Assistent personali tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin
Question
Jikkonferma l-Ministru li l-assistent personali tiegħu ġie maħtur konslu ġenerali għal Malta fil-Libja?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Konslu Ġenerali għal Malta fil-Libja huwa s-Sur Robert Aquilina, li beda l-inkarigu tiegħu fit-22 ta' April 2004. Is-Sur Aquilina għandu l-kwalitajiet u abbiltajiet meħtieġa sabiex imexxi fid-direzzjoni mixtieqa mill-Gvern din il-kariga impenjattiva, u għaldaqstant, mid-data indikata, l-impenji kontrattwali li kellu mal-Ministeru tiegħi ġew terminati sabiex ikun jista' jassumi r-responsabbilitajiet tiegħu ġewwa Tripli.
Budget rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsill nazzjonali għall-kultura u l-arti — Konkors kitba għal-palk
Question
Jista’ il-Ministru jgħid peress li fil-passat id-Dipartiment tal-Kultura kien jorganizza l-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer li b'xi mod jew ieħor kien jinkoraġixxi drammi ġodda Maltin, issa li dan id-Dipartiment ġie xolt biex minfloku twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti, jista’ jgħid jekk dan il-konkors għadux isir? Jekk le, huwa l-ħsieb tal-Kunsill li jorganizza xi ħaġa simili jew aħjar minn dan il-konkors? B’mod ġenerali, x'qiegħed jagħmel il-Kunsill biex jinkoraġixxi kitba ġdida għall-palk Malti, qasam li kif kulħadd jaf jinsab fi kriżi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti studja bir-reqqa kollha mistħoqqa l-andament tal-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer matul dawn l-aħħar snin. Il-Kunsill deherlu li wasal iż-żmien li jinstab mezz alternattiv biex jinkoraġixxi drammi ġodda Maltin. Għalhekk qed jiġi mniehdi festival ta' drammi ġodda qosra bil-Malti fost kumpaniji eżistenti tad-drammi. Dan il-festival ser jifforma parti mill-Festival ta' l-Arti li ser jinżamm matul is-sajf li ġej. Barra min hekk, il-Kunsill qed jipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika lil xogħol ta' drama bil-Malti fil-programm Cultural Support.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Persuni magħżula għal seminar "European summer school" fi Franza
Question
Jista’ il-Ministru jinvestiga u għaliex fl-interviews li saru ftit ilu fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex jintgħażlu żewġ persuni għal seminar imsejjaħ European Summer School fil-belt ta' Sèvres fi Franza (dettalji dwar il-bord ta’ l-għażla qed jintbagħtu separatament), waħda mill-magħżulin hi ħafna inqas kwalifikata minn kandidati oħrajn li ma ntgħażlux u huwa fatt magħruf li hija ħabiba kbira ta’ persuna oħra li kienet membru tal-bord ta' l-għażla?
Jista’ il-Ministru jara wkoll kif l-istess persuna f'bord ieħor xi żmien ilu li kien ippresedut mill-istess persuna li isimha qed jintbagħat separatament, intgħażlet bħala subject co-ordinator tal-Franċiż u qed titħalla tieħu kważi kollox hi fejn jidħol il-Franċiż minkejja li l-kwalifiki tagħha huma anqas minn ta’ persuni oħra?
Ma jidhirlux il-Ministru li dawn l-affarijiet m’humiex aċċettabbli u m’humiex ġusti fil-konfront ta’ persuni oħra li għandhom aktar kwalifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ż-żewġ persuni li intgħażlu huma t-tnejn kwalifikati sew skond il-kriterji stabbiliti.
Infurmat ukoll li waqt l-interview l-erba' membri tal-Bord ta' l-għażla aġġixxew b'mod professjonali fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-persuna li ġiet nominata minn naħa Franċiża, aġixxiet ma' kulħadd b'mod imparzjali u professjonali. Is-subject coordinator tal-Franċiż ma ngħatat xejn speċjalment min naħa tad-Diviżjoni f'dawn l-aħħar snin.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ sejħiet għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għall-perjodu bejn l-ewwel ta’ Jannar 2003 sa l-aħħar ta’ Frar 2004? Għal kull tender, jista’ jindika d-data tal-ħruġ ta’ l-offerti u dik ta’ l-għeluq? Jista’ jgħid ukoll min rebaħ it-tender u l-prezz ta’ l-offerta magħżula għal kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. membru li hi suġġett ta' verifika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika li qed tħejji rapport fuq l-operat tal-FTS.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Financial Statements – Year Ending 31 December 2003 taż-żewġ fondazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jiġifieri l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-dokumenti mitluba ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fill-futur qarib.
Malta professional & vocational awards council — Membri
Question
Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Malta Professional and Vocational Awards Council? X’ħidma jwettaq dan il-Kunsill? Kif ġew jew jiġu minfuqa l-Lm15,000 li hemm ivvutati għal din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-problema sabiex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk? X’inhu jżomm milli dan ix-xogħol jinbeda u jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
L-applikazzjoni ta' żvilupp għal bini ta' sala ġdida fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk għadha pendenti. Għaldaqstant ix-xogħol ma jistax jinbeda qabel ma jinħarġu l-permessi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4395 riferuta lilu u cioe' kemm l-MPO s'issa pproċessa talbiet għall-postijiet ta' impjiegi għall-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO? Fejn intbagħtu jaħdmu? Min huma dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-eżerċizzju ta’ “secondment” għall-persuni li qabel kienu jaħdmu ma’ l-MDC, IPSE jew METCO għadu għaddej.
In-numru ta’ persuni sekondati sas-6 ta’ April 2004 huwa ta’ tmienja li ntbagħtu jaħdmu kif ġej:
a. Ministry of Finance & Economic Affairs 3
b. Ministry of Education – Archives 1
c. MCAST (“on probation”) 2
d. Law Courts (“on probation”) 1
e. Heritage Malta 1
Bħalissa jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw fuq Part 2 għax min issensjahom ddikjara li telqu volontarjament mix-xogħol meta dan mhuwiex minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Fuq it-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad hemm 174 persuni li skond il-formola tat-tmiem l-impjieg dawn telqu minn jeddhom mix-xogħol. Il-Korporazzjoni m'għandiex informazzjoni kemm minn dawn fil-fatt ma kienux telqu imma ġew itterminati minħabba raġuni oħra.
Ministeru għal-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Spejjeż fuq fuel
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Spejjeż fuq fuel
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-Ministeru fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2004 kienet ta' Lm743.54, waqt li għall-istess perjodu tas-sena 2003, il-Ministeru nefaq Lm890,00.
Minħabba li l-Ministeri u d-dekasteri fl-aħħar sena tbiddlu, qegħdin jingħataw iċ-ċifri ta' l-infieq ta' fuel mill-awtorita' dwar it-trasport għall-perjodi indikati. Fil-fatt, fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2003, l-ADT nefqet Lm4,323.66 fi fuel, filwaqt li fl-istess perjodu f'din is-sena, l-ADT nefqet Lm4,460.20.
Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta' Soċjali — Spejjeż fuq fuel
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtha fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4777, jista' il-Ministru jinformani jekk it-talba kenitx għal madwar 1,000 tunnellata importata minn New Zealand, kif inhuma l-marġini storiċi ta' l-importazzjoni ta' dawn l-aħħar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-kwota taċ-ċanga toħroġ mill-Beef Manangement Committee ta’ l-Unjoni Ewropea wara applikazzjonijiet minn operaturi lokali, u mgħoddija lill-istess kumitat ta’ l-Unjoni Ewropea biex dan ta’ l-aħħar jalloka kwota lill-importaturi. Dawn il-kwoti jinħarġu normalment skond importazzjoni storika.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4779, peress li l-proprjeta' ġiet akkwistata fis-snin 1980, 1981 u 1982 f'Għar Barka, r-Rabat, jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani għaliex matul dawn is-snin qatt ma nstabu l-fondi li qed jissemmew fir-risposta? Jista' jgħid meta se jinstabu dawn il-fondi?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Membru jrid japprezza li hemm ħafna kuntratti ta' ħlas ta' esproprju ta' art li ġiet akkwistata qabel it-tmeninijiet. Madankollu, id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jikkonsidra u jara jekk il-kuntratti ta' ħlas tad-disa' plots li ġew akkwistati f'Għar Barka jistawx isiru aktar tard din is-sena. Dan jiddependi minn kemm hi s-somma u minn kemm id-Dipartiment tal-Artijiet jkun fadallu fondi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi f'dawn l-aħħar sentejn ma sponsorjax xogħolijiet għall-clubs, għaqdiet u soċjetajiet sportivi u kulturali.