Legislature:
Category:
Reset
Active:

Institute of Health Care — Diploma in Psychiatric Nursing

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti mill-Institute of Health Care f'diploma in Pyschiatric Nursing?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' studenti li ggradwaw mill-Institute of Health Care fid-Diploma in Psychiatric Nursing huwa:- Sena Numru ta' Gradwati 1994 24 1997 2 1998 3 1999 5 2000 7 2001 0 2002 5 2003 2

Karozzini li jġorru t-turisti — Liċenzjati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru 5073 jista l-Ministru ġentilment jgħid bejn l-1990 u l-2002 kemm kien hawn karozzini (li jġorru t-turisti) liċenzjati u mħallsa billi f'dan il-perjodu, skond it-tweġiba li ngħatajt fil-mistoqsija 5073 intqal li f'dan il-perjodu l-liċenzji kienu joħorġu mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata. Infurmat ukoll illi sakemm il-liċenzji tal-karozzini kienu jinħarġu mill-Pulizija kien hemm 92 karozzin reġistrat.

Bejjiegħa tal-gass

Question

B'referenza għall-mistoqsija tiegħi nru 5010 jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb din il-mistoqisja għaliex l-istess mistoqsija kienet diġa saret lill-Ministru għat-Teknologija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment (nru 4845) u kien l-istess Ministru li fit-tweġiba tiegħu qal li "il-ħażna taċ-ċilindri tal-gass u l-area fejn jitqassam il-gass huma kundizzjonijiet tal-Licenzji tad-Distribution tal-Gass li tinħareġ mill-Malta Resources Authority u mhux mill-Korporazzjoni Enemalta...."?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-preżent hemm ftehim, li ilu fis-seħħ għal ħafna snin, bejn iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta u kull distributur tal-gass, li jgħid f'Art. 3 (b):- " Id-distributur huwa pprojbit illi jaħżen ċilindri kemm jekk mimlija jew kemm jekk vojta, jekk mhux fl-impjant ta' Birżebbugia jew f'xi post ieħor approvat mill-Korporazzjoni u l-Awtoritajiet tal-Pulizija." Ma hemm l-ebda liċenzja ġdida li tirregola d-distributuri tal-gass jew bidla fil-kundizzjonijiet mill-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi. F'dak li għandu x'jaqsam għall-futur, ser joħorġu regolamenti li jirregolaw il-ġarr ta' merkanzija perikoluża fit-toroq, inkluż l-ipparkjar tat-trakkijiet. Dan ser isir permezz ta' Avviż Legali Nru. 211/2003 li ser jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2004 u huwa amministrat mill- Awtorita' tat-Trasport. Fejn jorqdu t-trakkijiet tal-gass ma għandu x'jaqsam xejn ma' xi distributur li jbiegħ gass barra mir-rotta tiegħu.

Mtaħleb — Mogħdija li tagħti għar-raba'

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi milqugħa t-talba tal-bdiewa li isimhom qed jintbagħat separatament, sabiex tiġi rranġata l-mogħdija tar-raba' fil-parti ta' l-Imtaħleb, Malta kif indikata fil-pjanta li wkoll qed tintbagħat separatament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ġiet mgħoddija lis-sezzjoni responsabbli mill-mogħdijiet tar-raba' sabiex jinkluduha mal-lista ta' tiswijiet ta' tali mogħdijiet tar-raba'.

Mixed Commission — Diskussjonijiet bejn Malta u l-Libja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-prioritajiet diskussi fil-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja f'dawn l-aħħar snin?

Response (DALLI, JOHN)

F'dawn l-aħħar snin, il-prioritajiet diskussi fil-laqgħat tal-Kummissjoni Mħallta bejn Malta u l-Libja kienu dawn: (a) Il-qasam tal-ġustizzja [Il-Ftehim tal-1994 dwar it-Trasferiment ta' Persuni b'Sentenza Definittiva mill-Qrati Kriminali u l-Ftehim ta' l-Estradizzjoni tas-sena 2002]; (b) Il-qasam fiskali [Il-Protokoll ta' l-1995 dwar il-Ħelsien mit-Taxxa Doppja]; (c) l-Industrija [Il-Ftehim tas-sena 2003 dwar l-Promozzjonu u l-Protezzjoni ta' l-Investiment]; (d) Turiżmu [Il-Ftehim ta l-1995 dwar Koperazzjoni fit-Turiżmu] (e) Il-biedja u s-sajd [Il-Protokoll ta' l-1997 dwar Koperazzjoni fil-Biedja u s-Sajd]; u (f) Affarijiet konsulari [il-Protokoll ta' l-2004 dwar l-Introduzzjoni tal-Visa].

Mixed Commission

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-prioritajiet tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja llum? Kif il-gvern se jipproponi l-funzjoni ta' din il-kummissjoni fid-dawl ta' Malta membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Il-prijorita' ewlenija tal-Kummissjoni Mħallta tibqa' dik li jitkattar il-ġid li jissarraf f'titjieb ta' għixien għall-poplu Malti u dak Libjan.

Israelian security fence

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija dwar is-security fence Iżraelit f'territorju Palestinjan li l-Gvern Malti bagħat aktar kmieni din is-sena lill-International Court of Justice?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija dwar is-security fence Iżraelit f'territorju Palestinjan li l-Gvern Malti bagħat fit-tletin (30) ta' Jannar 2004, lill-International Court of Justice.

Bord ta' l-Arbitraġġ — Kawżi pendenti

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern mis-sena 1987 sal-lum? Kemm minn dawk il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) għal deċiżjoni minn dik il-Qorti: (1) rigward dewmien fil-proċeduri amministrattivi u (2) rigward dewmien fi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien raġonevoli? Kemm hu maħsub li jammonta globalment: (a) dak il-kumpens u; (b) kemm jammontaw l-interessi fuq l-istess kieku dawk il-pendenzi kellhom jitħallsu llum? Meta hu maħsub li l-pendenzi li għandu l-gvern mal-privat jiġu riżolti u mħallsa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern, mis-sena 1987 sal-lum, hemm 269 kawżi pendenti; 11 (ħdax) minn dawn il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, għal deċiżjoni min dik il-Qorti, li kollha jirrigwardjaw dewmien fil-ħlas ta' kumpens xieraq. In oltre 4 (erbgħa) minn dawn il-ħdax jirrigwardjaw dewmien fil-proċedura amministrattiva; Il-kumpens kif inhu stmat mid-Dipartiment tal-Artijiet jammonta għal madwar Lm558,568. Imma ma nistax ngħid kemm jista' jkun il-kumpens u l-interessi meta il-Bord ta' l-Arbitraġġ jiddeċiedi l-kawżi. L-interessi fuq l-istess kumpens jammontaw għal madwar Lm100,975. Il-Gvern qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex il-ħlas għal artijiet li ġew akkwistati, jitħaffu.

Bridges

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk minbarra l-bridge ta’ Regional Road ġewx eżaminati bridges u pontijiet oħra f'Malta u Għawdex? Jekk iva, liema huma u meta ġew eżaminati u minn min?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat li minbarra l-bridge ta' Regional Road ġew spezzjonati wkoll 23 oħra li jinsabu fuq it-Ten-T network. Dawn ġew eżaminati minn bridge engineer tal-kumpannija Franċiża BCEOM li ħadet it-tender biex tagħmel l-istudji ta' feasibility and environmental impact assessment li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Pulizija — Stallazzjoni ta' speed cameras

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija għandhiex il-poter esklussiv li tistalla speed cameras fit-toroq f'Malta u Għawdex? Tista’ xi entita’ oħra, apparti l-Pulizija, tistalla speed cameras?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-użu ta' l-speed cameras huwa regolat bir-regolament 127 tar-Regolamenti ta' l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur.

Kunsill tal-UE — Reform partnerships

Question

Fuq livell prattiku, jista' il-Ministru jgħid kif ser jiġi implimentat it-tħaddim tar-Reform Partnerships li kien hemm qbil dwarhom fil-Kunsill riċenti tal-UE sabiex ikun hemm ħidma ikkordinata bejn is-sħab soċjali, is-soċjeta' ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi fl-implimentazzjoni ta' l-hekk imsejħa Lisbon Strategy? X'inhuma l-benchmarks u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-acceding countries u l-istati membri fl-UE se jiġu taħt l-iskrutinju intensifikat u l-hekk msejjaħ EU wide judgement għal record tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ta' Lisbona?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern Malti jaqbel ma' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għax din tista' twassal għal aktar Kompetittivita' fl-Ewropa u għalhekk isaħħaħ l-istrutturi u s-setturi ekonomiċi ta' pajjiżna. M'hemmx dubju li dak li hemm preżentat f'din l-istrateġija jista' jimmaterjaliżża jekk ikun hemm impenn sħiħ mill-oqsma kollha ekonomiċi u soċjali ta' pajjiżna. Il-gvern qiegħed jistudja l-aħjar mod kif din tista' isseħħ mingħajr ma jkun hemm duplikazzjoni ta' attivitajiet u iniżjattivi relatati. Hija l-intenzjoni tal-gvern illi jinvolvi għal dan l-iskop il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija l-Onor. Interpellant jifhem illi sabiex wieħed jasal biex jilħaq l-iskopijiet aħħarija tal-Istrateġija ta' Lisbona ikun importanti wkoll li l-pajjiż mhux biss iħaddan politika fl-ispirtu ta' din l-istrateġija imma wkoll li jqabel permezz ta' benchmarking ma' dak li qiegħed isir f'pajjiżi oħra. Il-gvern ser jibqa f'kuntatt ma' l-Kumissjoni Ewropeja biex jiġi assigurat illi dak li qed jaspira l-pajjiż jintlaħħaq.

OPM — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża ta' flus tal-fuel li ħallas il-Ministeru tiegħi u d-dekasteri li jaqgħu taħtu kienet kif ġej: Jannar - Marzu 2003 - LM 8,590.98 Jannar - Marzu 2004 - LM 7,027.98.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tikketti tas-sigaretti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li t-tikketti ta' sigaretti importati u dik ta' sigaretti manufatturati Malta se jkunu l-istess? Jekk iva, dan se jnaqqas mill-kontroll u jimmina trażżin ta' kuntrabandu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa kkonfermat li t-tikketti tas-sigaretti importati u dawk manifatturati Malta ser ikunu l-istess. Ma huwiex maħsub li dan se jnaqqas mill-kontroll u jimmina trażżin ta’ kuntrabandu. Dan minħabba l-fatt, li kif spjegat fil-Mistoqsija Parlamentari 5192, it-tikketti kollha ser ikunu innumerati individwalment. Bil-kontroll li ser ikun hemm fit-tqassim ta’ dawn it-tikketti l-ġodda għandha tiżdied l-effiċjenza fil-ġbir tad-dazju tas-sisa. Ta’ min jgħid li bit-tikketti l-ġodda ser issir qabża fil-kwalita milli hemm illum. It-tikketti bħalissa huma tal-karta u għaldaqstant huwa faċli ħafna li jiġu kkuppjati li jwassal għall-telf fl-introjtu tal-gvern. Fuq il-manifattura ta’ dawn it-tikketti ġew imposti ċerti obbligi speċjali li jissalvagwardaw l-interessi tad-Dwana. Għandu jingħad ukoll, li Malta ser tkun l-ewwwl pajjiż fid-dinja li ser ikollha dan it-tip ta’ tikketti li huma magħmulin b’teknoloġija avvanzata ħafna.

Stamperija Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 5062 u cioe' jista' jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar l-istamperija Interprint? Hemm xi ħsieb li din tiġi privatizzata u jekk iva, hemmx xi żviluppi f'dan ir-rigward?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għadu bil-ħsieb li jbiegħ il-kumpanija Interprint Ltd.

Design Resources — Periti

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25920 tal-15.05.01 li kienet ġiet imwieġba nhar it-30/05/01, jista’ il-Ministru jgħid min huma l-periti li joperaw id-ditta Design Resources?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi d-ditta Design Resources tikkomprendi l-periti: Robert Sant, Etienne Magri u Lino Cachia.

Għaqdiet sportivi — donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' fondi mogħtija lill-fc, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali li dawn l-aħħar sentejn ingħataw xi forma ta' donazzjoni finanzjarja. Tajjeb insemmi li numru sewwa ta' dawn l-għaqdiet ġew mogħtija fondi sabiex jippreparaw u jaġġornaw irwieħhom sew dwar l-Unjoni Ewropea kif approvat mill-Parlament.