Legislature:
Category:
Reset
Active:

MOSTA: TRIQ JOHN BORG — YELLOW BAY

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju sar li tneħħiet il-yellow bay li kien hemm quddiem store fi Triq John Borg, fil-Mosta u nżebgħet bajda, fejn issa dan l-istore ma jistax jintuża biex iħott u jdaħħal ix-xogħol min jużah?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Aġenzija Sedqa — Programm ta' riabilitazzjoni mid-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi jkunu s-soltu r-rakkomandazzjonijiet ta' aġenziji bħall-aġenzija Sedqa meta persuna li tkun qed tagħmel xi programm ta' riabilitazzjoni mid-droga titressaq il-qorti għax tkun kisret il-programm u tkun fil-periklu li titlef ix-xogħol: a) mas-settur privat; jew b) mas-settur pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal każ fejn persuna terġa titressaq il-Qorti għax tkun kisret xi kundizzjoni tal-programm ta’ riabilitazzjoni minn abbuż ta’ droga li tkun qed issegwi fuq ordni tal-Qorti stess. Infurmat li f’każ bħal dan, jekk il-programm ikun qed isir ma’ l-Aġenzija Sedqa, l-uffiċjali ta’ l-Aġenzija ma jiġux mitluba mill-Qorti jagħmlu rakkomandazzjonijiet iżda biex jirrappurtaw biss il-fatti dwar il-progress jew le li tkun għamlet il-persuna fil-programm. Ninsab infurmat ukoll li hi l-Qorti li tikkunsidra fatturi oħra relatati mal-każ meta tiġi biex tiddeċiedi.

Importazzjoni ta' prodotti

Question

X'vantaġġ se jkollhom il-poplu u l-ekonomija ta' pajjizna bil-miżura li se jintoduċi l-gvern li jdaħħal salvagwardji fuq l-importazzjoni ta' prodotti li ma nipproduċux ? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk l-oqsma ta’ l-ekonomija li se jmorru tajjeb b'din il-miżura ta' taxxi indiretti fuq l-ikel tal-poplu u tat-turisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti nnegozja pakkett sħiħ u komprensiv ma' l-Unjoni Ewropeja bl-iskop li jinħoloq spazju adekwat biex l-ekonomija Maltija, inkluż is-settur agrikolu, tkompli tirristruttura ruħha fuq medda ta' żmien. Dan inaqqas l-probabbilita ta' skossi bla bżonn għal kull min jaqla' ħobżu mis-setturi konċernati. Dan il-pakkett ser jiġi implementat fil-kuntest tat-tħaddim tal-politika agrikola Komunitarja minn Malta. Pero tajjeb wieħed ifakkar li l-Gvern Malti rnexxilu jikseb id-dritt li jimplimenta mekkaniżmu ta' sussidju li huwa ntiż biex jimmitiga xi differenzi li jista' jkun hemm bejn il-prezz fl-UE u dak fis-suq internazzjonali.

Qasam tal-biedja — Market penetration

Question

Fil-qasam tal-biedja kemm irid ikun il-persentaġġ tal-market penetration (ta' l-importazzjoni ta' prodotti li se jikkomepetu direttament) fis-setturi u l-prodott lokali sabiex japplikaw is-salvagwardji lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li biex tiġi applikata l-klawsola ta’ salvagwardja jrid ikun hemm sistema ta’ monitoraġġ li l-għan tagħha hu li wieħed jantiċipa livell qawwi ta’ market disturbance. Għalhekk permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ il-Ministeru jkun f’ pożizzjoni li jantiċipa problemi serji għal xi settur fl-agrikultura. Naturalent kull settur għandu ċ-ċirkostanzi tiegħu u dan għandu jkun rifless fis-sistema ta’ monitoraġġ.

Skejjel ta' l-istat — Rapporti dwar inċidenti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 4182 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rappurtati fl-iskejjel ta' l-istat għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena li sofrew l-istudenti fil-kinder, primarja, sekondarja u l-MCAST separatament? X'tip ta' inċidenti kienu? Kemm-il każ ta' serq ġie rappurtat mill-istess studenti separatament fl-istess perjodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Villa Psaigon — Ħaddiema - Taqsima tal-gardening

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fit-taqsima tal-gardening alloġġjati f'Villa Psaigon? Fiex jikkonsisti x-xogħol ta' kull wieħed u waħda minnhom? Jista’ jpoġġi lista bl-ismijiet tal-persuni kollha li suppost jirrappurtaw għax-xogħol f'din it-taqsima u dawk li suppost jirrappurtaw għax-xogħol f'Villa Psaigon?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni jaħdmu fit-taqsima ta' l-agrikoltura tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hu ta' 66. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni u tisbieħ ta' ġonna fl-iskejjel.

Taqsima tal-gardening — Villa Psaigon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2003 u Jannar 2004 kemm xtrat fjuri t-taqsima tal-gardening u f'kull każ għal min kienu dawn il-fjuri? Min awtorizza l-ħlasijiet għax-xiri ta' dawn il-fjuri?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bl-eċċezzjoni ta' ftit flower arrangements mixtrija fl-2003 għall-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-Warrants tat-Teachers ordnati mid-Dipartiment tal-Further Studies and Adult Education, il-Gardening Unit ma xtrat l-ebda fjuri matul is-sena 2003 u f'Jannar 2004.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex xi bini tagħha u xi persuni jaħdmu magħha li xogħolhom hu li jrabbu u jieħdu ħsieb il-qtates? Xi jsir mill-flus li jdaħħlu minn dan ix-xogħol? Kemm idaħħlu flus? Min hu responsabbli biex jara xi jsir minn dawn il-flus?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandha l-ebda persuna taħdem magħha jew bini tagħha li xogħolhom hu li jrabbu u jieħdu ħsieb il-qtates. Jista' jkun li l-Onor. Membru qed jirreferi għal biċċa art fil-limiti tal-kulleġġ ta' l-Agrikoltura fejn in-"Natural Cats Society" waqqfet "Cat Sanctuary" u qtates abbandunati jieħdu ħsiebhom il-membri tas-soċjeta', bla ebda spiża lil erarju pubbliku. L-ex-kulleġġ tal-Agrikoltura illum jifforma parti mill-MCAST.

Kummissjoni Maltija fi Brussell — Persuni jservu f'oqsma varji tal-biedja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4180, jista' il-Ministru jinformani liema huma l-persuni li ġew aċċettati wara s-sejħa li ħarġet għal dan il-għan? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tas-CV tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija numru 4180 mogħtija fis-seduta 104 ta' t-23 ta' Frar 2004.

Bdiewa/raħħala — Reġistrazzjoni tar-raba'

Question

Bżriferenza għall-mistoqsija parlamentari 4178, jista' il-Ministru jinformani jekk ta' lanqas humiex se jkunu lesti din is-sena dawn l-applikazzjonijiet? Jekk le, x'qed iżomm il-proċess daqstant bil-mod?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` għidt fi tweġibiet oħra għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti fuq l-istess suġġett, ix-xogħol meħtieġ fuq il-kważi l-10,000 applikazzjoni li saru taħt l-Iskema tal-Qbiela huwa wieħed laboruż u jirrikjedi ħafna ħin. Kif ġa` għidt f`risposti preċedenti, sa issa saru eluf ta` sigħat ta` xogħol sabiex jiġu pproċessati l-ewwel fażijiet ta` l-iskema. Jibqa` l-fatt li fil-maġġoranza kbira tal-każijiet l-applikazzjonijiet jinvolvu kumplessitajiet tekniċi u legali li jieħdu il-ħin sabiex jiġu ddeterminati u l-proċess qed jieħu fit-tul iżjed milli mixtieq. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed tagħmel l-almu tagħha sabiex fid-dawl tar-riżorsi tagħha tipproċessa l-applikazzjonijiet bl-iktar ħeffa possibli.

Eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4447, jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew jew se jiġu maħtura? X'inhuma t-terms of reference u sakemm għandhom żmien sabiex titlesta din l-evalwazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-core group li qed imexxi l-evalwazzjoni tas-sistema ta' l-eżamijiet SEC u MATSEC hu kompost mill-Professur Frank Ventura, Dr Grace Grima u is-Sur Ray Camilleri. Ix-xogħol mistenni jieħu tmintax il-xahar. Kopja tat-termini ta' rifereza ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każi quddiem it-tribunal industrijali

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4235, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġi rikostitwit it-tribunal industrijali biex ikunu jistgħu jitkomplew żewġ każi li huma differiti sine die sakemm tinbidel il-kompożizzjoni tal-bord?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-Tribunali Industrijali li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant ser jiġu kostitwiti wara li ssir l-emenda meħtieġa fl-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg li tikklarifika l-kompożizzjoni tat-Tribunal fid-diversi ċirkostanzi kif ikun il-każ.

Universita' — Studenti barranin

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4266, jista' il-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li għall-bqija tas-sena akkademika mill-1 ta' Mejju sa l-aħħar ta' Ġunju 2004 l-istudenti minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea se jiġu stmati bħal u daqs l-istudenti Maltin meta universitajiet Ingliżi u Olandiżi mhux se jagħmlu l-istess għall-istess perjodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Mġarr, Malta — Raid mill-pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fid-9 ta' Frar 2004, fil-għodu, il-pulizija għamlux raid fl-inħawi magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr, Malta? Jista' jgħid x'irriżulta matul il-ħidma tagħhom? Jista' jgħid x'passi ħadu? Jista' jgħid jekk għadhomx iżommu l-inħawi taħt osservazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li sar xi raid mill-Pulizija kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero` il-Pulizija kienet bdiet investigazzjoni f`dawk l-inħawi dakinhar, dwar xogħol li kien irrapurtat li qed isir fl-inħawi. Bħal ma diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, ma nħossx illi tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat Pulizija f`investigazzjoni, għandu jkun ippublikat. Pero` jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi nformazzjoni dwar dan il-każ, nitolbu jagħtih lili jew inkella direttament lill-Pulizija.

Sidien ta' bini fl-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4233 riferuta lilu u cioe' x'passi qed jittieħdu biex sidien ta' bini fl-Imdina ma jibqgħux jaqbdu u jiftħu bibien u twieqi u jħassru d-dehra tal-belt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kull żvilupp li jsir fil-belt ta' l-Imdina jinħtieġ permess tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), inkluż kull ftuħ ta' twieqi u / jew bibien, kif ukoll tqaxxir ta' faċċati. Fin-nuqqas ta' dan jittieħdu l-passi kontemplati fl-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp 1992.

Mdina — Sidien ta' bini

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4234 u cioe' jistgħu jittieħdu passi biex ma jkunx hemm residenti ta' l-Imdina li jqaxxru u joborxu l-faċċati tal-bini tagħhom, għax hekk qed iħassru l-ġebla u din se titmermer iżjed malajr u titħassar id-dehra tal-belt antika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tqaxxir ta’ faċċati fl-Imdina jinħtieġ permess ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Fl-assenza ta’ permess, jittieħdu l-passi kkontemplati fl-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp ta’ l-1992. Il-MEPA kemm-il darba wżat ukoll il-media sa biex tinforma lill-pubbliku dwar il-ħsara kbira li ssir lill-ġebla meta wieħed jonqoxha jew ibaqqanha.

Razzett tal-ħbiberija — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma ssir bejn il-ministeru/diviżjoni ta' l-edukazzjoni u r-razzett tal-ħbiberija? X'għajnuna, anke finanzjarja, jagħti l-gvern lil dan ir-razzett tal-ħbiberija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kapijiet ta' l-iskejjel jorganizzaw attivitajiet għall-istudenti ta' l-iskejjel tagħhom fir-Razzett tal-Ħbiberija. Saru wkoll attivitajiet fir-Razzett tal-Ħbiberija minn studenti li kienu qed jieħdu sehem fil-Programm Skolasajf 2003. Ma tirriżultali l-ebda skema ta' għajnuna finanzjarja bejn ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.

Għawdex — Skola tas-Sannat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni preżenti fl-iskola tas-Sannat f'Għawdex, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' spazju u l-ħtieġa ta' multi sensory room?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent in-numru ta' studenti li jattendu s-Sannat Special Unit huma 22. Dawn huma maqsuma f'4 gruppi u kull grupp għandu l-klassi tiegħu. Dan iċ-ċentru huwa mgħammar ukoll b'hygiene area u area oħra għall-eżerċizzji, liema area hija kbira u armata biżżejjed biex tilqa' fiha l-istudenti kollha fl-istess ħin. Barra minn hekk il-Ħamis 4 ta' Marzu 2004 ser tiġi inawgurata l-ewwel parti tal-Multisensory Room, illi tkopri il-parti relatata mad-dawl u l-ħsejjes.

Bejjiegħa tal-gass

Question

Billi hemm għajdut persistenti li bejjiegħa tal-gass se jibdew jiġu mġiegħla jraqqdu t-trakkijiet tagħhom f'Birżebbuġa wara li jżarmaw, possibbli li l-awtoritajiet konċernati jerġgħu jikkonsidraw din id-deċiżjoni (f'każ li se jiġri hekk) għaleix din se toħloq tbatija żejda lil diversi bejjiegħa tal-gass? Jekk jirriżulta lill-awtoritajiet li hemm min jabbuża u jbiegħ gass barra mir-rotta tiegħu, jista' il-Ministru jara li jitrażżan min jabbuża u m hux jittieħdu passi li jbati minnhom kulħadd?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li il-ħażna taċ-ċilindri tal-gas u l-area fejn jitqassam il-gas huma kundizzjonijiet tal-Liċenzja tad-Distribution tal-Gas li tinħareġ mill-Malta Resources Authority u mhux mill-Korporazzjoni Enemalta. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.