Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li qegħdin jagħmlu użu mill-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm qed iħallsu dawn l-għaqdiet separatament sabiex jagħmlu użu minn din il-faċilita` sportiva?

Response (GALEA, LOUIS)

No response available.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministri jgħid fil-kumpless sportiv tal-Kottonera hemm xi parti li hija mikrija lil xi ħadd fuq bażi privata u mhux għaqda sportiva? Jista' jgħid kemm qed idaħħal il-kunsill Malti għall-isport minn din il-kirja u għal kemm żmien saret?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-partijiet li huma mikrija fuq bażi privata huma : Il-'Catering u Child Care Playing Facilities' huma f'idejn il-'Health Pit Cottonera Ltd'. Dawn huma mikrija għall-ħames snin bir-rata ta' Lm4,000 fis-sena. Il-'Fitness Centre' huwa mikri lill-'Health Pit Operators Ltd' bir-rata ta' Lm2,350 fis-sena għal perjodu ta' 5 snin.

Sptar San Luqa — Apparat tal-gastroscope

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara l-apparat tal-gastroscope fl-isptar San Luqa? Meta kien bil-ħsara matul is-sena 2003 xahar b'xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab informat li hemm sitt gastroscopes fl-isptar San Luqa. Wieħed partikolari kien bil-ħsara bejn il-31/01/03 sas-07/04/03, u bejn il-21/07/03 sa l-20/10/03. Kien hemm ieħor bil-ħsara bejn l-14/03/03 sa l-14/04/03. Informat li dan il-gastroscope partikolari reġa' kien bil-ħsara fit-13/05/03 u ġie deċiż li ma jintranġax. Gastroscope ieħor kien bil-ħsara mid-29/07/03 sat-18/11/03. Kien hemm ieħor mit-03/11/03 u għadu ma ġiex irritornat. Gastroscope ieħor kien bil-ħsara mill-05/01/03 sas-26/05/03. Matul is-sena 2003 dan l-apparat intuża għall-2,108 darba. L-isptar kiseb is-servizz ta' żewġ gastroscopes oħra.

Ħ'Attard — Toroq ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli - riħa ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed jikkawża r-riħa tad-drenaġġ insapportabbli fit-toroq arterji ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli ftit 'il fuq mil-mixtla ta' Wied Inċita? Jista' jara li jiġu rranġati l-ħsarat ħċalli jiġi rimedjat l-inkonvenjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li r-riħa ta' drenaġġ fl-inħawi ta' Wied Inċita tiġi kkawżata meta jkun hemm xi sadd fil-main tad-drenaġġ li ħiereġ mill-isptar Monte Carmeli. Meta ma jkunx hemm sadd, bħal preżentament, ma jkunx hemm riħa.

Tarznari — Riżultati finanzarji

Question

B'riferenza għal dak li ġie rrappurtat fil-mezzi ta' l-istampa tal-ġimgħa li għaddiet minn diversi korrispondenti dwar ir-riżultati finanzjarji tat-Tarznari għas-snin 2002 u 2003 u anke għall-ewwel xahrejn ta' l-2004, jista' il-Ministru: a) jikkonferma jekk din hijiex il-pożizzjoni attwali tat-Tarznari; b) ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti finanzjarji għas-snin 2002 u 2003 u għall-ewwel xahrejn tas-sena 2004; c) jgħid jekk is-sitwazzjoni hija kif irrappurtata fl-istampa, x'wassal biex il-miri tal-gvern mill-bidunett tal-pjan marru żmerċ b'persentaġġ tant għoli? ii) X'inhuma l-pjani tal-gvern biex jagħmel tajjeb għal din id-diskrepanza? iii) Jekk il-projections għas-snin li fadal re l-2008 hux se jkunu riveduti? iv) X'inhuma l-konsegwenzi li aċċetta l-gvern fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea f'każ li l-miri finanzjarji tal-gvern għat-Tarznari ma jintlaħqux u allura x'contingency plans għandu l-gvern f'din l-eventwalita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi din l-interpellanza tirrikjedi tweġiba estensiva, qed inpoġġi t-tweġiba tiegħi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Air Malta — Chartered flights għal Lourdes

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta l-Air Malta bdiet topera titjiriet chartered għal Lourdes u lura, kemm-il flight kienet organizzata sena b’sena sal-lum u x'kien in-numru ta' passiġġieri li garret ukoll sena b’sena sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali li qed taffaċja kompetizzjoni kbira minn linji oħra tal-ajru ma nħossx li jkun prudenti li nippublika l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru peress illi din tkun tista tintuza kemm minn linji tal-ajru oħra kif ukoll agenti li jaħdmu ma' linji oħra u mhux mal-Air Malta.

Air Malta — Benefiċċji mogħtija liċ-chairman u d-diretturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi eżattament ittieħdu mill-ministeru tiegħu fir-rigward ta' l-onorarja u benefiċċji oħra li kienu jieħdu ċ-Chairman u d-Diretturi ta' l-Air Malta u kemm kienu ffrankati flus lill-kumpannija nazzjonali ta' l-ajru?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li wara li ġew irreveduti l-onorarja mħallsa liċ-Chairman u d-Diretturi tal-Air Malta huwa stmat li qed tiġi ffrankata s-somma ta' Lm 132,188 fis-sena.

Tarznari

Question

Jista' il-Ministru jgħid, in vista tar-rapporti ppubblikati u mxandra dan l-aħħar, x'inhi l-pożizzjoni amministrattiva u finanzjarja tat-tarznari ta' Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4962 nireferi lil Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4934.

ĦLAS MIR-RUSSJA TAD-DEBITI DOVUTI LIL MALTA

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm reazzjoni min-naħa Russa għall-kontro proposti tal-Gvern Malti ma’ l-awtoritajiet Russi dwar il-ħlas lura min-naħa Russa tad-debiti dovuti lil pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom għaddejjin u għaldaqstant mhux xieraq li nagħti xi tagħrif f’dan l-istadju.

European Health Insurance Card

Question

Il-Gvern Malti qabel fil-prinċipju li jintroduċi l-European Health Insurance Card? Jekk iva, b'seħħ min meta sejjer isir dan - dan aktar u aktar billi ċerti acceding countries bħall Estonia u s-Slovenia sejrin jintroduċuha b'seħħ mill-ewwel ta' Ġunju 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern Malti qabel mad-deċiżjoni tal-Administrative Commission on Social Security for Migrant Workers (CASSTM) li ttieħdet fit-18 ta' Ġunju 2003 biex tiġi ntrodotta l-European Health Insurance Card. Billi jridu jsiru l-preparazzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni, l-Ministeru tiegħi, permezz tad-delegazzjoni Maltija li sservi bħala Membru tal-CASSTM talbet formalment li jingħata perjodu transitorju biex Malta tintrduċi l-Card sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005. Dan il-perjodu transitorju ntalab ukoll minn sitt Membri ġodda, minn ħames Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (Awstrija, Italja, Olanda, Portugall, Renju Unit), kif ukoll minn tliet Membri tal-EFTA (Svizzera, Liechtenstein, Islanda).

Gijs De Vries — Counter Terrorisim Co-ordinator tal-UE

Question

Fuq livell prattiku Malta kif ser tibda tikkordina il-ħidma tagħha ma Gijs De Vries, il-Counter Terrorism Co-ordinator tal-UE?

Response (BORG, TONIO)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li s-suġġett ta' din il-Mistoqsija mhux ta' natura li tista' tkun magħrufa pubblikament.

Kunsill tal-UE — Reform partnerships

Question

Fuq livell prattiku kif ser jiġi implimentat it-tħaddim tar-Reform Partnerships li kien hemm qbil dwarhom fil-Kunsill riċenti tal-UE sabiex ikun hemm ħidma ikkordinata bejn is-sħab soċjali, is-soċjeta' ċivili u l-Awtoritajiet pubbliċi fl-implimentazzjoni tal hekk imsejħa Lisbon Strategy? X'inhuma il-benchmarks u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-acceding countries u l-istati membri fl-UE sejrin jiġu taħt l-iswkrutinju intensifikat u l-hekk msejjaħ EU wide judgement għar record tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ta' Lisbona?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Sħubjia ta' Malta fil-Europol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ambaxxata tagħna f'The Hague ġiet mgħarrfa mill-enlargement project team tal-Europol li kien hemm nuqqas ta' progress min-naħa Maltija għas-sħubija tagħna fil-Europol, tant li jidher li konna l-uniku acceding country li m'għandux joint liaison officer f'The Hague u li Malta mhijiex qed tlaħħaq mal-workshops kollha li qed ikun hemm għax qed tibgħat rappreżentant wieħed biss għar-regional Europol meetings?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f`dan l-istadju għad mhux rikjest li jkun hemm liaison officer dwar il-Europol f'The Hague. Għandu jingħad illi fl-ewwel ġimgħa ta' April ta' din is-sena, Malta iffirminat l-ftehim mal-Europol u qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun assenjat liaison officer f'The Hague. Madankollu l-koperazzjoni mal-Europol hija kontinwa bejn iż-żewġ naħat.

Ħ'Attard — Skola Thai Lakin - immaniġjar tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux talbiet biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni tat-traffiku li jkun hemm waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola tat-Thai Lakin f'Ħ'Attard? Jista' jgħid x'inhuma dawn it-talbiet u jekk l-awtorita' dwar it-trasport taqbilx magħhom? Jekk fil-pożittiv, meta se jitwettqu u jekk fin-negattiv, x'inhuma l-proposti ta' l-esperti ta' l-awtorita'? Jaf il-Ministru li r-resdienti tat-toroq ta' madwar l-iskola qed ikollhom diversi problemi u l-ġenituri tat-tfal li jwasslu l-uliedhom l-iskola mhux qed ikollhom fejn jipparkjaw biex iwasslu l-uliedhom l-iskola?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta irceviet diversi talbiet dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku li qed jirreferi ghaliha l-Onor. Interpellant, fosthom li tingħalaq it-triq fil-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta' l-iskola. Peress li Triq Żebbuġ hija triq distributorja, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ma setgħatx tilqa' din it-talba, għax m'hiex il-policy ta' l-Awtorita' li jingħalqu toroq arterji u distributorji għal dan il-għan. Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ħadet diversi miżuri biex tittaffa is-sitwazzjoni u ttejjeb is-sigurta' tat-tfal ta' l-iskola fosthom, l-implimentazzjoni tal-pelican crossing, it-tpoġġija ta' guard rails u l-irranġar tas-sinjali tal-parkeġġ quddiem l-iskola.

Ħ'Attard — Triq Santa Katerina - pelican light

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 227, jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' twaħħil ta' pelican light fi Triq Santa Katerina, Ħ'Attard kenitx inkluża f'tender biex issir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi fil-ġranet li ġejjin mistennija toħroġ it-tender sabiex tkun tista’ issir l-istallazzjoni tal-pelican crossing imsemmija mill-Onor. Interpellant.

Ħ'Attard — Skola Tumas Dingli - kumpless sportiv

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 224 u 1735, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-kumpless u cioe' jekk ingħatax l-award tat-tender? Meta se jibda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol? Jista' jipprovdi kopja tal-pjanti ta' kif ġej il-kumpless sportiv? Min se jkun responsabbli mix-xogħlijiet u meta hu maħsub li x-xogħol jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa ma kienx hemm żviluppi ġodda x'nista nirraporta.

Żvilupp ta' Spinola Bay

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern għall-iżvilupp ta' Spinola Square, Spinola Bay?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-pjanijiet għadhom qegħdin isiru minħabba l-kumplikazzjonijiet tax-xogħlijiet meħtieġa, kif ukoll minħabba l-involviment ta' diversi entitajiet.

Kunsilli lokali — double line quddiem gabbana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara għaliex eżatt quddiem il-gabbana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inżebagħ double line b'detriment qawwi għan-negozju tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-Port ta` l-Imġarr, Għawdex, jaqa' fil-kompetenza tal-Awtorita' Marittima ta' Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.