Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Każ dwar rikors

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf li dan ir-rikors ilu ppreżentat erba' xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rikors imsemmi ġie ippreżentat fit-8 ta` Ottubru 2003. Il-Qorti, fl-20 ta` Ottubru 2003, ordnat komunika lill-Kummissarju tal-Pulizija li daħħal risposta fir-reġistru fil-5 ta` Novembru 2003. A tenur ta` l-Avviż Legali tas-sena 2002, il-Qorti ordnat komunika lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa nhar il-5 ta` Diċembru 2003. Il-Qorti għadha qed tistenna risposta għal komunika imsemmija.

Qrati — Każ dwar rikors

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf li l-ewwel rikors ilu ppreżentat minn Lulju 2003?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt illi nikkonferma illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux dekretat, nixtieq ninfurmah illi ma tistax tingħata aktar informazzjoni peress li din hi Inkjesta Maġisterjali.

Qrati — Każ dwar kawża

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha għas-sentenza l-kawża li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa żmien konsiderevoli? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kawża li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, qeghda differita għas-sentenza għall-24 ta` Marzu 2004. Din ilha tiġi differita għal dan l-iskop mis-26 ta` Ġunju 2000, u għalhekk għall-ħamsa u erbgħin xahar (45). Dan il-Ministeru m`għandux kompetenza li jwieġeb għall-aħħar żewġ mistoqsijiet, pero` ċert li l-Onorevoli Membru huwa istruwit fuq ir-rimedji legali għad-dispożizzjoni tal-partijiet.

Qrati — Każ dwar rikors

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf il-Ministru li dan ir-rikors ilu ppreżentat mit-23 ta' April 2002?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt illi nikkonferma illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux dekretat, nixtieq ninfurmah illi ma tistax tingħata aktar informazzjoni peress li din hi Inkjesta Maġisterjali.

Qrati — Każ dwar rikors

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf il-Ministru li dan ir-rikors ilu xhur li ġie ppreżentat?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt illi nikkonferma illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux dekretat, nixtieq ninfurmah illi ma tistax tingħata aktar informazzjoni peress li din hi Inkjesta Maġisterjali.

Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4816 u cioe' jgħid kemm intnefqu flus għal xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni u xogħol ieħor relatat minn Jannar 2002 sal-lum? Min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar b'offerta ta' tender u lil min ġie mogħti? Kemm minn dawn ix-xogħlijiet saru b'direct order u lil min ġew mogħtija? Xi kriterji ntużaw sabiex ġew magħżula dawk li ngħataw direct order?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-biċċa l-kbira tad-Direct Orders ingħataw f'dawk il-każijiet fejn in-natura tax-xogħol ta' restawr kien jirrikjedi speċjaliżżazzjoni kbira, għalhekk seta jsir biss minn esperti, kumpaniji jew universitajiet barranin. Il-kumplament ta' l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda stal-Kamra.

Introduzzjoni tal-mard Kroniku — Schedule 5

Question

Peress li l-introduzzjoni tal-mard kroniku (Schedule 5) taqa' taħt il-Ministeru tal-Politika' Soċjali, jista' l-Ministeru jikkonsidra li l-marda mitochondrial mypothy tiġi inkluża taħt din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tibdil fil-lista tal-mard li jidhru fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jista’ jiġi kkunsidrat wara li jingħata l-parir tad-Drugs and Therapeutic Committee, li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għas-Saħħa. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gudja — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk wasalx iż-żmien li jingħata wiċċ xieraq lil Triq Bettina, Gudja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tal-Gudja sabiex isiru toroq il-Barunessa, Ix-Xlejli, H.Pigot, Żogħżija, Dorell kif ukoll Triq il-Markiża. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Missione per la collaborazione nel campo della difesa — Kopja ta' ftehim

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li permezz tiegħu il-Missione Taliana di assistenza tecnico-militare inbidlet fil-Missione per la collaborazione nel campo della difesa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li għandi npoġġi kopja tal-ftehim imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra iżda lest li ngħaddi kopja tiegħu lill-Onorevoli Interpellant privatament.

Air Malta — Xiri ta' ajruplani

Question

Jista' il-Ministru responsabbli mill-investimenti, lura għas-snin l-imgħoddija, jgħid min kien iċ-chairman responsabbli mill-Air Malta li għamel l-għażla ta' ammont ta' ajruplani li kienu inferjuri għal dak li kien hemm u għad hemm fuq is-suq, u min awtorizza lil dan iċ-chairman biex jixtri dawn l-ajruplani?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — Xiri ta' ajruplani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu, u fil-każ liema deċiżjonijiet se jittieħdu fil-konfront ta' min huwa resposnabbli jew aħjar ta' min kien responsabbli fid-deċiżjoni tax-xiri ta' l-ajruplani msemmija fid-domandi preċedenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma dak li huwa stess qal fuq l-istazzjon n azzjonali ta' Malta, jiġifieri li issa kulħadd irid jerfa' il-piż u li saħansitra ma jeskludix li jdur fuq il-ħaddiema ta' l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — Chairman

Question

B'riferenza għall-istqarrija li nissel huwa stess fejn saħaq li ma jeskludi xejn fir-rigward tal-kwestjoni ta' l-Air Malta, jaħseb il-Ministru li qiegħed joħloq distinzjoni fil-klassi, b'mod li jiġi aġevolat min huwa allegatament ħati ta' ċertu azzjoni, cioe' min kien jokkupa l-kariga ta' chairman u dawk li taw u approvaw il-parir tiegħu, filwaqt li jdur fuq min huwa l-iżgħar fil-kumpannija biex iġorru l-kundanna ta' ħaddieħor u jsofru danni psikoloġiċi minħabba li ħobżhom ikun mhedded, jekk ikun il-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — Ħaddiema

Question

Il-Ministru lest li jikkonsidra li l-każ imsemmi fid-domandi preċedenti jiġi skrutinizzat mill-Qrati ta' Malta, sabiex issir ġustizzja ma min allegatament wettaq dak li fil-qarib jista' jissejjaħ "il-qatla ta' kumpannija li dejjem ikkontribwit lejn pajjiżna", ħalli b'hekk f'isem il-ġustizzja soċjali jerġa' jiddaħħal is-serħan tar-ras ta' kull ħaddiem ġewwa l-Air Malta u sabiex min huwa allegatament responsabbli jagħti lura dak li huwa tal-kumpannija lill-kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

VOM — Disponiment ta' apparat

Question

B'riferenza għall-punt numru 4 tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4700, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux kuntatti ma' Radio 101 dwar id-disponiment ta' apparat tal-Voice of the Mediterranean?

Response (DALLI, JOHN)

Il-kuntatti msemmija fil-paragrafu (4) tat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari 4700 ma sarux ma' Radio 101.

Rappreżentant permanenti għall-UE — Pakkett finanzjarju

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4818 u cioe' jista' jikkonferma li l-pakkett finanzjarju li se jiġi offrut lil rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi finalizzat qabel jinħatar il-kabinett il-ġdid? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni li jaġġorna lill-Kamra dwar dan il-pakkett finanzjarju flimkien ma' benefiċċji oħrajn lill-istess persuna? Jekk le, jista' jintrabat li jippubblika dettalji ta' dan il-pakkett finanzjarju ġaladarba jiġi konkluż u ffirmat? Se jkun hemm xi indemnity jekk dan il-kuntratt jiġi mitmum qabel iż-żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma illi l-kuntratt bejn il-Gvern u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell ġie ffinaliżżat. Dan huwa msejjes fuq kuntratti simili li għandu l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma' Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta, u l-kundizzjonijiet ewlenin ta' dan il-kuntratt huma s-segwenti: 1. Il-kuntratt huwa għal tliet snin u jidħol fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2004. 2. Ir-Rappreżentant Permanenti huwa mistenni li jaqdi d-dmirijiet tiegħu kemm fi Brussell kif ukoll f'Malta. 3. Ir-Rappreżentant Permanenti jitħallas Global Emoluments marbutin ma' Skala 1 ta' l-Iskali Governattivi. 4. Addizzjonalment, ir-Rappreżentant Permanenti jirċievi Representation Allowance ta' LM2,500 fis-sena. 5. Ir-Rappreżentant Permanenti għandu l-użu ta' karozza uffiċċjali, flimkien ma' sewwieq personali, kif għandu kull Ambaxxatur residenti barra. 6. Ir-Rappreżentant Permanenti jkollu l-għanjuna u appoġġ ta' faċilitajiet anċillari, bħal servizzi segretarjali, użu ta' mobile phone u ta' kompjuter li wieħed normalment jassoċja ma' persuna f'kariga bħal tiegħu.

Works division — Eżami ta' security guards

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-dipartiment se jibgħat għal dawk il-ħaddiema li għaddew mill-eżami tas-security guards tal-works division li sar bejn Marzu u Mejju ta' l-2003? Jista' jagħti l-lista tal-ħaddiema ġodda li daħlu fid-diviżjoni tal-works division bħala security guards fil-perjodu ta' bejn Jannar 2002 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanti li għaddew mill-ewwel parti ta' l-eżami tas-Security Guard huma mistennija li jissejħu għat-tieni parti ta' l-eżami, li tikkonsisti f'intervista, fi żmien qasir. Il-postijiet vakanti jimtlew wara li joħroġ ir-riżultat finali. Ma kien hemm ebda ħaddiem ġdid li daħal fit-Taqsima tax-Xogħlijiet bħala Security Guard minn Jannar 2002 sa llum.

Miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-ħofra kbira li qegħda ssir fil-miżbla tal-Magħtab? Liema kuntrattur qiegħed iġorr il-materjal minn naħa għall-oħra? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' dan il-kuntrattur li qiegħed iġorr il-materjal?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif il-Gvern għalaq il-miżbla tal-Magħtab għad-depositu tal-materjal li jirriżulta mill-industrija tal-bini, beda jittieħed il-materjal minn dan is-sit biex jipprovdi il-cover meħtieġ fit-tip face. Skop ieħor għal dan iċ-ċaqlieq ta' dan il-materjal huwa li l-iskart li hemm f'dan is-sit u dak li jinsab fid-dħul ta' l-istess miżbla, jiġi mpoġġi mal-massa ta' skart li tifforma l-muntanja prinċipali biex l-area li għandha tiġi ttrattata tiġi mnaqqsa. Il-kuntrattur li qiegħed iġorr il-materjal minn naħa għall-oħra huwa Polidano Brothers Limited, li ngħata x-xogħol wara sejħa għall-offerti u estenzjoni ta' l-istess kuntratt biex jibdew isiru dawn ix-xogħlijiet. Kuntrattur ieħor li għandu kuntratt biex iġorr il-materjal minn naħa għall-oħra ġol-Magħtab huwa Tal-Magħtab Construction Limited. Peress li dan il-kuntratt mhux imħallas bil-piż li jġorr iżda bil-vjaġġi li jagħmel, dan il-kuntrattur iġorr dak il-materjal li mhux radam. Il-Kuntratt huwa ta' natura kummerċjali u ma naħsibx li dan għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Magħtab — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid min jipprovdi servizz ta' sigurta' mal-landfill tal-Magħtab?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ tipi ta' sigurta' fil-Magħtab, dik tal-ħarsien tal-post li tkopri wkoll il-protezzjoni tal-ħaddiema u dik ta' sigurta' ta' l-informazzjoni. Il-Pulizija tipprovdi s-servizz matul il-ġurnata u s-Security Guards tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jipprovdu s-sigurta' matul il-lejl, fil-Ħdud u l-Festi Pubbliċi. L-informazzjoni f'dan is-sit hija miġbura u protetta minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Għal perjodu temporanju ta' erba' ġimgħat ġew ingaġġati wkoll żewġ ħaddiema ta' Sterling Security.