Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4843 u cioe' jista' jassigura li jsiru l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-bini kollu ta' l-iskola primarja Ġuże' Bonnici ta' Tas-Sliema biex jiġi assigurat li jitneħħa u ma jkun hemm l-ebda periklu għas-saħħa u s-sigurta' ta' l-istudenti li jattendu fl-imsemmija skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ta' kuljum il-Kap Taqsima Infrastruttura tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jżur il-Kumpless Skolastiku ta' tas-Sliema biex jassigura li ma jkun hemm ebda periklu għas-saħħa u s-sigurta' ta' l-istudenti.
Peress illi rikorsi fit-Tribunal Industrijali ta' każijiet f'Għawdex iridu jiġu ppreżentati l-Qorti ta' Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li dawn jibdew jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi studjat in vista tal-artikolu 73 sub-artikolu 9 tal-Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta' Malta.
In vista ta' l-istqarrija li saret mill-Ministru dwar l-Air Malta, jista' jgħid il-Gozo Air Charter, il-Heliport u l-ħaddiema tal-heliport kif se jiġu milquta, jekk se jiġu milquta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li fil-waqt li l-Gozo Heliport m'għandhiex impjegati magħha, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tal-Malta Aircharter li jammontaw għal tmintax (18) ġewwa l-heliport jinqasmu f'żewġ kategoriji -
1. Tlieta li huma mislufa mill-AirMalta (seconded)
2. Ħmistax huma mislufa mill-Corporate Services Department fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu kawżi ġodda fir-reġistru tal-Qorti ta' Għawdex u jelenkahom skond il-kompetenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Kompetenza
Numru ta` kawżi ġodda
(mill-01/01/2004 sat-23/03/2004)
Inferjuri
4
Superjuri
28
Tribunal għal talbiet żgħar
29
Sezzjoni Familja
3
Tista' il-Ministru telenka x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel ta' Għawdex matul is-snin 2002, 2003 u 2004 għal kull skola separatament u tgħid ukoll kemm swiet kull biċċa xogħol? Tista' tgħid liema minn dawn ix-xogħlijiet saru mill-ħaddiema tal-gvern u liema saru minn kuntratturi privati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Għawdex — Qorti tal-Familja - seduti ta' mejdazzjoni
Question
B'riferenza għall-każijiet tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex li qed jiġu riferuti għall-medjazzjoni, peress illi l-medjaturi qed jitolbu lill-partijiet sabiex imorru għas-seduti Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li s-seduti ta' medjazzjoni fil-każijiet tal-Qorti t'Għawdex isiru f'Għawdex stess?
Response (BORG, TONIO)
Il-laqgħat tal-Medjaturi għandhom isiru dejjem Għawdex meta l-proċeduri jibdew hemm. Għal dan il-għan hemm spazju provdut fil-bini tal-istess Qorti.
Qrati — Għawdxin li jkunu għamlu talba għas-serparazzjoni
Question
Tista' il-Ministru tispjega kif medjaturi nominati taħt il-Liġi tal-Familja qegħdin jibagħtu għal persuni Għawdxin li jkunu għamlu talba għas-separazzjoni biex imorru Malta għal medjazzjoni, meta dawn ħafna minnhom huma nisa miżżewġa bi tfal żgħar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tagħti r-raġunijiet għaliex seba' ħaddiema tal-Maltapost mil-lum ġew trasferiti mix-xogħol li kellhom f'Għawdex għal xogħol f'Malta ma' l-istess Maltapost, filwaqt li ħamsa oħra kellhom ix-xogħol tagħhom mibdul mingħajr spjegazzjoni ta' xejn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet tal-gvern - xiri ta' djar mill-inkwilini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm inkwilini ta' postijiet tal-gvern li xtraw il-post tagħhom fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta` proprjeta` residenzjali mibnija mill-Gvern huwa mmexxi mill-Awtorita` tad-Djar. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-gvern ta' kemm hu sid ta' postijiet tal-gvern bħala housing soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jirriżulta li l-ammont ta` postijiet residenzjali mibnija mill-Gvern f`Malta u li preżentament huma mogħtija b`kera huwa ta` ftit aktar minn 7,500. Din iċ-ċifra ma tinkludix postijiet residenzjali li qabel kienu tal-Knisja. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-ammont ta` dawn il-postijiet ġewwa kull lokalita` f`Malta. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandiex informazzjoni ta` kemm hemm minn dawn il-postijiet ġewwa Għawdex għalkemm it-Taqsima qed tagħmel eżerċizzju sabiex l-informazzjoni dwar proprjeta` tal-Gvern f`Għawdex tkun ikkomputerizzata.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet tal-gvern - Xiri ta' djar mill-inkwilini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul finanzjarju minn kuntratti li għamlu inkwilini ta' postijiet tal-gvern meta xtraw il-post tagħhom fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta` postijiet residenzjali proprjeta` tal-Gvern lill-inkwilini ta` l-istess postijiet isir mill-Aworita` tad-Djar u għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Rigward postijiet residenzjali li ġew f`idejn il-Gvern b`riżultat tal-ftehim ta` l-1992 bejn l-istat ta` Malta u l-Vatikan ninsab infurmat illi d-dħul minn bejgħ u fidi ta` ċens hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni ta' l-irtirar
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex għadu ma rrispondix dwar il-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din ma ngħatatx id-dritt tagħha li tieħu pensjoni ta' l-irtirar u għal benefiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Jista’ il-Ministru jinformani kemm ħarġet flus il-Malta Tourism Authority għall-inizjattiva tax-“Xarabank visitMalta”? Jista’ jinformani wkoll kemm-il vjaġġ sar sat-23 ta’ Marzu, kemm tellgħu turisti komplessivament fuqhom u liema nazzjonalita’ spikkat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waħda mir-responsabiltajiet ta' l-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu huwa illi tagħmel Malta aktar attraenti bħala destinazzjoni turistika. Is-servizz tal-Visitmalta għandu jagħmel Malta aktar attraenti għal vizitaturi b'żewġ modi; l-ewwel, it-turist jista' jilħaq aktar postijiet ta' interess b'mod iktar faċli. It-tieni, it-turist għandu għażla iktar wiesa ta' mezzi ta' trasport li jista' juza biex iżur postijiet ta' nteress. Fi ftit kliem, iktar għażla tfisser destinazzjoni turistika iktar attraenti.
Dan huwa servizz li huwa provdut mill-ATP jiġifieri s-sidien tal-karozzi tal-linja bis-support tal-Awtorita tat-Trasport u tal-Awtorita tat-Turiżmu. Is-support finanzjarju fl-ewwel xhur inqasam b'mod ugwali bejn l-MTA u l-ADT. L-MTA tas-support tekniku f'dak li jirrigwarda marketing, l-ippjanar tas-servizz, training u quality assurance. Bejn brochures u assistenza ohra, l-proġett ġie jiswa lill-MTA madwar Lm14,000. Fl-ewwel erba' xhur (Novembru 2003 - Frar 2004) użaw is-servizz mal-4,500 turist.
Immedjatament kif bdew id-diskussjonijiet fuq dan is-servizz, l-MTA għamlitha ċara li ma kellha l-edba ħsieb illi tissussidja dan is-servizz fit-tul. L-intenzjoni kienet u għadha li s-servizz jkompli jiġi operat mill-ATP b'mod li jkun finanzjarament vijabbli. L-ADT ħadet l-istess pożiżżjoni. Għalhekk l-infiq li ser tagħmel l-MTA fuq dan is-servizz fix-xhur li ġejjin huwa ftit li xejn.
Dan ifisser illi għall-investiment li l-MTA għamlet fix-xhur tal-bidu, qed jiġi stabilitt servizz illi tul medda ta' snin għandu jagħmel Malta aktar attraenti bħala destinazzjoni turistika. Huwa stmat illi matul l-2004 dan is-servizz ser jintuża minn bejn 35,000 u 40,000 turist.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-ftehim fil-prinċipju li ntlaħaq mal-Ġermanja biex jgħinu lill-pajjiżna fil-ħruġ ta’ transit visas għal dawk il-pajjiżi fejn Malta ma għandhiex preżenza diplomatika?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Ministeri ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u tal-Ġermanja qegħdin bħalissa f'kuntatt ma' xulxin sabiex naraw kif jista' jiġi attwat il-ftehim li ntlaħaq fil-prinċipju biex il-Ġermanja tgħin lil Malta fil-ħruġ ta' viżi, fejn Malta m'għandhiex rappreżentanza diplomatika.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ambaxxata tagħna f’The Hague ġiet mgħarrfa mill-enlargement project team tal-Europol li kien hemm nuqqas ta’ progress min-naħa Maltija għas-sħubija tagħna fil-Europol tant li jidher li konna l-uniku acceding country li m’għandux joint liaison officer f’The Hague u li Malta mhijiex qed tlaħħaq mal-workshops kollha li qed ikun hemm għax qed tibgħat rappreżentant wieħed biss għar-regional Europol meetings?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li dewmien fid-diskussjonijiet dwar iċ-chancery premises f’Moska qegħdin ixekklu l-ambaxxata tagħna f’din il-belt milli tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-tkabbir tat-taqsima konsulari biex tkun tista’ tilqa’ it-talbiet kollha ta’ visas li għandhom jinħarġu liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa wara li nsiru membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju li ġej? Kien hemm xi żviluppi pożittivi dan l-aħħar?
Response (DALLI, JOHN)
In-negozjati ma' l-awtoritajiet Russi dwar l-allokazzjoni ta' bini akbar u aktar adegwat għall-Ambaxxata Maltija ġewwa Moska, li kienu nbdew xi snin ilu, għadhom għaddejjin. Il-ħruġ ta' viżi mill konsolat ta' l-ambaxxata huwa biss wieħed mis-servizzi li jingħataw mill-Ambaxxata. Dan is-servizz se jibqa' jingħata, minkejja l-fatt li, b'għaqal ekonomiku, m'humiex se jsiru spejjeż għalissa fl-irranġar ta' l-infrastruttura fil-binja eżistenti ta' l-ambaxxata.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kien l-eżitu taż-żjara li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda? X’kien l-għan taż-żjara tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Iż-żjara f'Malta li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda kienet waħda strettament ta' natura privata u għalhekk l-għan mhux magħruf.
AMBAXXATA MALTIJA FIL-LIBJA — XIRI TA’ PROPRJETA’ MILL-GVERN MALTI
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu l-arranġamenti biex tinxtara proprjeta’ ġdida fil-Libja mill-Gvern Malti biex tintuża bħala Konsulat/Visa Section ġdida ta’ l-ambaxxata? Kemm se tiġi tiswa?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-25 ta' Marzu 2004, ġie ffirmat l-Att tal-Konvenju fuq ix-xiri ta' propjeta' fil-Libja biex tintuża bħala Konsolat. Skond l-Att tal-Konvenju il-kuntratt tax-xiri jrid jiġi ffirmat sal-25 ta' April 2004. Il-prezz tax-xiri hu ta' 600,000 Dinar Libjan li jiġu circa ta' 158,000 Liri Maltin.