Kumitat li jiġġudika t-tenders — Protokoll ma l-Italja
Question
Jista' il-Ministru jgħid minn min hu iffurmat il-kumitat li qiegħed jaġġudika t-tendersgħal xogħol ta' toroq li se jsir skond il-protokoll ma l-Italja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi l-kumitat hu ffurmat minn:
Mr. Anthony Pavia - Chairman
Dr. Marc Bonello - Member
Mr. Anton Spiteri - Member
Mr. Carmel Zammit - Member
Mr. Angelo Mallia - Secretary
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' l-offerti għal bini ta' toroq li se jiġu ffinanzjati mill-Protokoll Taljan? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parti tal-Protokoll Taljan li tirrigwardja t-toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi l-kumitat lesta rapport ta' l-evalwazzjoni teknika u finanzjarja ta' l-offerti għal dan ix-xogħol. Hu ppjanat li dawn it-tenders jiġu aġġudikati sa l-aħħar ta' dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti ħjiel meta se jiġu implimentati mill-public service commission is-sentenzi maqtugħa mit-Tribunal ta’ l-Inġustizzji għar-rigward ta’ l-impjegati tal-qrati tal-ġustizzja li ngħataw rimedji għall-inġustizzji li sofrew fuq il-post tax-xogħol ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Air Supplies qed tikkunsidra li tnaqqas mill-impjegati tagħha bil-kuntratt li qegħdin jagħmlu xogħol produttiv u siewi, meta fl-istess waqt l-Air Malta daħħlet 140 impjegat ġdid fuq bażi full-time?
Response (GATT, AUSTIN)
Dwar l-impjieg ta' madwar 140 ruħ nirreferi lill-Onor.Iterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 3750.
Rigward l-Air Supplies, il-bord tal-kumpanija iddeċieda li m'hemmx bżonn li jġedded l-impjieg ta' dawk li qegħdin fuq kuntratt meta dal-kuntratt jiskadi.
Tajjeb li ngħid ukoll li x-xogħol li jagħmlu dawn iż-żewġ gruppi huwa totalment differenti.
Dipartiment tas-saħħa — Infermiera li ħarġu bis-sick leave
Question
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-ministru għall-mistoqsija parlamentari 5056, jista' jagħti informazzjoni dwar sick leave ta' nurses li jsofru minn back pain (uġiegħ fid-dahar), minħabba nuqqas ta' statistika f'dan ir-rigward u minħabba l-fatt li bosta nurses jieħdu sick leave minħabba uġiegħ f'daharhom konsegwenza ta' nuqqas ta' faċilitajiet għat-tqandil tal-pazjenti fis-swali? Peress li nħoss li huwa xieraq li l-Parlament ikun informat bl-ispiża konnessa ma' tali sick leave konsegwenza ta' nuqqas ta' faċilitajiet fis-swali, għal darb'oħra nitlob lill-Ministru jagtħi rendikont ta' kemm jammontaw il-ġranet ta' sick leave li ttieħdu mill-infermiera minħabba uġiegħ f'daharhom bejn Jannar u Diċembru 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li kif qed igħid l-Onorevoli Interpellant fl-istess mistoqsija hemm nuqqas ta' statistika, ma għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 5056.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4969, peress illi fil-Qorti ta' Għawdex ma jidhru li saru ebda xogħlijiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn se jsiru s-seduti tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti ta' Għawdex issottomettiet tliet proposti fejn jistgħu jsiru s-seduti tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex u qed tistenna l-approvazzjoni għal waħda minnhom.
Sadattant, seduti tal-Qorti tal-Familja qed isiru fil-Bini tal-Qorti stess.
Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li kull linja ta' telephone ċellulari tiġi reġistrata, speċjalment dawk il-linji li jinxtraw over the counter u b'hekk ikun kemm iktar kontroll fuq dawn il-linji u jiġu evitati l-abbużi u użu ħażin ta' dawn il-linji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-bżonn li jiġi mpost obbligu fuq il-pubbliku fejn kull linja għandha tiġi rreġistrata huwa suġġett imsemmi ħafna, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta.
Bħalissa, meta l-konsumatur li jixtri linja ta' mobile telephone prepaid, m'għandux l-obbligu li jirreġistra ismu ma' l-operatur tas-servizz u f'każi fejn l-individwu jirreġistra, l-linja kemm pre-paid kif ukoll post-paid (b'kuntratt), għandu l-faċilita permezz tal- mobile li jżomm in-numru tal-linja anonima meta jagħmel telefonati.
L-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni hija konxja tas-sitwazzjoni preżenti u qiegħda tinvestiga l-issues relatati ma' abbuż u l-użu ħażin ta' dawn il-linji.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti biex jinxtraw oqbra mill-privat fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija f'Għawdex? Tista' tgħid ukoll jekk humiex jiġu aċċettatu iżjed talbiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi preżentement hemm 265 applikazzjoni pendenti għax-xiri ta' oqbra fiċ-Ċimiterju ta' Santa Marija.
Applikazzjonijiet ġodda għal xiri ta' oqbra fl-istess ċimiterju għadhom qed jintlaqgħu fl-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika fir-Rabat Għawdex.
Għawdex — Applikazzjonijiet għall-permessi quddiem il-MEPA
Question
Peress illi ħafna applikazzjonijiet għall-permessi f'Għawdex quddiem il-bord tal-MEPA għadhom pendenti minħabba li jeħtieġu li jsiru spezzjonijiet, jista' il-Ministru jara li dawn l-ispezzjonijiet isiru kemm jista' ikun malajr u b'hekk jiġi evitat dewmien esaġerat fil-proċess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li quddiem il-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma hemm l-ebda applikazzjoni dwar żvilupp f’ Għawdex li hija pendenti minħabba li tinħtieġ spezzjoni.
Ta’ min isemmi li quddiem il-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp hemm għaxar (10) applikazzjonijiet li huma pendenti minħabba l-ħtieġa ta’ spezzjoni. Għal sitta (6) minn dawn kellha ssir spezzjoni llum, 22 ta’ April 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt relattiv għall-fond li hu xtara fl-20 ta' Novembru 1996 f'San Pawl il-Baħar? Id-dettalji tal-fond qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji dwar iċ-ċens impost fuq l-art li fuqha huwa mibni l-fond in kwistjoni, sabiex l-ewwel ikun jista' jirrikonoxxi l-enfitewta, u mbagħad l-applikazzjoni tiegħu biex jifdi ċ-ċens.
Awtorita' tad-djar — Applikazzjoni għal stair lift
Question
Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni 7HA90/2003 tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, għall-istallazzjoni ta' stair lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ġie ffirmat il-ftehim għall-għotja tas-somma approvata biex jiġi stallat l-istair lift fir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li kif l-applikant jibgħat l-irċevuti fiskali meħtieġa, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tmexxi l-pagament.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuni li huma reġistrati li mhux qed jaħdmu jew m'għandhomx impjieg, irċevewx id-Lm39 rappreżentanti bonus li ngħata fl-aħħar budget?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li kull min kien qed jirċievi pensjoni, kemm kontributorja u sew le, jew Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali fix-xahar ta' Marzu 2004, tħallsu l-bonus ta' Lm39.
Fl-iżvilupp li hemm maħsub li jsir mill-gvern ħdejn Triq il-Ponsjetta, f'Ħ'Attard (MEPA application no. 00922/04) jista' jiġi kkonsidrat l-inklużjoni ta' recreation area li tinkorpora s-siġar tal-ħarrub li hemm fiż-zona?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għadha ma rċevietx risposta mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Outline Development Application li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat meta jsiru l-pjanti f'aktar dettal, jekk ikun hemm risposta favorevoli għal din l-applikazzjoni.
Tista' il-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' housing ta' familja b'żewġt itfal li joqogħdu f'garaxx u li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' ndikat mill-Onor. Interpellant ma jappartjenix lill-persuna ndikata. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ma għandiex applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-każ tal-persuna li għandha n-numru ta' l-identita' indikat minnhu, ninsab infurmata li l-applikazzjoni tagħha qed tiġi kkunsidrata.
Dipartiment tas-sigurta' soċjali — Każ dwar pensjoni
Question
Tista' il-Ministru tara li l-każ ta' pensjonant tad-Dockyard li qiegħed jilmenta dwar pensjoni jiġi avviċinat mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali minħabba l-problema li għandu fuq il-pensjoni tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha. Jekk fadlilha xi diffikulta' nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtiha parir tirrikorri fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-belt jew raħal tagħha.