Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Tfal li għaddew mill-eżamijiet tal-junior lyceum

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta tfal li għaddew mill-eżamijiet tal-junior lyceum f'dawn l-aħħar ħames snin: a) f'Bormla, fil-Birgu, l-Isla u l-Kalkara; b) Ħal Lija, Ħ'Attard u Ħal Balzan; c) Mqabba, Ħal Kirkop, il-Qrendi u Ħal Safi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li f'Ħal Balzan m'hemmx skola Primarja u t-tfal jattendu fiż-żewġ skejjel l-oħra speċjalment f'ta' Ħal Lija.

Universita' — Studenti mill-Kottonera

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti: l-Universita'; il-junior college; il-higher secondary; u l-MCAST mill-Kottonera, (Kalkara inkluża), f'dawn l-aħħar tliet snin, lokal b'lokal?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Kottonera — Għalliema li ngħataw transfer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm heads, teachers u facilitators ingħataw transfer u telqu mill-iskejjel tal-Kottonera f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Continental shelf delimitation — Diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet Taljani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġie diskuss ma' l-awtoritajiet Taljani dwar il-continental shelf delimitation aktar kmieni din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet li rrefera għalihom jikkonċernaw il-qsim tal-Blata Kontinentali.

Karozzini liċenzjati

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi 5072, 5073 u 5123, jista' il-Ministru ġentilment jispjega kif minn 92 karozzin liċenzjat sas-sena 2002, dawn żdiedu għal 114? Ladarba mhux suppost qed jinħarġu permessi ġodda, kif jispjega din iż-żieda fin-numru ta' karozzini liċenzjati, liema żieda jidher li saret kemm ilha li r-responsabbilta' tal-liċenzji u permessi tal-karozzini għaddiet f'idejn l-awtorita' tat-trasport?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat li fis-6 ta' Frar 2003, wara li r-responsabbilta' għall-ħruġ tal-liċenzji għadda mingħand il-pulizija għal għand l-awtorita' tat-trasport, il-pulizija għaddiet lista ta' 92 karozzin li kellhom liċenzja valida. Il-maġġoranza tas-sidien ta' dawn il-karozzini kienu ilhom ma jġeddu l-liċenzja għal diversi snin, f'xi każi aktar minn sitt snin. L-awtorita' mill-ewwel ħadet passi biex tibgħat għal dawn is-siden biex iħallsu l-arretrati u jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Waqt li kien għaddej dan il-proċess xi sidien li kellhom liċenzja valida tal-pulizija li kienet ilha ma titħallas u ma kienux inklużi fil-lista oriġinali, avviċinaw lill-awtorita' bil-għan li jġeddu l-liċenzja. Filwaqt li bdew jitħallsu l-arretrati, l-awtorita' tat l-opportunita' lil kull min kellu liċenzja ta' karozzin maħruġa mill-pulizija u mhijiex imġedda sa l-aħħar tal-2002 biex iħallsu l-arretrati u jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Iż-żmien biex isir dan l-eżerċizzju kien sa l-aħħar ta' Diċembru 2003 meta kellhom jinħarġu l-pjanċi l-ġodda. Wara li tlesta dan l-eżerċizzju, in-numru ta' liċenzji validi tela' għal 114. dawn jinkludu 2 karozzelli u 3 karozzini li ma jarmawx fuq il-venda, iżda jintużaw għat-tiġrijiet biss.

Enemalta — Ħsara ta' arloġġ tad-dawl f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għar-rigward tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, wara li kienu huma stess li rrapportaw li l-arloġġ tad-dawl kien bil-ħsara, u wara li minn kont totali ta' Lm700 dan tniżżel għal Lm371.49, u wara li l-aħħar kont kien ta' Lm25, il-korporazzjoni Enemalta xorta qegħda tesiġi l-ħlas ta' Lm371.49 meta dan xorta huwa wieħed għoli meta mqabbel mal-kont aħħari li hu ta' Lm25? Jista' jara li din il-familja ma tkunx imġegħla tħallas flejjes li ma jkunux verament dovuti għal servizz li qatt ma għamlu użu minnu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li saru diversi testijiet fuq l-arloġġ tad-dawl tal-inkwilin imsemmi u nstab li kien qed jaħdem bil-mod. Kien hemm wkoll kontijiet maħruġa fuq stima zbaljata li saret mill-inkwilin u oħra li saret mill-Enemalta. Saru aġġustamenti necessarji. Barra minn hekk huwa irrakomandat li l-konsumatur imur l-Enemalta biex jiddiskuti l-kas tiegħu dwar l-bilanc dovut.

Qrati — Traskrizzjonijiet ta' xhieda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'inhuma r-raġunijiet għalfejn it-traskrizzjonijiet tax-xhieda fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhumiex qegħdin isiru b'detriment għall-partijiet u l-andament tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-traskrizzjoni tax-xhieda fil-kawża li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament qegħda fil-proċess. Erronjament id-data ta' fuq it-tali traskrizzjoni qegħda indikata bħala s-7 ta' Novembru 2004 minflok is-7 ta' Novembru 2003.

Vetturi li jġorru l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-vetturi li jġorru l-iskart humiex se jiġu liċenzjati għal din l-attivita' mill-waste serv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-WasteServ Malta Ltd ma hijiex se tilliċenzja il-vetturi peress li qed toffri is-servizzi ta' Operatur u mhux ta Regolatur.

Waste serv — Radam fil-landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus dovut lil waste serv għar-radam fil-landfill minn meta din l-aġenzija ħadet ir-responsabbilta' għal din il-funzjoni sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li kien dovut lil WasteServ għar-radam fil-landfill bejn Mejju tat-2003 sa Marzu tat-2004, kien ta' Lm557,447.41.

Toroq — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għat-toroq imsemmija hawn taħt, jista' il-Ministru jgħid f'kull każ separatament: i) meta nbeda x-xogħol? ii) kemm sar xogħol s'issa u x'inhu l-valur tiegħu? iii) meta hu previst li jitlesta x-xogħol kollu? It-toroq huma: il-bypass ta' l-Imtarfa; it-triq ta' Burmarrad sar-roundabout tal-Qlejgħa; it-triq tas-Salina sa l-Iklin; il-Mosta ring road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Dan il-proġett hu maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi li tkopri l-parti magħrufa South Bound (li tagħti mir-Rabat lejn Ta' Qali) tlestiet fl-aħħar tas-sena 2000. L-ispiża għal dan ix-xogħol kienet Lm100,948. It-tieni fażi tkopri l-parti magħrufa bħala North Bound (li tagħti mir-roundabout ta' l-Imtarfa lejn ir-Rabat. Sa llum tlesta xogħol li l-ispiża tiegħu tammonta għal Lm410,000. Din il-fażi tinkludi xogħlijiet ta' bankini, parapetti u asfaltar. Dan ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa madwar Lm100,000. It-tielet fażi tkopri bini ta' retaining walls, tqegħid ta' servizzi u kisi bl-asfalt tan-North Bound carriageway mill-pont tal-ferrovija sa Ta' Tabja. Dan ix-xogħol huwa stmat li se jiswa Lm500,000 u jkun jista' jinbeda wara li jitlesta x-xogħol li qiegħed isir bħalissa fuq it-tieni fażi. Burmarrad - Mosta Tarġa Gap Dan il-proġett inbeda f'Jannar 2001 u tlesta f'April 2003. Il-valur tax-xogħol laħaq is-somma ta' Lm1,467,311. Salina - Iklin Il-proġett inbeda f'Jannar 2001 u hu maħsub li jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju 2004. S'issa huwa stmat li tlesta 90% tax-xogħol li l-valur tiegħu huwa Lm2,003,729. Mosta ring road Il-proġett inbeda f'Jannar 2001. Hu stmat li x-xogħol hu 80% komplut. Dan ix-xogħol hu stmat Lm936,000 u hu maħsub li l-proġett jitlesta f'Settembru 2004.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Minsitru jgħid liema toroq se jsiru permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea? Hemm bżonn ta xi permess tal-MEPA għal dawn it-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq li se jsiru permezz tal-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jaqgħu fi tlett kategoriji: Fl-ewwel kategorija hemm dawn finanzjati mill-istructural funds li se jkunu: 1. Triq Ħal Far, B'Bugia, it-tielet fażi li tkopri l-parti mil-Laboratorju tal-Paċi sal-Freeport (3km). 2. Triq il-Marfa, Mellieħa m iċ-Ċirkewwa sat-triq tal-Mistra (4.2 km). Teżisti l-possibbilta' li dan ix-xogħol ma jsirx biex il-fondi jintużaw għax-xogħol tal-pontijiet ta' Triq Reġjonali. Fit-tieni kategorija hemm dawk finanzjati mill-cohesion funds li se jkunu: 1. Dawret San Pawl, San Pawl il-Baħar (2.7 km) 2. Vjal l-Avjazzjoni, Luqa (0.6 km) 3. Triq l-Imġarr, Għajnsielem, Għawdex (1.8 km) Fit-tielet kategorija hemm mill-finanzjament mill-istructural regional funds għal Għawdex li se tkun it-triq li mir-Rabat twassal għal San Lawrenz. Dawn il-proġetti jridu jkunu regolarizzati mill-permessi tal-MEPA.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-roroq li se jsiru permezz tal-fondi mill-protokoll Taljan? Għal dawn it-toroq hemm bżonn xi permessi mill-MEPA?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq li se jsiru b'finanzjament mill-ħames protokol dwar assistenza ekonomika, teknika u finanzjarja bejn il-Gvern Malti ta' l-Italja huma kif ġej: 1. Tarġa Gap, Mosta sar-roundabout tal-Qlejja, Mosta. 2. Roundabout Qlejja, Mosta saċ-ċimiterju Militari, Rabat. 3. Ċimiterju Militari sar-roundabout tas-Saqqajja, Rabat. 4. It-Triq tas-Saqqajja, minn Ħ'Attard sar-Rabat. 5. Triq Mdina, Qormi/Żebbuġ mix-showroom tal-KIA sar-roundabout tas-Saqqajja. 6. Triq is-Siġġiewi, Żebbuġ/Siġġiewi. 7. Triq Ħal Qormi/Ħal Luqa; Triq Ħal Luqa/Qormi; mill-Għammieri sa Vjal il-Kunsill ta' l-Ewropa. Applikazjonijiet li saru għand il-MEPA diġa' ġew approvati mill-board u l-awtorita' qed tistenna li jinħarġu l-permessi.

Bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari preċedenti rigward il-bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ permezz tal-fondi mill-protokoll Taljan, jista' il-Ministru jgħid: i) meta l-Gvern Taljan ħareġ sejħa għall-expression of interest għall-kumpanniji Taljani interessati f'dan ix-xogħol? ii) kemm-il kumpannija rrispondiet għal din is-sejħa? iii) liema kienu l-kumpanniji li wrew interess?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li saret sejħa għal 'expression of interest' permezz ta' l-Ambaxxata Taljana, fit-3 ta' Marzu, 2004. Din is-sejħa għalqet fit-22 ta' Marzu, 2004, id-data meta lista ta' 15-il kumpanija ġiet iffinaliżżata. Ma sar l-ebda proċess ta' 'shortlisting ' u l-kumpaniji kollha ser jingħataw iċ-ċans li jitfgħu offerta.

MOBC — Chief executive officer

Question

B'riferenza għal rapport li deher taħt ir-ras ta' Maltese cross fil-ħarġa ta' April, 2004 tal-BUNKERSPOT - INDEPENDENT INTELLIGENCE FOR THE GLOBAL BUNKER INDUSTRY , jista' il-Ministru jitlob ċaħda jew konferma mill-persuna indikata, billi fir-rapport jingħad li: '' Frank Sammut, MOBC's CEO will soon leave the company to become an independent consultant and it is widely suspected that he will be closely associated with recently formed private company ISLAND BUNKER OILS LTD. Some in the industry are concerned that this could mean that ISLAND BUNKER OILS might inherit some or all of MOBC's supply business and be treated more favourably than its competitors in terms of obtaining storage capacity at the terminal. This prospect has been greeted angrily by some of the smaller players in Malta, who claim that such an arrangement would be hugely disappointing. ISLAND BUNKER OILS has an exclusive brokerage arrangement with Palm Shipping Agency Ltd which is seen by some as potentially harmful to their own business?'' Jista' il-Ministru jikkonferma dak li deher aktar kmieni fl-istess artiklu fejn is-CEO tal-MOBC ġie kkwotat li qal li one of the reasons cited by for MOBC's withdrawal as a physical supplier, is the high cost associated with time-chartered barges which recently has rendered the MOBC supply operation no longer viable? Jekk dan kollu mhuwiex minnu, x'qed iżomm lic-CEO tal-MOBC milli jieħu passi legali kontra dan il-ġurnal influwenti fil-qasam tal-bunkering?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għad-domandi supplimentari li għamilli hu l-ġimgħa l-oħra.

Cabinet sub-committee — Laqgħat

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret tal-Cabinet sub-committee? Meta saru dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’waħda mill-aħħar laqgħat tiegħu, il-Kabinett il-ġdid approva dokument li jipprovdi għat-twaqqif ta’ erba’ Kumitati tal-Kabinett u li se jkunu responsabbli rispettivament għall-Kompetittività, Politika Soċjali, Ambjent u Proġetti Nazzjonali. L-ewwel laqgħat ta’ dawn il-Kumitati tal-Kabinett mistennija jsiru fi żmien qasir.