Minn dawk id-900 ħaddiem li nqalgħu mit-Tarzna fl-aħħar riforma, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom kellu r-rwol ta' manager? Kemm kien fadal persuni fil-grad ta' managers wara r-riforma?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-aħħar riforma għaxar (10) Managers ġew assenjati mal-Industrial Projects and Services Limited. Wara r-riforma kien għad fadal erbgħa u sebgħin (74) Manager.
Ta' min jinnota li fil-lista ta' 74 Manager li fadal fit-tarzna hemm numru minnhom li għalkemm għandhom it-titlu ta' managers huma fir-realta' involuti f'xogħol speċjaliżżat u jagħmluha ta' konsulenti interni tat-tarzna aktar milli ta' line managers.
Dawn jinkludu t-Tabib, l-Industrial Chemist, il-Health and Safety Officer, u l-Quality Control Oficer.
Barra minn hekk billi t-tarzna issa qed taħdem fuq żewġ shifts żdied il-bżonn ta' management u superviżjoni fuq it-tieni shift. Minħabba f'hekk, bil-ftehim mal-Union, fil-fatt kellhom jiġu promossi 7 managers oħra.
Barra minn hekk, numru ta' managers li kienu qed jagħmlu xogħol partikolari, bħat-Training Manager, u kien fadlilhom żmien relattivament qasir biex jirtiraw tħallew jaħdmu biex ikunu jistgħu jagħtu handing over xierqa lil min ser jassumi r-responsabiltajiet li kellhom.
Jikkonferma l-Ministru li dan l-aħħar ġew promossi 14-il manager ġdid? Jekk iva, kif jiġġustifika dawn il-promozzjonijiet meta jidher fiċ-ċar li xogħol ġdid jew żieda fix-xogħol, it-tarznari ma rreġistrawx matul l-aħħar xhur?
Ħaddiema tat-tarzna li ġew trasferiti mas-Servizz Pubbliku
Question
Mill-ħaddiema li ġew trasferiti mal-gvern mit-tarzna, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm minnhom huma fil-grad klerikali u kemm minnhom huma fi grad tekniku? Fil-każ ta' l-aħħar, f'liema kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Investiment.
Kemm-il darba jidħol xogħol simili bħal ta "Igdam" fit-tarzna, jikkonferma l-Ministru li l-kompliment ta' ħaddiema li fadal fit-tarzna llum ikun jista' jaqdi tajjeb biex jagħmel xogħol bħal dan jew ikun jeħtieġ out sourcing? X'inhuma l-possibbiltajiet li xogħol simili bħal "Igdam" ikun miġbud lejn it-tarzna?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li l-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, tajjeb li jkun jaf ukoll li l-out sourcing huwa pprattikat minn kull tarzna għax illum tista' tgħid l-ebda tarzna ma għandha r-riżorsi kollha biex tkun self-sufficient. Bis-saħħa ta' l-outsourcing ta' ċertu xogħol tarzna tista' ssir aktar kompetittiva u tirbaħ xogħol speċjalment dak li jkun ta' ċertu kumplessita'.
Peress li madwar sena ilu nħarġet tender għat-tikketti ta' sisa ta' sigaretti, jista' il-Prim Ministru jgħid min issottometta din it-tender? Min ħa din it-tender? Kemm kienu l-ħaddiema tal-gvern fid-dipartimenti varji li se jiġu affettwati mill-fatt li se jkun hemm out sourcing ta' xogħol li kien isir b'mod effettiv mid-dwana u l-istamperija tal-gvern? Kif se jkun hemm kontroll mill-gvern dwar dawn it-tikketti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Żewġ ditti Maltin issottomettew 5 “tenders” b’risposta għas-sejħa Nru 237/2003 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Dawn huma
a. Galaxy Ltd għan-nom ta’ Light Impressions, Giesecke & Devrient, Securikett, u Optaglio
b. Kasco Ltd għan-nom tagħha nnifisha.
Wara evalwazzjoni sħiħa l-kuntratt ingħata lil Galaxy Ltd għan-nom ta’ Optaglio.
Tliet ħaddiema tal-gvern li jifformaw il-“Banderoles Board” ser jiġu effettwati direttament għax mhux ser jibqa’ l-bżonn li jiffunzjona dan il-Bord li x-xogħol tiegħu kien s’issa li jikkontrolla l-istampar tat-tikketti eżistenti fl-istamperija tal-gvern. Dawn il-ħaddiema issa jistgħu jmorru lura fid-dipartimenti rispettivi tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Marsa Shipbuilding hijiex se tibda tintuża għat-tiswija u servicing ta' yachts? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-pjani tal-gvern?
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rapporti mill-Unjoni Ewropea dwar l-operat tat-Tarzna mill-01.01.2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm rapporti speċifiċi dwar l-operat tat-Tarzna. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operat tat-Tarzna ssemma' fir-Regular Update Reports dwar Malta fil-Comprehensive Monitoring Report on Malta's preparations for membership (2003) maħruġa mill-Kummissjoni Ewropeja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħadem overtime minn meta twaqqfet il-Malta Shipyards?
Response (GATT, AUSTIN)
Bejn l-10 ta' Novembru 2003 u d-9 ta' April 2004 inħadmu 110, 311 siegħa overtime.
Għalkemm dan l-overtime hu inqas sostanzjalment mill-istess perjodu tas-sena ta' qabel, xorta qed ikun għoli, l-aktar minħabba l-azzjonijiet industrijali li qed ikunu fit-Tarzna matul dawn l-aħħar ftit xhur.
Dan qed jipperikola sew il-ħidma li trid issir biex il-"budgets" jiġu rispettati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-time-off u leave li kienu ntitolati għalih il-ħaddiema li kienu fit-taqsima tad-drenaġġ hux se jingħata issa li ġew detailed mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
MEPA — Applikazzjonijiet għal żvilupp ta' siti sportivi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kemm kien hemm clubs sportivi li ssottomettew applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-iżvilupp tas-siti sportivi tagħhom f'dawn l-aħħar tliet snin?
Jista' f'kull każ jgħid min kienu dawn il-clubs jew għaqdiet sportivi?
Jista’ jispeċifika wkoll liema permessi ġew approvati, liema ġew rifjutati, liema għadhom pendenti u liema minnhom ingħata l-permess għalihom wara li fil-fatt kien diġa’ sar l-iżvilupp?
Jista’ jgħid kemm inħarġu enforcement orders f'dan is-sens u kemm minnhom ġew esegwiti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tirrikjedi ħafna xogħol, u jista' jkun li l-informazzjoni maħruġa mis-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma tkunx tkopri l-proġetti kollha, jista' l-Onor. Interpellant jindika jekk għandu xi proġett partikulari f' moħħu.
Ministeru għal Għawdex — Iffirmar ta' charge letters
Question
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4576 indirizzata lill-Ministru għal Għawdex, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ħarġitx letter of delegation li s-segretarju permanenti fil-Ministeru għal Għawdex ikun jista' jiffirma ċ-charge letters minflok id-direttur customer services fl-istess ministeru? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet din l-ittra u a tenur ta' liema artiklu ta' l-avviż legali dwar il-proċedura tad-dixxiplina ta' l-1999 tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku? Jekk fin-negattiv, a tenur ta' liema artiklu s-segretarju permanenti ta' Għawdex jiffirma ċ-charge letters imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi d-Delega ta’ Poter dwar kontroll dixxiplinarju li nħarġet fl-1 ta’ Novembru 1999, tipprovdi li meta l-uffiċċju ta’ Direttur li jkun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni diretta tas-Segretarju Permanenti jkun vakanti u ma tkun saret l-ebda ħatra ta’ aġent Direttur, bħal ma fil-fatt seħħ f’dan il-każ, l-uffiċjal delegat biex joħroġ iċ-charges lill-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu f’dak id-Dipartiment, jkun is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru.
Din id-delega ta’ poteri ngħatat mill-Prim Ministru fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku bis-saħħa ta’ l-Artiklu 110 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fuq it-twaqqif tal-monument f'ġieħ l-Arċipriet Cassar baqa' ma sar qatt minkejja li kien hemm il-permessi meħtieġa? X'passi se jittieħdu biex ix-xogħol fuq dan il-monument isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li għad m'hemmx il-permessi meħtieġa għat-twaqqif tal-monument f'ġieħ l-Arċipriet Cassar.
Jaf il-Ministru li f'Malta hawn problema serja ta' bullying u li xi snin ilu kien ġie kkuntrattat rapport/studju fuq dan is-suġġett u li kienu ngħataw lill-gvern ċertu rakkmandazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Infatti kont waqqaft Kumitat Ministerjali jistħarreġ il-problema tal-bullyingu jfassal Policy "L-Imġieba Tajba fl-Iskejjel". Dan il-ktejjeb hu "l-Politika Nazzjonali u Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ibbuljar". Fih ukoll il-pjan ta' Azzjoni Kontra L-Ibbuljar u Favur l-imġieba tajba fl-Iskejjel u Linji Gwida u Proċeduri f'każi ta' Ibbuljar. Dan il-ktejjeb ġie mogħti lil kull għalliem u kull membru ta' amministrazzjoni fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Privati. Sentejn wara reġgħu ntbagħtu kopji ta' l-istess Policy lil kull skola li talbet kopji aktar.
Ġew introdotti wkoll l-
Anti Bullying Services
bdiet taħdem ftit wara, u fis-sena skolastika 2002-2003 bdew jaħdmu żewġ persuni oħra f'din il-
Unit
. Il-programm jinkludi ħidma mal-Kap ta' l-Iskola u t-tfassil ta' programm għall-iskola jew għall-klassi partikolari, jew għall-ġenituri, etċ. kif diġa ġie spjegat fil-P.Q.
5101
. Billi "ir-responsabilta" ġenerali tal-ħidma kontra l-ibbuljar hija tal-Kap ta' l-Iskola (ara pg.3 ta' "L-Imġieba Tajba fl-iskejjel"), l-
Anti-Bullying Section
tagħmel il-programm individwali meta tissejjaħ mill-Kap ta' l-Iskola.
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri jittieħdu f'każi severi ta' bullying mill-awtoritajiet tal-gvern fl-iskejjel tal-gvern, fl-iskejjel privati u fl-iskejjel tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li f-każijiet severi ta' bullying jeħtieġu ħidmiet mal-vittmi kif ukoll mal-bulijiet u f'ċerti każi, mal-familji u l-klassijiet tagħhom.
Ninsab infurmat ukoll li dawn il-każijiet jgħaddu għand l-istruttura ċentrali tas-servizzi kontra l-Ibbuljar (Anti-Bullying Services) sabiex jintervjenu s-servizzi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u, jekk ikun il-każ, anki ta' l-aġenziji speċjalizzati (bħal l-SWDP) sabiex tingħata terapija ħolistika. Jekk ikun hemm problemi psikologiċi jiddaħħal l-iSchool Psycholgist u, fejn ikun il-każ, anke aġenziji oħra bħaċ-Child Guidance Clinic tad-Diviżjoni tas-Saħħa.