Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kalaxlokk — Ħaddiem li spiċċa bis-sensja

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, itterminawlu x-xogħol mill-Kalaxlokk?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi mir-rekords tal-Kalaxlokk ma jirrizulta ebda persuna bid-dettalji li ngħatat li ġiet terminata f'dawn l-aħħar 10 snin.

Air Malta — Xiri ta' ajruplani

Question

Jista' il-Ministru responsabbli mill-investimenti, lura għas-snin l-imgħoddija, jgħid min kien iċ-chairman responsabbli mill-Air Malta li għamel l-għażla ta' ammont ta' ajruplani li kienu inferjuri għal dak li kien hemm u għad hemm fuq is-suq, u min awtorizza lil dan iċ-chairman biex jixtri dawn l-ajruplani?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 4891.

Air Malta — Xiri ta' ajruplani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu, u fil-każ liema deċiżjonijiet se jittieħdu fil-konfront ta' min huwa resposnabbli jew aħjar ta' min kien responsabbli fid-deċiżjoni tax-xiri ta' l-ajruplani msemmija fid-domandi preċedenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għad-diskorsi tiegħi fil-Parlament kif ukoll għad-dokumenti mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra fid-dibattitu riċenti dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-Air Malta peress illi din il-kwistjoni ġiet trattata b'mod eżawrjenti u l-pożizzjoni tal-Gvern tpoġġiet b'mod ċar.

Air Malta — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma dak li huwa stess qal fuq l-istazzjon n azzjonali ta' Malta, jiġifieri li issa kulħadd irid jerfa' il-piż u li saħansitra ma jeskludix li jdur fuq il-ħaddiema ta' l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Kemm il-darba l-Onorevoli Interpellant irid jikkonferma xi diskors li jien għamilt fuq il-PBS, għandu jitlob "recording" lill-PBS.

Air Malta — Chairman

Question

B'riferenza għall-istqarrija li nissel huwa stess fejn saħaq li ma jeskludi xejn fir-rigward tal-kwestjoni ta' l-Air Malta, jaħseb il-Ministru li qiegħed joħloq distinzjoni fil-klassi, b'mod li jiġi aġevolat min huwa allegatament ħati ta' ċertu azzjoni, cioe' min kien jokkupa l-kariga ta' chairman u dawk li taw u approvaw il-parir tiegħu, filwaqt li jdur fuq min huwa l-iżgħar fil-kumpannija biex iġorru l-kundanna ta' ħaddieħor u jsofru danni psikoloġiċi minħabba li ħobżhom ikun mhedded, jekk ikun il-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Le.

Air Malta — Ħaddiema

Question

Il-Ministru lest li jikkonsidra li l-każ imsemmi fid-domandi preċedenti jiġi skrutinizzat mill-Qrati ta' Malta, sabiex issir ġustizzja ma min allegatament wettaq dak li fil-qarib jista' jissejjaħ "il-qatla ta' kumpannija li dejjem ikkontribwit lejn pajjiżna", ħalli b'hekk f'isem il-ġustizzja soċjali jerġa' jiddaħħal is-serħan tar-ras ta' kull ħaddiem ġewwa l-Air Malta u sabiex min huwa allegatament responsabbli jagħti lura dak li huwa tal-kumpannija lill-kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

Kont nistenna li bħala avukat, l-Onorevoli Interpellant jaf sew li Ministru ma jinizjax, jawtoriżża jew japprova proċeduri fil-Qrati Maltin.

Air Malta — Ħaddiema

Question

B'riferenza għad-domandi preċedenti tiegħi dwar il-kwestjoni ta' l-Air Malta, jikkonsidra l-Ministru li bl-aġir tiegħu jista' jiġi interpretat li qed jingħata l-kunsens lil kull min jinsab f'pożizzjoni maniġerjali li jwettaq dak li jħoss li għandu jagħmel anke jekk dan ikun ta' detriment għal pajjiżna, għaliex fl-aħħar stadju l-ħaddiem se jkun qiegħed ipatti għal dan? F'dan ir-rigward, jista' il-Ministru jikkonferma dan li qed jintqal, jew jekk ma jaqbilx jistax jirtira dak li qal fil-pubbliku u jipprovdi s-serħan tal-moħħ għall-ħaddiema b'mod immedjat billi jibda l-investigazzjonijiet neċessarji fuq min huwa responsabbli? Jista' jara wkoll li dan iseħħ fl-oqsma kollha li fihom setgħu allegatament instellħu r-riżorsi tal-poplu għaliex ittieħdu deċiżjonijiet li kienu bbażati fuq il-kapriċċi tal-ftit?

Response (GATT, AUSTIN)

Le għall-ewwel mistoqsija. Għat-tieni mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 4891.

USS Batom — Żjara f'Malta

Question

Jista' il-Minsitru jgħid jekk matul iż-żjara f'Malta ta' USS Batom u biċċa oħra tal-baħar Amerikana, ġewx mogħtija permess lill-membri ta' l-ekwipaġġ biex ikunu armati fuq l-art? Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-fatt kienx hemm uħud mill-ekwipaġġ armat fil-Barrakka anke matul il-lejl? Jista' jgħid jekk waslulux rapporti dwar dan? Jista' jgħid ukoll x'passi ttieħdu jekk fil-fatt saru dawn ir-rapporti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qatt ma rċieva talba jew ta permess lill-membri ta' l-ekwipaġġ tal-USS Bataan jew ta' xi biċċa oħra tal-baħar Amerikana biex dawn ikunu armati fuq l-art. Jien infurmat wkoll li ma waslu l-ebda rapporti għand il-forzi tas-sigurta' Maltin li kien hemm membri armati ta' l-ekwipaġġ stazzjonati fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant.

Rabat — Triq Sammy Abela - reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid min awtorizza li jitneħħa s-servizz tar-reserved parking li jinsab quddiem 2, New York Flat, Triq Sammy Abela, Rabat, meta skond it-traffic management directorate il-permess ġie approvat (Ref No: 197) għall-perijodu ta' sena mit-8 ta' Jannar 2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-każ ġie evalwat fis-27 ta' Frar 2004 wara investigazzjoni li għamlet l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta fejn ġie stabbilit li l-persuna li għaliha inħareġ il-permess tista timxi mingħajr diffikulta. L-Awtorita' bħalissa għaddejja bi proċess ta' evalwazzjoni tal-permessi kollha u kull fejn jirriżulta li l-permess mhux bżonjuż qed jitneħħa.

San Ġiljan — Sqaq Mrabat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Sqaq Mrabat, San Ġiljan huwiex proprjeta' tal-gvern jew huwiex private road? Jekk huwa proprjeta' tal-gvern, jista' jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex katina u bollards li saru biex tingħalaq it-triq minn xi individwi, jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern l-isqaq li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mhux ikkunsidrat bħala proprjeta` tal-Gvern.

CCF — Eżami ta' gwardjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif jekk dawk li kienu għamlu l-eżami ta' gwardjani tal-ħabs f'Diċembru 2002 u għaddew humiex se jingħataw ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tippublika r-riżultat ta` l-eżami msemmi, huwa maħsub li jimtlew dawk il-postijiet li preżentement huma vakanti.

Djar — Każ dwar applikazzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex fir-rigward ta’ l-applikazzjoni quddiem il-housing department li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed iddum xhur biex toħroġ no objection?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha l-ebda applikazzjoni pendenti quddiemha għall-bini ta’ washroom mill-persuna ndikata.

Sta. Venera — Triq Dun Frans Camilleri - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żvilupp għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2369 u cioe' minħabba l-istat li tinsab fih u l-inkonvenjenza li qed toħloq lir-residenti, meta hemm il-ħsieb li Triq Dun Frans Camilleri (n/s in Carini Str), St. Venera tingħata t-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżid ma' r-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2369.

Sta. Venera — Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2859 u cioe' jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Santa Venera mill-1994 'il hawn u kemm swiet kull biċċa xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sta. Venera — Skola San Franġisk t'Assisi - canteen

Question

Jista' il-Ministru jara li fl-iskola sekondarja San Franġisk t'Assisi, f'Santa Venera ikun hemm canteen adegwat għall-istudenti u li dan jitmexxa minn kuntrattur privat, u mhux minn membru ta' l-istaff, kif normalment isir fi skejjel oħra ta' l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mina bejn Ħal Qormi u Sta. Venera — Tindif/manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jassigura li jsir it-tindif u manutenzjoni regolari fil-mina li hemm bejn Ħal Qormi u Santa Venera billi din hi wżata ħafna, minħabba l-perikli li hemm fil-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport tisspezjona din is-subway regolarment u meta jkun hemm bżonn tindif tinforma d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex isir it-tindif meħtieġ.

MTA — Traffic management

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-abbozz ta' regoli li saru mill-awtorità ta' Malta dwar it-trasport dwar traffic management, liema abbozz kien ippreżentat lill-kunsilli lokali f'Lulju li għadda, kienx finalizzat u jekk fl-affermattiv, meta se jkun ippubblikat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-abbozz ta' regoli qed jiġu mplimentati għall-fini ta' Traffic Management iżda hemm xi sezzjonijiet oħra li fihom qed isirilhom xi tibdil b'konsultazzjoni ma' l-Kunsill Lokali, l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b'Diżabilita' u l-Malta Environment and Planning Authority.

Skejjel primarji — Kunsilli skolastiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel primarji ta' Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Kirkop u Santa Venera hemmx kunsilli skolastiċi? Jekk fl-affermattiv, meta beda jiffunzjona kull kunsill? Saret elezzjoni għall-membri? Il-President/a kien nominat lill-ministru mill-kunsill lokali tal-lokalità? Kemm-il darba ltaqa' kull kunsill minn dak iż-żmien 'il hawn? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti ta' dawn il-laqgħat bl-iskop li wieħed ikollu idea ta' l-attivitajiet u s-suġġetti trattati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx inġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.