Jista’ il-Ministru jgħid jekk f’din l-aħħar sena ġewx impjegati fil-ministeru aktar persuni? Jekk iva, min huma u xi ħlas u x’benefiċċju għandhom? Jista’ jgħid ukoll x’kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-segretarjat tal-Ministeru ma ġewx ingaġġati persuni ħlief kif stabbilit fid-Dokument ta' l-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar dan is-suġġett.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-politika tad-diviżjoni /tal-ministeru dwar ismijiet li jingħataw lill-iskejjel ta’ l-istat? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw ismijiet lill-iskejjel f’din l-aħħar sena u liema kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa is-suġġerimenti dwar l-isem ta' skola jingħata lill-Ministru għall-konsiderazzjoni tiegħu. Ma jidhirlix li f'din l-aħħar sena ġew deċiżi xi ismijiet ta' xi skejjel statali.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk saritx stima ta’ tinda li qed tintalab mill-kindergarten taż-Żejtun? Jekk iva, jista' jgħid kemm hi din l-istima? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jsir dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li għadha ma saret l-ebda stima għal tinda għal kindergarten taż-Żejtun. Għadu prematur biex ngħid meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol peress li għadha ma saritx applikazzjoni lill-MEPA f'dan ir-rigward.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4911 u cioe' jista' il-Ministru jikkonsidra li l-ħitan li jinbnew taħt it-triq isiru bis-sistema tal-gabjun li ntużat fiċ-Chadwick Lakes ħalli jsir inqas impatt fuq l-ekoloġija u s-sistema idioloġika ta' l-inħawi li jikkawża l-konkos u l-ġebel tal-franka? Jista' jinformani bil-progress tal-proposta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Din it-triq imsemmija se tinbena mill-ġdid u d-direttorat tat-toroq qed iħejji l-pjanti meħtieġa għal dan il-proġett u qed jikkonsidra din il-proposta.
Jista' il-Minsitru jinvestiga għaliex fl-inħawi tan-Nawfraġju fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, qed jitneħħew il-parapetti/spazju li għal 30 jew 40 sena ilhom jintużaw kemm għall-benefiċċji tar-residenti li għandhom il-vilel/boat houses fl-inħawi kif ukoll il-pubbliku in ġenerali u l-persuni li għandhom l-opri tal-baħar?
Billi s-sitwazzjoni qed tikkawża inkonvenjent kbir lill-partijiet imsemmija, jista' id-dipartiment jara li kollox jibqa' kif inhu? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet avviż ta' twettiq kontra sid l-art ECF264/04. F' dan l-avviż s-sid kien mgħarraf li hemm diversi strutturi fosthom tal-ħadid, ġebel u platforms tal-konkos li saru abbużivament tul is-snin. Wara li s-sid ma appellax mill-avviż inkwestjoni, l-Awtorita’ bdiet tneħħi l-istrutturi illegali minħabba li ħafna minnhom kienu ta’ ostakolu lill-aċċess liberu tal-pubbliku għall-bajja. L-Awtorita' qedgħa fl-istadju li tagħti lura l-aċċess lill-pubbliku in ġenerali billi neħħiet dawk l-istrutturi, u ser tifforma livell li ma jostakolawx l-aċċess ħieles għall-pubbliku. Is-sit ma jistax jinġieb għall-istat oriġinali minħabba li l-ħsara li saret tul is-snin lill-wiċċ naturali tal-blat hija irreparabbli.
Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li f' dawn l-aħħar sentejn ebda xogħlijiet ma ġew sponsorjati għall-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien informat li ma ngħataw l-ebda sponsorships finanzjarji kif ġie deskritt fid-domanda.
Tista' il-Ministru tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tagħha jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tagħha ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Universita' — Akkademja mediterranja għal studji diplomatiċi
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5106 u cioe' jista' jgħid:
1. X'kienu l-għanijiet li għalihom twaqqfet, flimkien mal-Gvern ta' l-Isvizzera, l-Akkademja Mediterranja għal Studji Diplomatiċi fi ħdan l-Universita’ ta' Malta?
2. Min hu l-Ministru Svizzeru responsabbli għas-sehem Svizzeru f'din l-Akkademja?
3. X'riżultati kisbet sal-lum din l-akkademja u x'inhuma s-suġġetti li tgħallem u f’liema livelli?
4. Mil-liema pajjiżi jiġu l-istudenti ta' l-akkademja u kemm-il suġġett kellha s'issa l-akkademja u kemm iħallsu fis-sena?
5. Jista' ijpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim bejn il-Gvern Malti u dak Svizzeru li permezz tiegħu twaqqfet din l-akkademja?
6. X'se jkun il-futur ta' din l-akkademja meta Malta tissieħeb bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea?
7. Jista' jgħid jekk huwiex mistenni li jkun hemm intoppi fil-kontinwazzjoni ta' din il-joint venture bejn Malta u l-Isvizzera peress li Malta se tkun membru fl-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera se tkun barra l-Unjoni?
8. Jista' jgħid x'inhi l-qagħda finanzjarja ta' din l-akkademja, kemm jitħallsu l-għalliema tagħha u kif jintgħażlu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu maqtugħ il-meter ta' l-ilma u tad-dawl tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għaliex qed ikompli jogħla l-kont ta' l-ilma u tad-dawl meta dan l-istess konsumatur m'għandux ilma u dawl? Meta ġie maqtugħ il-meter, kemm kien il-kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-provista tad-dawl ta' l-inkwilin imsemmi, inqatgħet fit-30 ta' Ġunju 2000 u l-bilanċ dak in-nhar kien ta' Lm 232.93.
Il-provista ta' l-ilma ta' l-istess inkwilin nqatgħet fit-18 ta' Settembru 2002 u l-bilanċ dak in-nhar kien ta' Lm373.10.
Minkejja li l-provista ta' l-elettriku kienet maqtugħa, ħarġu xi stimi ta' konsum. Dawn se jiġu aġġustati għall-kirjiet ta' l-arloġġ biss. B'din ir-reviżjoni, wara li tiġi approvata mill-Enemalta, l-kont se jitnaqqas bl-ammont ta' Lm 255.39.
Għaldaqstant il-bilanċ dovut għandu jkun ta' Lm370.43.
Ta' min iżid li l-aħħar pagamnet li sar fuq dan il-kont kien fit-3 ta' Diċembru 1998.
Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lid-dipartiment tas-sigurta' soċjali biex jgħarraf lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hi marida biex tagħti lura lid-dipartiment is-somma ta' Lm7,670.24?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Bdil ta' fondi
Question
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-file H18535 u H 18536 biex ibiddlu l-fond ta' akkomodazzjoni tal-gvern quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ ġie finalizzat fil-21 ta' April 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ma jitħallas il-kont tad-dawl tal-parti komuni tal-Binja tal-gvern f'Bormla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Lil min qed jiġi mibgħut il-kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mir-records tal-WSC jidher li hemm tlett kontijiet li jippartienu lill-parti komuni tal-Binja tal-gvern f'Bormla.Dawn il-kontijiet qed jintbagħtu lil-Lands Department . L-aħħar pagament sar fil-21 t'Awwissu 2003.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Każ dwar fond
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Requisition Orders kienu jinħarġu mill-Housing Secretary tad-Dipartiment tad-Djar, illum magħruf bħala d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
MEPA — Applikazzjonijiet għal żvilupp ta' siti sportivi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5208 rigward applikazzjonijiet għal żvilupp ta' siti sportivi quddiem il-MEPA, nitlob lill-Ministru biex jagħti d-dettalji li jirriżultawlu.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f’ dawn l-aħħar 3 snin ma jidhirx li kien hemm applikazzjonijiet li ġew sottomessi minn clubs sportivi għall-iżvilupp tas-siti sportivi tagħhom.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5207 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li applikaw biex jidħlu f'xi home għal dawn il-persuni minn Jannar 2004 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mill-bidu ta' din is-sena sat-28 ta' April l-Aġenzija Sapport irċeviet 24 talba għal servizz residenzjali għal persuni b'diżabilita'.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali f'St. Vincent de Paule li dwarhom hemm talba mill-pazjenti għall-air condition?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-amministrazzjoni tieħu ħsieb li fejn ikun hemm bżonn, waqt li jkun qed isir refurbishment tas-sala tiġi nstallata sistema ta' air-conditioning.
Madankollu din is-sena d-Dipartiment beda proċeduri biex jiġu nstallati sistemi ġodda ta' air-conditionig fi swali fejn hemm bżonn anke jekk mhux previst li jsir refurbishment għalissa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2004 sal-lum fid-dipartimenti kollha tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ “transfers” li saru mill-1 ta’ Jannar, 2004 sas-27 ta’ April, 2004 bejn Ministeru u ieħor u li ġew approvati mill-“Management and Personnel Office” huwa 241. Minn dan in-numru, 185 “transfer” kienu ta’ impjegati tas-sezzjoni tal-“Parks and Landscapes” li mxiet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u 11 oħra huma mpjegati residenti Għawdex li minn Malta ngħataw xogħol Għawdex li qabel kien isir Malta.
Kien hemm ukoll tliet “transfers” oħra li ġew approvati bejn dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
“Transfers” li jsiru bejn dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra, jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti rispettiv u l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.