Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi diffikultajiet biex tingħaqad is-sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħolijiet li hemm bżonn kienu nbdew lejn l-aħħar tas-sena 2002 iżda kellhom jitwaqqfu minħabba li fi Triq Pantar hemm cable 33kV ta' l-Enemalta u ma hemmx indikazzjoni eżatta ta' minn fejn hu għaddej dan il-cable li kien tqiegħed meta flok it-triq kien hemm sqaq dejjaq u mgħawweġ.
Sar attentat biex il-main tad-drenaġġ jgħaddi minn propjeta' privata biswit Triq Pantar iżda xi proprjetarji kienu oġġezzjonaw.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tistenna li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri mill-Enemalta dwar il-pożizzjoni eżatta tal-cable. Jekk din tibqa' ma tinstabx, il-KSI ikollha tagħaddi minn propjeta' privata wara li jsiru l-proċeduri neċessarji biex jinħoloq servitu' fil-każ tal-proprjetarji li qed joġġezzjonaw.
Oriġinarjament il-kuntratt li kien ingħata fl-2002 kien ta' madwar Lm30,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Marzu 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Marzu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Marzu 2004 kien hemm 118 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Marzu 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Marzu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Marzu 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 127 każ ta' serq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm occupational therapists li għandhom il-grad ta' principal?
Jista' jgħid x'inhuma r-responsabbiltajiet ta' dawn l-occupational therapists li għandhom dan il-grad?
Jista' jgħid fejn qegħdin jaħdmu fil-preżent dawn il-principal occupational therapists?
Jista' jgħid min huwa obbligat li jassumi r-responsabbilta' ta' tmexxija f'każ li xi ħadd minn dawn il-principal occupational therapists ikunu fuq leave fit-tul per eżempju maternity leave?
Jista' jgħid jekk hemmx xi kumpens għal min jassumi tali responsabbilta' (principal occupational therapist) mingħajr ma jkollu l-grad?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellent.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hemm sodod fixed height sala b'sala (swali kollha) fl-isptar San Luqa?
Kemm hemm hydraulic beds (jiġifieri li jistgħu jitilgħu u jinżlu) sala b'sala (swali kollha) fl-isptar San Luqa?
Kemm hemm lifters (manual hoists u electronic hoists) sala b'sala (swali kollha) fl-isptar San Luqa?
Kemm hemm hydraulic beds li għandhom bżonn tiswija sala b'sala (swali kollha) fl-isptar San Luqa?
Kemm hemm lifters (manual lifters u electronic lifters) bil-ħsara sala b'sala (swali kollha) fl-isptar San Luqa?
Min hu responsabbli mill-manutenzjoni u mit-tiswija tal-hydraulic beds u lifters fl-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni ghadha qed tingabar. Risposta tinghata aktar tard.
Sptar San Luqa — Taħriġ fuq tqandil għall-infermiera u paramediċi
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa organizzawx xi forma ta' taħriġ fuq tqandil (lifting and handling) ta' pazjenti għall-infermiera u paramediċi ta' l-isptar San Luqa bejn Jannar 2003 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab informat li d-dipartiment tal-post registration studies fi ħdan l-istitut għall-kura tas-saħħa (IHC) joffri l-kors ta’ lifting and handling (Moving and Handling) bħala wieħed mill-korsijiet, liema kors ma ġiex offrut għall-perjodu sena 2003/04 minħabba konkorrenza baxxa.
Hemm il-ħsieb li tali kors jiġi offrut għas-sena 2004/05.
Dipartiment tas-saħħa — Infermiera li ħarġu bis-sick leave
Question
Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm jammontaw il-ġranet ta' sick leave li ttieħdu mill-infermiera minħabba wġiegħ f'darhom bejn Jannar u Diċembru ta' l-2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont kbir ta' siegħat ta' xogħol minn numru ta' impjegati tad-Diviżjoni u dan iwassal għal nefqa żejda mill-fondi pubbliċi, l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jindika l-utilita' tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-impjegati tat-taqsima tal-protezzjoni ċivili għadhom ma tħallsux ta' l-overtime? Jista' jgħid meta dan il-ħlas se jsir issa li ilu pendenti għal aktar minn sena u nofs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi dan l-overtime qiegħed jiġi pproċessat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sajjieda humiex ser ikunu intitolati għal ħlas ta' Lm39 bħala r-rebate tal-VAT? Jista' il-Ministru jgħid meta dan ir-rebate jekk fl-affermattiv ser jiġi mgħoddi lilhom? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li s-sajjieda mhux ser jirċievu dan ir-rebate bħala kumplament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kumpens imsemmi bbenefikaw minnu dawk kollha li, fil-fatt, jibbenefikaw mill-kumpens għall-għoli tal-ħajja li l-Gvern jagħti minn sena għall-oħra. L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-‘COLA’ ma tingħatax lil dawk li jaħdmu għal rashom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ il-parti żgħira minn Triq Bartholomew Marsaxlokk li hija essenzjali sabiex tissolva l-problema tat-traffiku ta' kull nhar ta' Ħadd? Jekk fin-negattiv, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi biex din it-triq tkun tista’ tinfetaħ trid tittieħed biċċa art mhux żviluppata kantuniera ma Triq iż-Żejtun. Fil-mument l-awtorita’ dwar it-trasport għaddejja bi preparamenti meħtieġa biex din l-art tkun tista’ tiġi esproprjata sabiex it-triq tkun tista’ tinfetaħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4725, filwaqt li napprezza ferm il-fatt li qed isir sforz biex jerġa' jibda il-kors tal-Masters fil-Psikoloġija, jista' il-Ministru ġentilment jispjega l-ħtieġa li jsir koordinament bejn tliet ministeri differenti?
Jaħseb li din hi inizjattiva li trid tittieħed mill-Universita'?
Fejn wasal dan il-koordinament bejn it-tliet ministeri? L-Universita' hi rappreżentata jew involuta f'dan l-isforz?
X'inhi l-pożizzjoni uffiċjali ta' l-Universita' biex dan il-kors jibda fis-sena akkademika li jmiss? Kemm hi disposta li tagħmel ilparti tagħha l-Universita' biex dan il-kors jibda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li normalment it-tliet Ministeri msemmija huma responsabbli għal oqsma ta' politika u servizzi li jinħtieġu psikologi u hemm min isostni li t-taħriġ speċjalizzat ta' dan il-personal għandu jkollu kontribut finanzjarju speċifiku minn min jinħtieġu. Jien jidhirli li dan il-kors ta' Masters, bħal diversi korsijiet oħra ta' Masters, għandhom isiru regolari mill-Universita'. Għandu jiġi konsidrat ukoll li, peress li dan ikun kors wara li jkun inkiseb l-ewwel Grad ta' Baċellerat, l-Universita' tistabilixxi ħlas għall-kors u sta imbgħad għal employers prospettivi jiddeċiedu iridux jagħtu kontribut.
Rikjesti għal estradizzjoni minn gvernijiet barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għal estradizzjoni minn gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta bejn it-12 ta' Jannar u t-8 ta' April 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritiajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni involuti?
Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa u min kienu l-persuni involuti? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għax ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm rikjesti għal estradizzjoni minn Gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta bejn
it-12 ta' Jannar u t-8 ta' April 2004.
CCF — Persuni li qed jiskontaw piena minħabba nuqqas ta' ħlas ta' VAT
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm nies qed jiskontaw piena karċerarja minħabba nuqqas ta' ħlas ta' VAT? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm nies li ġew hekk ikkundannati ingħataw maħfra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-12 ta` April 2004, fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien hemm persuna waħda li qegħda tiskonta sentenza karċerarja minħabba nuqqas ta' ħlas ta' multi dwar reati konnessi mal-VAT imposti mill-Qorti li wara snin twal ta' nuqqas ta' adempjenza ġew konvertiti mill-istess Qorti f'piena karċerarja.
Kien hemm tliet każijiet fejn il-multa konnessa ma' penali ġiet ridotta bl-applikazzjoni tal-Art 93 tal-Kostituzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta ngħatat il-maħfra presidenzjali lill-persuni li isimhom qed jingħata taħt separate cover?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienu ilhom fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin dawn il-persuni jistennew li tiġi proċessata l-petizzjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll biex kienu akkużati dawn il-persuni, x'kienu kundannati u kemm inħafrilhom ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi l-persuni li isimhom ingħata taħt separate cover kienu akkużati b’serq aggravat u ingħataw maħfra presidenzjali wieħed fit-28 ta’ Marzu 2003 u l-ieħor fil-25 ta’ Jannar 2003 kif jidher hawn taħt:
Kundannna
Servew u kien fadal
Maħfra presidenzjali
5 snin+30 ġurnata
63 ġurnata taħt arrest u 974 ġurnata mis-sentenza. Kien fadal 210 ġurnata.
Kumplament tas-sentenza mibdula f’sentenza sospiża għal tlett snin
3 snin u 6 xhur+terz spejjeż tal-qorti
20 ġurnata taħt arrest u 115 ġurnata mis-sentenza. Kien fadal 405 ġurnata.
Kumplament tas-sentenza u spejjeż tal-qorti mibdula f’multa ta’ Lm500.
Dipartiment ta' l-artijiet — Każ dwar applikazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fir-rigward ta' applikazzjoni quddiem il-Lands Department li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed iddum daqshekk biex toħroġ in-no objection?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat li l-proprjeta’ li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant, inkluż dik l-area fejn qed jintalab li jsiru x-xogħlijiet, mhix proprjeta’ tal-gvern iżda hija proprjeta’ ta’ l-awtorita’ tad-djar. Għalhekk it-taqsima proprjeta’ tal-gvern mhix l-awtorita’ kompetenti f’dan il-każ. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel it-talba tiegħu lill-Ministeru għall-Familja u għas-Solidarjeta’ Soċjali.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-ispazju għall-ipparkeġġjar indikat bħala reserved li jinsab quddiem residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġie estiż biex ikopri spazju akbar daqs xahar ilu? Jista’ jgħid għal benefiċċju ta’ min ingħatat din il-konċessjoni u jista’ jispjega għaliex l-ispazju għall-ipparkeġġjar huwa daqstant kbir bie jakkomoda anke tliet karozzi ipparkjati ħdejn xulxin kif jirriżulta aħjar mir-ritratt li qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statuorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li biex jitnaqqas in-noise pollution ikun hawn lokalitajiet fejn ħornijiet ma jkunux jistgħu jintużaw, anke f’ħinijiet indikati? Barra minn hekk, fejn ċerti ħornijiet jagħmlu wisq ħoss, jista’ jikkonsidra li dawn ikunu kkontrollati b’xi mod?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-użu ta' ħornijiet huwa regolat bir-regolament 96 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur.
Jista’ il-Ministru jgħid hux se jagħti ċans lil sidien ta’ karozzini (li jġorru t-turisti) li għandhom xi karozzini bil-liċenzja mhux imħallsa li jħallsuha biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom?
X’inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar każijiet fejn it-tfal ta’ dawn is-sidien jixtiequ jibqgħu armati b’dan ix-xogħol iżda qed jistennew iċ-ċans li jkunu jistgħu jħallsu l-liċenzji li għandhom b’lura jew iġeddu permessi antiki ħalli jiġu regolari mal-liġi?
Billi taħt il-ministru preċedenti kienu qed isiru sforzi biex dawn jingħataw iċ-ċans li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, jista’ jgħid jekk hux beħsiebu jkompli miexi fuq dawn il-passi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-karozzini li l-awtorita taf bihom huma kollha bil-liċenzji u bil-permessi mħallsa. Ma jirriżultax li hawn xi karozzini li m’għandhomx liċenzji u permessi mħallsin.
Fil-każ ta’ tfal ta’ sidien ta’ karozzini bil-liċenzja u bil-permess, kemm il-liċenzja u anke il-permess jista’ jiġi trasferit bla ebda ħlas.
Jista’ il-Ministru jgħid mill-1990 sa din is-sena, sena b’sena, kemm kien hawn karozzini li jġorru t-turisti reġistrati u b’liċenzji mħallsa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Bejn l-1990 u l-2002 il-liċenzji tal-kaorzzini u permessi kienu taħt ir-responsabbilta’ tal-pulizija. Minn Frar ta’ l-2003, l-awtorita’ dwar it-trasport ta’ Malta ingħatat ir-responsabbilta’ tal-liċenzji u permessi tal-karozzini fejn imxejna fuq il-lista li ġiet mogħtija lilna mingħand il-pulizija.
L-ammont ta’ karozzini kemm ilhom fir-responsabbilta’ tagħna jammontaw għal 114.