Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva
Question
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'tama hemm li tiġi pprovduta akkomodazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ qed ikun ikkunsidrat mid-Dipartiment konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru biex tissolva l-problema ta' ilma jew drenaġġ dieħel ġewwa l-fond imsemmi li għandha l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li tissolva għal darba u għal dejjem din il-problema?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għal mistoqsijiet Parlamentari 3072 u 4155.
Jiena nfurmat li testijiet li saru sussegwentement mill-Ispettur Sanitarju ikkonfermaw li l-ilma msemmi mhux ġej mis-sistema tad-drenaġġ.
Għaldaqstant ladarba l-ilma li dwaru hemm ilment mhux ġej la mis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma u anqas mis-sistema tad-drenaġġ, ma jidhirx li dan il-Ministeru hu f'pozizzjoni li jwieġeb għall-aħħar parti tal-mistoqsija.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet milquta mil-liġi possession of use
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk il-postijiet li huma milquta mil-liġi possession of use ħarġux għall-bejgħ fl-aħħar sitt xhur? Jekk fl-afffermattiv, kemm saru kuntratti?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta' postijiet li jinsabu fuq proprjeta' li ġiet akkwistata bit-titolu ta' possession and use jista' jsir biss meta t-titolu jinfeda skond l-Amenda tal-Kapitolu 88 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta' Proprjeta' għall-Skopijiet Pubbliċi li ġiet fis-seħħ f'Marzu 2003.
Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed fil-proċess li jifdi numru ta' possession and use, dejjem skond ir-riżorsi li għandu a dispożizzjoni tiegħu.
Ministeru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali — Child care workers
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm għandhom l-aġenziji, l-awtoritajiet, eċċ., li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, impjegati bħala child care workers? X'inhuma l-kwalifiki biex wieħed jidħol bħala child care worker? Mill-2004 kemm ġew impjegati child care workers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li hemm 28 child care worker impjegati ma' l-Aġgenzija Appoġġ, li minnhom 2 ġew impjegati din is-sena.
Il-kwalifiċi meħtieġa huma li jridu jkunu jafu jesprimu ruhom tajjeb bil-Malti u bl-Ingliż, sew fil-fomm kif ukoll bil-kitba. Tingħata wkoll konsiderazzjoni u piż għal esperjenza jew taħriġ rilevanti għax-xogħol tagħhom
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjoni ta' fond f'Bormla
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir spezzjoni mill-housing inspectors tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali fil-fond f'Bormla indikat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant saret fid-9 ta' Novembru 2000.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5209 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tagħrif fuq sponsorships mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu kif ukoll fuq għajnuna in kind mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti lil entitajiet skond kif mitlub mill-Onor interpellant. Tajjeb ukoll li wieħed jagħmel referenza għall-informazzjoni li qgħedt fuq il-mejda tal-kamra għar-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 5325. Din kienet tinkludi donazzjonijiet finanzjarji diretti lil clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5232 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn l-Awtorità tax-Xandir sponsorjat żewġ kategoriji tal-Malta Journalism Awards lil Institute of Maltese Journalists (qabel magħrufa bħala The Malta Press Club).
Fis-sena 2003 l-sponsorship kien jammonta għal Lm1,725 waqt li għal 2004 l- sponsorship jammonta għal Lm1,770.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi jinsab fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsilli lokali — Ftuħ ta' day centres għall-anzjani
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kunsilli li għamlu talba għall-ftuħ ta' day centres għall-anzjani fis-sena 2004?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' ma rċieva l-ebda talba għall-ftuħ ta' Day Centre għall-anzjani fis-sena 2004.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani tal-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq id-dar ta' l-Anzjani tal-Mellieħa għadu ma nbediex peress li għadhom għaddejja diskussjonijiet mal-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jingħataw flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat, dar dar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Huma żewġ operaturi li fil-preżent qed joffru dan is-servizz.
L-ammont li jitħallsu fix-xahar jistgħu jvarjaw skond in-numru ta' sodod okkupati.
Ninsab infurmat li f'Marzu ta, din is-sena Care Services ( operatur ta' Casa Serena) tħallas Lm6,347 u Care Malta (operatur ta' Villa Messina u Casa Arkati) tħallas Lm13,080.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għandu applikazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex dan ikun jista' jieħu self ta' flus biex ikun jista' jixtri l-fond li qed jintuża bħala l-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill u li bħalissa qiegħed b'kera. Din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 5240 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5239 u cioe'jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tat l-ebda donazzjoni finanzjarja jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali matul dawn l-aħħar sentejn.
Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5238 u cioe' tista' tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tagħha?
Tista' tgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5236 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ministru jew segretarju parlamentari li baqa' jipprattika il-professjoni jew ix-xogħol tiegħu sal-lum, anke wara li ngħata l-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma mistennija li jimxu mal-Kodiċi ta’ Etika li tapplika għalihom. Sezzjoni 45 ta’ din il-Kodiċi tirreferi għas-suġġett li qed iqajjem l-Onorevoli Interpellant u tgħid hekk:
“Ministru (jew Segretarju Parlamentari) li qabel il-ħatra tiegħu jkun jaħdem għal rasu, jeżerċita professjoni jew ikun fin-negozju kemm jekk personalment, u kemm jekk permezz ta’ forma legali oħra, kemm jekk waħdu, u kemm jekk le, m’huwiex obbligat jiddisponi mill-interess jew sehem tiegħu iżda jrid jagħmel immedjatament l-arranġamenti neċessarji sabiex jassigura li:
- jinqata’ mit-tmexxija u management ta’ l-uffiċċju, sengħa jew negozju;
- jagħmel arranġamenti biex ikun jista’ jitħallas ta’ xogħol li jkun għamel jew profitti dovuti lilu;
- ma jibqax jieħu sehem mill-ħlas jew profitti ta’ xogħol li jsir wara li jkun ġie maħtur Ministru, għajr għal somma fissa kull sena kkunsidrata bħala dħul fuq l-investiment li jkun għamel fl-avvjament.”
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ngħataw struzzjoni biex jottemporaw ma’ dak imsemmi hawn fuq.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-full development permits għall-bini ta' l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex u fil-Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li s'issa l-MEPA ħarġet permess 'outline' għall-Impjant t'Għawdex li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. L-'outline permit' għall-proġett tal-Mellieħa misteni jkun approvat fi żmien sitt ġimgħat oħra.
Għadhom ma saru l-ebda applikazzjonijiet għal 'full permit' lill-MEPA fuq il-proġetti msemmijja. Dawn ser isiru mill-Water Services Corporation wara li jingħataw it-tenders u qabel jibdew ix-xogħolijiet attwali.
Din il-procedura qed tkun addottata għax il-kuntratti huma tat-tip 'Design and Build' u għalhekk huwa kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex wieħed iforni lill-Mepa b'disinn iddettaljat.