-sid tal-post li dwaru jintalab is-servizz tad-dawl, iżda li tagħti s-servizz lill-konsumatur meta jiotlbu. F'dan il-każ, l-inkwilin l-antik applika biex jitneħħa s-servizz ta' l-elettriku, fil-waqt li l-inkwilin il-ġdid, dak li bħalissa qed jokkupa l-post, talab għas-servizz tad-dawl. F'dan ir-rigward, iktar milli jitneħħa s-servizz (l-meter) u jerġa' jitwaħħal, il-meter eżistenti jiġi reġistrat fuq l-inkwilin il-ġdid.
Leg 10 PQ #4700 Sitting 111 2004-03-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Voice of the Mediterranean

Question

Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-Voice of the Mediterranean? X'se jsir mill-apparat sofistikat li għandu l-istazzjon?

Response (BORG, JOE)

Jiena nfurmat illi l-pożizzjoni attwali dwar l-istazzjon tar-radju Voice of the Mediterranean hija s-segwenti: (1) Il-Gvern Libjan baqa' ma rreaġixxiex uffiċċjalment għan-Nota Verbali li l-Ministeru tiegħi bagħat lill-Kumitat Ġenerali tal-Poplu dwar Rabtiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Ġamaħarija Libjana fit-12 ta' Novembru 2003, fejn kien ġie spjegat illi, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja li kien jinsab fiha l-istazzjon, ma kienx possibbli illi l-Gvern Malti jibqa' jiffinanzja waħdu l-operat ta' l-istazzjon wara l-aħħar ta' Diċembru ta' l-2003. (2) Il-flus dovuti għal temm ta' l-impieg lill-impjegati kollha ta' l-istazzjon tar-Radju tħallsu x-xahar l-ieħor, filwaqt li xi ammonti minimi addizzjonali se jitħallsu tul dan ix-xahar. (3) Bħalissa qed tiġi kompilata u validata lista komprensiva ta' kredituri ta' l-istazzjon, bil-għan li l-ammonti dovuti jitħallsu għas-saldu mill-aktar fis possibbli mill-Gvern Malti. (4) Qed isiru l-kuntatti meħtieġa sabiex isir id-disponiment meħtieġ ta' l-assi ta' l-istazzjon, li jinkludi l-għamara, il-vetturi, it-tagħmir u apparat ieħor li jippossjedi il-Voice of the Mediterranean.

MIA — Airline capacity field

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-airline capacity field mal-MIA pajjiż pajjiż, għall-perijodu April-Ottubru 2004 b'paragun ma' l-istess perijodu s-sena l-oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem li l-MIA ma hiex dipartiment tal-Gvern izda kumpanija kkowotata fuq l-iStock Exchange. Konsegwentament, din it-tip ta' informazzjoni hi minn-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa min dan il-Parlament.

San Ġwann — St Julian's Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol f'St Julian's Road, San Ġwann? Jaf il-Ministru li waqt li kien għaddej ix-xogħol il-kuntratturi kissru dak is-salib antik li kien hemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi peress illi l-kuntrattur ried ikun ċert li jilħaq il-specifications, importa żrar minn barra li hu ta' kwalita aħjar minn dak li jinsab lokalment sabiex isir il-wearing course. Issa kollox jinsab ippreparat u t-tqegħid tal-wearing course hu maħsub li jitlesta fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward tas-salib, dan kien inqala meta beda jsir ix-xogħol fuq l-isptar u fil-preżent qiegħed l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara. Bħalissa għaddejjien diskussjonijiet biex ikun deċiż kif dan is-salib għandu jiġi restawrat u mqiegħed f'post xieraq.

Persuni bi bżonnijiet speċjali — Talbiet għal aċċess aħjar ta' l-informatika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet pendenti għall-aċċess aħjar ta' l-informatika mill-għaqdiet ta' dawk bi bżonnijiet speċjali u b'xi forma ta' diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għandha lment minn żewġ persuni neqsin mid-dawl dwar problema għall-aċċess tal-banek elettroniċi. Dan l-ilment qed jiġi diskuss mal-banek konċernati.
Leg 10 PQ #4796 Sitting 111 2004-03-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Lectures

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx informazzjoni dwar kemm lectures f'korsijiet differenti fl-Universita' ma jsirux minħabba l-fatt li l-lecturer ma jattendix?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhix il-prattika li t-tagħrif mitlub jinżamm b'mod regolari.