Dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart — Radam ta' skart fil-landrills
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li d-dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart kellu jdaħħal mit-tariffi għar-radam ta' l-iskart fil-landfills kif ukoll fl-impjant tal-kompostaġġ minn meta ġew introdotti dawn it-tariffi kull sena separatament? Kemm fil-fatt ġabar flus kull sena d-dipartiment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dawn il-flus sal-lum għadhom jinġabru mid-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Malta kienet rappreżentata fil-konferenzi kontra l-anti-semitiżmu li nżammet mill-OSCE f'Berlin? Jekk iva, minn min kienet rappreżentata? Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-diskors tar-rappreżentant Malti, jekk kien hemm?
Response (DALLI, JOHN)
Ir-Rappreżentant Permanenti għall-OSCE, l-Ambaxxatur Walter Balzan, irrappreżenta lil Malta fil-konferenza kontra l-anti-semitiżmu li nżammet mill-OSCE f'Berlin bejn it-28 u d-29 ta' April 2004.
Il-Presidenza Irlandiża ta' l-Unjoni Ewropea għamlet stqarrijiet f'isem il-15 il-Membru ta' l-Unjoni u f'isem il-10 pajjiżi li se jissieħbu fl-1 ta' Mejju 2004, kemm fis-sessjonijiet plenarji li nżammu fil-ftuħ u fl-egħluq kif ukoll matul is-sessjonijiet ta' xogħol (working sessions) tal-konferenza.
Malta allinejat ruħha ma' dawn l-istqarrijiet.
Kummissjoni għolja ta' Malta f'Londra — Locally engaged personnel
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu s-salarji tal-locally engaged personnel (LEPs) fil-kummissjoni għolja ta' Malta f'Londra kif ukoll x'kien ix-xogħol ta' dawn l-LEPs sa l-aħħar ta' Marzu 2004?
Jista' jindika min huma dawk l-LEPs li jagħmlu xogħol l-oħrajn f'każ li wħud minnhom ikunu morda jew fuq vaganza, jekk kienx hemm xi talba għal żieda fl-allowances ta' xi LEP, min kienu dawn u għaliex saret din it-talba, jekk sarux talbiet minn xi LEPs għalll-flexitime u min kienu l-LEPs li għamlu din it-talba?
Jista' il-Ministru jagħti dettalji sħaħ ta' dawk l-LEPs li ngħataw time off in lieu mis-sena 2001 sa l-aħħar ta' Marzu 2004, għal liema raġuni ngħataw dan it-time off in lieu u min awtorizza dan it-time off in lieu?
Jista' jgħid jekk ingħatawx xi allowances fiskali lil xi LEPs partikolari over and above dak stipulat fil-kuntratt tagħhom għal xogħol li sar waqt jew wara l-ħin tax-xogħol fil-kummissjoni għolja kif ukoll barra l-kummissjoni għolja f'Londra?
Response (DALLI, JOHN)
Hija prerogattiva tal-Kummissarju Għoli li jiddelega x-xogħol dejjem skond l-esiġenza tas-servizz.
Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar il-passi li qed jittieħdu biex jiġu rranġati l-ħsarat strutturali li ġarrab il-moll fix-Xatt ta' l-Isla?
Jista' jagħti indikazzjoni meta se jibda dan ix-xogħol u meta beħsiebu jitlesta issa li ġej is-sajf, u dan meta dan il-post huwa l-uniku post ta' sfog għaċ-ċittadini tal-Kottonera?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima m'għadhiex responsabbli minn dan il-moll minħabba li dan kien ġie mneħħi minn "żona portwali" li taqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-istess Awtorita'. Dan seħħ bis-saħħa tal-ftehim iffirmat mal-Port Cottonera Group nhar it-2 ta' Ġunju 1999 u skond Avviż Legali 141 ta' l-1998.
Għaldaqstant l-Awtorita' Marittima m'hiex f'pożizzjoni li tieħu passi sabiex jiġi msewwi dan il-moll.
Il-Kunsill Lokali ta' l-Isla diġa ġie nfurmat b'dan f'ittra datata 21 ta' Marzu 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma t-tliet kandidati li ġew nominati mill-Gvern Malti biex jiġu kkonsidrati għall-post ta' l-avukat G. Bonello bħala imħallef fl-EHCR la jtemm il-ħatra tiegħu fi tmiem Ottubru ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
It-tliet kandidati proposti huma:
L-Imħallef Dr Giovanni Bonello
L-Imħallef Dr Joseph D. Camilleri
L-Imħallef Joseph A. Filletti
Huwa minnu li fil-ġimgħat li ġejjin se jitnaqqas il-complement ta' ħaddiema mad-Dwana minħabba t-tibdil fis-sistema tad-dwana b'konsegwenza tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s’issa ma hemm l-ebda complement stabbilit dwar in-numru ta’ ħaddiema f’kull grad fid-Dipartiment tad-Dwana.
Taħdidiet f’dan ir-rigward qed isiru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġi aċċertat li l-baħar u l-bajjiet ikunu nodfa għal dan is-sajf issa li qed javviċina dan l-istaġun?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tat-Tindif tax-Xtut introduċiet sistema sabiex it-tindif tal-bajjiet jibqa' għaddej anke fix-xitwa. Mis-sena l-oħra, kemm-il ħaddiema kif ukoll l-inġenji li jintużaw għal dan ix-xogħol baqgħu għaddejjin ineħħu l-alka fix-xitwa wkoll, minflok li din tibda titneħħa f'Mejju kif kienet il-proċedura qabel.
Ninforma lill-Onor interpellant illi minn Jannar 2004 sal-lum tneħħew 404 vjaġġ alka u materjal ieħor min-naħa t'isfel ta' Malta u 1,156 vjaġġ min-naħa ta' fuq. Barra dan, il-bajjiet baqgħu jitnaddfu kuljum minn karti, plastic u materjal ieħor li jinġabar minn fuq ir-ramliet.
F'Ġunju li ġej, din it-Taqsima tibda tagħmel użu minn sand sifters sabiex ir-ramliet l-aktar frekwentati jiġu mnaddfa aħjar b'dawn l-inġenji.
Apparti ix-xogħol ta' tindif, din is-Sezzjoni tieħu ħsieb li taħdem u twaħħal slielem madwar Malta sabiex tiffaċilita aċċess għall-baħar u tipprovdi wkoll madwar 800 bin li jintużaw fuq ix-xtut u l-bajjiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk Aġent li llum jopera mill-groupage complex ta' Ħal Far, bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ikunx jista' jopera barra l-kumpless ta' Ħal Far meta l-merkanzija li jirċievi tkun oriġinat minn pajjiż/i membru/i ta' l-istess Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, xi proċedura iridu jużaw dawn l-aġenti meta jirċievu merkanzija minn pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minħabba mmaneġjar tat-traffiku fil-pajjiż, il-pulizija ħarġet ordni li l-groupage containers, bla ebda distinzjoni ta’ l-oriġini ta’ l-oġġetti, għandhom jinħattu fil-kumpless ta’ Ħal-Far kif qiegħed isir fil-preżent.
Għal dawk l-oġġetti ta’ oriġini ta’ l-Unjoni Ewropea ma tintalabx dikjarazzjoni tad-Dwana.
Għal dawk l-oġġetti ta’ oriġini minn pajjiżi li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea l-proċedura eżistenti mhix se tinbidel, jiġifieri trid issir dikjarazzjoni tad-Dwana.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ċittadin minn xi pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea jiġi hawn Malta bi trakk mgħobbi b'merkanzija għal diversi riċevituri Maltin, isibx diffikulta' li jqassam ix-xogħol lill-klijenti Maltin? X'se tkun il-proċedura tad-dwana għal dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jġibu dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa fejn jikkonċerna d-Dwana, ċittadin minn pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jgħaddi mill-entry points tad-Dwana sakemm il-merkanzija tkun tiegħu u t-trakk ikun tiegħu. Ladarba jkun ġej minn pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fid-dħul tat-trakk mill-entry points tad-Dwana, dan iċ-ċittadin ma jkollux bżonn jagħmel il-formalitajiet tad-Dwana, imma jrid jimla l-formola ta’ “informazzjoni supplimentari” (formola ta’ l-istatistika) u jħalliha lid-Dwana fl-entry point. Biex timtela’ din il-formola ċittadin tali jkollu bżonn jirreġistra mad-Dipartiment tal-VAT f’Malta bħala riċevitur tal-merkanzija. Dwar jekk jistax iqassam ix-xogħol lill-klijenti, tajjeb li jittieħed il-parir tad-Diviżjoni tal-Kummerċ minħabba l-ħtieġa ta’ traders licence.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara meta se jerġgħu jitpoġġew il-lines sofor li kienu quddiem il-bibien bejn numru 10 u numru 11 fi Triq Kent, Sliema meta dawn kien ilhom snin twal minn meta saru l-bay parking?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsill Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Skejjel — Bdil ta' suġġetti għal dħul fil-Junior Lyceum
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx diskussjonijiet interni dwar il-possibbilta` li jinbidlu s-suġġetti li huma meħtieġa sabiex student jidħol fil-Junior Lyceum? Jekk iva, jista’ jagħti xi dettalji jew inkella meta huwa maħsub li jitlesta xi rapport f’dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma qed isiru l-ebda diskussjonijiet dwar tibdil ta' suġġetti meħtieġa sabiex student jidħol fil-Junior Lyceum.
Jista’ il-Ministru jgħid kif jintnefqu l-flus li hemm ivvutati għal din is-sena li jaqgħu taħt l-iSpecial Education Programme u li jammontaw għal Lm216,000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li hemm ivvutati għal Special Education Programme għal din is-sena normalment jintefqu f'erba' pagamenti lil Eden Foundation skond il-ftehim li hemm bejn il-Gvern u din il-Fondazzjoni.
Implementation of National Minimum Curriculum — Fondi vvotati
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kif qed, jew kif inhu maħsub li, jintnefqu l-flus taħt il-vot Implementation of National Minimum Curriculum li hemm ivvutati għal din is-sena u li jammontaw għal Lm150,000?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta mar jirreġistra qalulu li ma jistax jirreġistra u lanqas mhu intitolat għal xi benefiċċji soċjali tal-qgħad?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-persuna msemmija qatt ma ġiet imwaqqfa mill-Korporazzjoni milli tirreġistra. Fil-fatt il-persuna msemmija waqfet tirreġistra fit-3 ta' Novembru 2003. Il-Korporazzjoni mhux inkarigata mill-benefiċċji soċjali.
Skejjel — Għalliema li qed tagħmel xogħol klerikali
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-għalliema li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ngħatat xogħol klerikali fl-iskola li isimha wkoll qed jintbagħat separatament? Tista' tintbagħat f'xi skola oħra fejn tkun tista' tgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-persuna konċernata ma għaddietx mill-interviewmeta applikat biex terġa tidħol tgħallem it-Taljan fl-iskejjel statali.
Ġejt informat wkoll li hija iżda intagħżlet biex tgħallem suġġett ieħor. Bħalissa, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari ta' din il-persuna, id-Diviżjoni ħasset li kellha temporanjament tagħtiha xogħol alternativ għal raġunijiet umani.
Mosta — Triq il-Fortizza - Stabbilimenti li jenħtieġu servizz tad-drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li s-servizz nazzjonali tad-drenaġġ jingħata lill-istabbilimenti kummerċjali li joperaw fi Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza, fil-Mosta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħalissa qed tinbena il-pumping station li hi neċessarja biex l-istabilimenti msemmija jkollhom serviżż tad-drenaġġ. Din hi ppjanata li tibda topera sa l-aħħar ta' Mejja 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex ineħħu l-periklu kbir li hemm bl-ispeċi ta' barriera fonda li tħaffret fi Triq il-Ġdida, fi Triq il-Fortizza u paralella ma' Triq in-Naġġar, fil-Mosta li fiha jistgħu jaqgħu persuni u vetturi li jgħaddu mill-inħawi, meta dan jista' jiġi evitat jekk is-sid itella' ħajt għoli madwar is-sit kif suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet stħarriġ u rintraċċat sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Huwa ġie mwissi sabiex jibni lqugħ mad-dawra ta` din l-art.
Mellieħa — Passi kontra persuni li jikkampjaw fl-Aħrax
Question
Peress li hemm ħafna li qed imorru jikkampjaw fl-Aħrax tal-Mellieħa u jivvandalizzaw is-siġar u jħallu ħafna ħmieġ, tista' il-pulizija tieħu l-passi meħtieġa kontra dawn il-persuni li jikkampjaw hemmhekk? X'permessi qed jitolbu biex jikkampjaw fl-inħawi? Għandhom dritt jibqgħu kkampjati wara li jidlam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern din is-sena ma ħarġet l-ebda permess sabiex isir ikkampjar fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fil-post imsemmi sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm ksur ta` liġi, u fil-każ li jkun hemm, jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' id-dipartiment tal-kunsilli lokali jara li għallinqas il-kunsill lokali tal-Mosta jindenja jwieġeb għat-talba ta' dawk li joperaw fl-inħawi ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza fil-Mosta li għandhom bżonn isem għat-triq tagħhom biex ikunu jistgħu jindikaw sew fejn huma għal dawk li jkunu jridu jaħdmu għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Mosta sejjer jibgħat il-proposti tiegħu dwar isem ġdid għal triq ġdida fi Triq il-Fortizza skond kif stipulat fir-Regolamenti ta` l-1995 dwar Tismija ta` Toroq.