Legislature:
Category:
Reset
Active:

Institute of Health Care — Honours degree in nursing

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi problemi u diffikultajiet inħolqu għall-istudenti li qed jagħmlu honours degree in nursing ma’ l-Institute of Health Care u li jinsabu fl-aħħar sena? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għall-problemi li nħolqu fejn tidħol id-dissertation fejn ir-regolamenti nbidlu darbtejn? Kif se jolqot l-impjieg futur tagħhom jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba li kien hemm xi dewmien min-naħa tal-Bord ta' l-Etika, u dewmien ieħor li kien kawża diretta ta' l-introduzzjoni tal-liġi l-ġdida dwar id-Data Protection, kien hemm xi problemi dwar il-ħruġ ta' l-approvazzjoni għall-istudji li kienu qed jiġu proposti mill-istudenti. Dawn il-problemi ġew risolti u l-istudenti kienu nfurmati b'dawn l-iżviluppi. Ma kienx hemm l-ebda tibdil fir-regolamenti kif preskritti. Informat ukoll li l-Universita' hija responsabbli mill-lat akkademiku. Ma jirriżultax li din il-kwestjoni ser ikollha xi rifless fuq il-kwestjoni ta' l-impjieg.

Mdina — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f’restawr u xogħlijiet simili fl-Imdina mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti u/jew kunsilli jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-1999 sal-lum? Jista’ jgħid x’kienet in-natura tax-xogħol, fejn saret u kemm intnefqu flus għal kull wieħed?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:- Sena Natura tax-xogħ ol Nefqa 1999 Nil Nil 2000 Nil Nil 2001 Restawrazzjoni tal-bibien prinċipali ta' barra tal-Palazz Vilhena, Mdina Lm3,970.00ċ 2001 Restawrazzjoni tal- Vilhena Bronze Medallion fl-entratura prinċipali tal-Palazz Vilhena, Mdina Lm4,877.50ċ 2001 Restawrazzjoni ta' ġewwa tat- Torre dello Standardo , Mdina Lm4,134.50ċ 2001 - 2003 Studju ġeoloġiku u strutturali - Palazz Vilhena u Swar Lm127,682.30ċ 2002 Konservazzjoni tal-ġebel tat- Triumphal Ensemble fil-faċċata tal-Palazz Vilhena Lm10,945.00ċ 2002 Xogħol ta' tisbiħu titjib tal- forecourt tal-Palazz Vilhena, Mdina Lm124,050.00ċ 2003 Rfid ta' strutturi perikolużi fil-Palazz Vilhena Lm15,808.00ċ 2003 Restawr tal-Bieb tal-Griegi Lm10,000.00ċ (b'kollaborazzjoni mal-MTA)

Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO? Kemm ilha mwaqqfa din il-kummissjoni u x’ħidma wettqet fis-sentejn ta’ qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avviż Legali dwar it-tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Avviż Legali dwar it-tipjip ġiex irtirat kollu milli jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ April 2004 jew inkella partijiet minnu? X’wassal biex sar hekk? Ma jaħsibx li dan se jolqot numru kbir ta’ persuni li ma jpejpux u li se jkollhom ikomplu jsofru dan minħabba pressjoni li saret mal-gvern? Meta hu maħsub li dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ u x’tibdil se jkun hemm fihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Avviż Legali dwar it-tipjip f'postijiet Pubbliċi ma ġiex rtirat. Id-data tad-dħul fis-seħħ hija 5 ta' April, 2004. Hemm emenda għal dan l-Avviż Legali illi hija ntiża unikament sabiex tagħti opportunita lis-sidien kkonċernati sabiex jottemporaw ruħom mal-provedimenti ta' dan l-Avviż Legali. L-emenda hija ntiża wkoll li tistabilixxi perjodu ċar u limitat sabiex is-sidien jilħqu dak mistenni minnhom.

Skola Mikiel Anġ Refalo — Student li qed jitlob għajnuna speċjali biex jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jwieġeb iċ-chairman tal-MATSEC board lill-iskola Mikiel Anġ Refalo ta' Victoria Għawdex dwar it-talba ta' l-aġent kap li ilha li saret mid-29 ta' Marzu 2004 biex l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, jingħata l-għajnuna speċjali li għandu bżonn biex jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li t-talba ta' l-iskola Mikiel Anġ Refalo ta' Victoria, Għawdex waslet fl-uffiċju tal-Matsec fil-bidu ta' April 2004, iktar minn erba' xhur tard wara d-data tal-għeluq għal talbiet simili, li kienet il-25 ta' Novembru 2003. Din it-talba biex l-istudent jingħata xi konċessjoni minħabba li l-kitba tiegħu ma tantx tingħaraf xorta waħda tressqet lill-Kumitat Għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Matsec ingħata tweġiba fl-20 ta' April 2004. Din it-tweġiba issa twasslet lill-istudent.

UE — Applikazzjonijiet għal fondi strutturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se jinħadmu l-applikazzjonijiet għal fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea? Peress li ġewwa l-pajjiżi kollha l-oħra - membri u kandidati - il-prinċipju mħaddan huwa li m'hemm l-ebda restrizzjoni biex korpi governattivi, privati u volontarji japplikaw għal dawn il-fondi, jista' jispjega fid-dettall kif individwi, aġenziji, dipartimenti u l-oqsma kummerċjali u non-governattivi kif ukoll l-imsieħba soċjali se jkunu jistgħu japplikaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fondi strutturali ħarġu kollha minbarra xi sub-miżuri taħt miżura 3.3. L-applikazzjonijiet kienu miftuħa għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, dawk volontarji u oqsma oħra non-governattivi li jinkludu l-imsieħba soċjali. Il-proċeduri ta’ l-applikazzjonijiet kienu spjegati fid-dettal f’linji ta’ gwida li ħarġet il-Managing Authority għal dawk kollha li kienu eliġibbli li japplikaw. Dawn il-linji ta’ gwida kif ukoll il-mili ta’ l-applikazzjoni nnifisha ġew spjegati f’sessjonijiet ta’ informazzjoni (information sessions) li saru kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għall-oqsma non-governattivi.

UE — Politika ta' koeżjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega fid-dettall il-politika ta' koeżjoni (cohesion policy) li se tiggwida l-fondi ta' koeżjoni u strutturali mogħtija lil Malta? Saret xi forma ta' konsultazzjoni bħalma sar u qed isir kemm fil-pajjiżi membri u dawk li se jidħlu fl-Unjoni fl-2004? Fil-każ, x'tip ta' konsultazzjoni saret u ma' min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Politika ta’ koeżjoni li ser tigwida l-fondi strutturali 2004-2006 u l-fond ta’ koeżjoni 2004-2006 hija spjegata fid-dettal fir-regolamenti kollha taħt kapitlu 21 ta’ l-Acquis Communitaire u ġiet tradotta fil-konkret fil-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni (Single Programming Document) ta’ Malta 2004-2006. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar hu spjegat fl-istess document. Dan id-dokument jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt. Barra minn hekk il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-programm, li qed isegwi mill-qrib l-implementazzjoni tal-programm, hu kompost mis-settur pubbliku kif ukoll minn rappreżentanti tas-settur non-governattiv, inkluż għaqdiet u msieħba soċjali. L-abbozz tad-dokument dwar il-politika ta’ koeżjoni għal wara s-sena 2007 qed jiġi diskuss bħalissa fl-istrutturi u l-kumitati ta’ l-Unjoni Ewropea kollha wara l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Applikazzjonijiet ta' l-INTERREG

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min se jkun jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-: INTERREG, LEADER + URBAN II u EQUAL? Kif se jiġi garantit il-proċess trasparenti ta' l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Inizjattivi Komunitarji Malta, bħad-disa’ pajjiżi membri ġodda l-oħra, qed tibbenefika minn tnejn minn dawn l-Inizjattivi Komunitarji, li huma l-Interreg III u EQUAL. L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III hija maqsuma fi tlett tipi ta’ kooperazzjoni: Kooperazzjoni bejn il-fruntieri , kooperazzjoni transnazzjonali, u kooperazzjoni interreġjonali. Fil-każ ta’ Malta, il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri ser issir bejn Malta u l-Italja (Sqallija). Taħt il-kooperazzjoni transnazzjonali, Malta qiegħda tipparteċipa f’żewġ Programmi: Medocc u Archimed. Taħt il-kooperazzjoni interreġjonali, Malta hija membru taż-żona tan-Nofsinhar. Il-programmi msemmija hawn fuq kollha għandhom struttura separata li tikkoordina l-proċess ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn jikkonsistu f’Awtorità ta’ Ġestjoni, Awtorità tal-Pagament, u Joint Technical Secretariat għal kull programm, kif ukoll Kumitat ta’ Programmazzjoni u Kumitat ta’ Sorveljanza. L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jippubblikaw is-sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-websites tagħhom. Il-Joint Technical Secretariat tagħmel l-evalwazzjoni preliminarja ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Dawn imbagħad jiġu diskussi u evalwati wieħed wieħed f’kumitat flimkien mal-koordinaturi nazzjonali. Bir-rappreżentazzjoni tal-koordinaturi nazzjonali fil-kumitati, l-pajjiżi kollha (inkluża Malta) jissorveljaw u jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi. Il-proċess trasparenti huwa garantit ukoll billi sejħa għall-applikazzjonijiet hija pubblika. L-Inizjattiva Komunitarja EQUAL Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-Programm EQUAL ser tiġi pproċċessata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali bħala waħda mill-funzjonijiet li ġew iddelegati lilu mill-Awtorità ta’ Ġestjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali għandu joħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Wara li tagħlaq din is-sejħa, l-istess Ministeru għandu jevalwa l-proġetti, jinnumerhom skond l-importanza u jgħaddihom lill-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-approvazzjoni.

UE — Fondi strutturali

Question

Jista' il-gvern jagħti dettalji ċari kif se juża l-fondi strutturali u dawk ta' koeżjoni? Min jiddeċiedi fejn u kif se jintnefqu l-fondi? Għaliex il-gvern ma ħalaqx mekkaniżmu parlamentari kif qed jużaw l-Ungerija, l-Estonia, il-Latvia u Ċipru biex jikkordinaw dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawn id-dettalji jinsabu fil-Programme Complement li jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt u li ġie approvat mill-Kumitat ta’ Sorveljanza (li l-Gvern ħoloq apposta) fit-23 ta’ Jannar 2004 u amendat mill-istess kumitat fil-21 ta’ April 2004. Dan id-dokument jinkludi wkoll il-kriterji li fuqhom ser issir l-għażla tal-proġetti taħt kull miżura. Is-selezzjoni tal-proġetti ssir minn kumitat apposta u l-approvazzjoni finali tal-proġetti issir mill-kabinett tal-Ministri. Il-proċess ta’ koordinament tal-fondi mhux preskritt mir-Regolamenti Ewropej, għalkemm irid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti min-negozjati dwar il-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni ( Single Programming Document ). Kull Stat Membru joħloq is-sistema ta’ koordinament tiegħu skond il-liġijiet ta’ pajjiżu.

Proġetti ta' priorita' nazzjonali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru li f'Malta huwa l-gvern li ddeċieda fejn u kif se jintnefqu l-fondi strutturali u ta' koeżjoni biex jgħattu d-deficit tal-gvern fi proġetti ta' priorita' nazzjonali? Jista' jagħti rendikont ċar fejn se jmorru dawn il-flus u jikkonferma li l-komunita' kummerċjali u dik non-governattiva s'issa tħalliet barra minn din l-area biex il-gvern juża l-flus kollha hu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Fondi Strutturali ta’ kull pajjiż jintefqu skond programm strateġiku li jħejji l-Gvern u li fuqu jrid jintlaħaq qbil mal-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel abbozz ta’ dan il-Programm intbagħat lill-Kummissjoni f’Mejju 2003 wara li kien ukoll diskuss fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. L-istess programm kien ukoll miftuħ għall-kummenti mill-pubbliku permezz ta’ website u pubbliċità li saret fil-paviljun tal-Gvern fil-fiera nazzjonali ta’ Malta f’Lulju tas-sena l-oħra fejn tqassmu kopji tad-dokument u fuljetti ta’ informazzjoni. Dan id-dokument kif ukoll il-Programme Complement jinsabu fuq il-website ppcd.gov.mt. Fost il-prijoritajiet hemm ukoll diversi miżuri u azzjoni fejn il-komunità non-governattiva (kummerċjali, agrikola, dik tas-sajd u organizzazzjonijiet oħra) se tkun il-benefiċjarja prinċipali. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant hu mistieden jaġġorna ruħu mal-fatti qabel jagħmel dikjarazzjonijiet żbaljati u partiġjani kif għamel fil-mistoqsija tiegħu.

Bormla — Każ dwar inkwilin ta' post

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lid-dipartiment biex l-inkwilin tal-post f'Bormla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi mitlub jikkonsenja ċ-ċwievet lura lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant intalbet tirritorna ċ-ċwievet tal-post indikat għax ma għandiex dritt toqgħod f'dan il-post li daħlet fih bla ebda dritt wara l-mewt ta' l-inkwilina preċedenti.

Permessi tal-ħwienet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li permessi tal-ħwienet fil-lokalita' ta' Bormla jħallsu daqs 1iċenzji f'lokalitajiet u toroq aktar kummerċjali bħal The Strand, Gżira, Msida Sea Front, Valley Road, Birkirkara eċċ.? Jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirriduċi dan il-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Isla — Triq San Filippu - bini ta' appartamenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk l-appartamenti li għadhom kif inbnew fit-Triq San Filippu, l-Isla tqassmux? Jekk fl-affermattiv, x'sistema ntużat biex dawn tqassmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta' bini ndikat mill-Onor. Interpellant għadu ma tlestiex għal kollox u għalhekk dawn l-appartamenti għadhom ma ġewx mgħoddija lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati skond il-lista ta' dan id-Dipartiment.

Appartamenti tal-gvern — Ħlas ta' kontijiet tad-dawl fil-parti komuni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilta' biex jitħallas il-kont tad-dawl fil-parti komuni ta' appartamenti tal-gvern? Jekk huwa ta' l-inkwlini, jista' jgħid x'jiġri jekk wieħed mill-inkwlini jirrifjuta li jħallas?

Response (BORG, TONIO)

Sa llum il-prassi dejjem kienet li l-ħlas tal-kont tad-dawl fil-parti komuni tal-appartamenti proprjeta' tal-gvern li huma amministrati mill-Kummissarju ta' l-Artijiet isir mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Rigward dawk l-appartamenti li ġew mikrija mill-Aworita' tad-Djar, l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Uffiċċju Konġunt — Postijiet bil-kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema lokalitajiet jinsabu r-residenzi mikrija mill-uffiċċju konġunt lill-inkwlini? Kemm hu d-dħul tal-kera flimkien fis-sena? Kemm hu l-ogħla kera? Kemm hu l-orħos kera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra 1,789 postijiet mikrija bħala residenzi fil-lokalitajiet elenkati hawn taħt: Attard Lija Safi Baħar iċ-Ċagħaq Luqa San Ġiljan Balzan Marsa San Pawl il-Baħar Birgu Mdina Santa Venera Birkirkara Mellieħa Senglea Blata l-Bajda, Ħamrun Mosta Siġġiewi Bormla Mqabba Sliema Dingli Msida Tarxien Floriana Nadur, Għawdex Valletta Għargħur Naxxar Żabbar Għasri, Għawdex Pieta' Żebbuġ, Malta Għaxaq Qala, Għawdex Żejtun Gudja Qormi Żurrieq Ħamrun Qrendi Kalkara Rabat, Malta Kirkop Rabat, Għawdex Infurmat ukoll li s-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata li teżisti fl-istess uffiċċju bħalissa tipprovdi n-numru ta' kirjiet residenzjali f'kull lokalita', imma ma tipprovdix l-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Uffiċċju Konġunt — Post fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet fuq każ ta' anzjana li tgħix f'post ta' l-uffiċċju konġunt f'periklu kontinwu li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament? Jista' jintervjeni personalment sabiex jitneħħa l-periklu u l-anzjana tista' terġa' tmur tgħix f'darha?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li s-saqaf tal-fond in kwistjoni inbena mingħajr il-permessi meħtieġa u kontra r-regolamenti sanitarji. Għal dawn ir-raġunijiet id-Dipartiment responsabbli minn dawn it-tiswijiet jiġifieri l-Housing, Construction and Maintenance Department fil-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura, ma jistax jibdel saqaf li jaf li huwa illegali.

Servizz ta' inkontinenza

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti għal servizz ta' inkontinenza mill-ewwel tas-sena 2004 u minn liema lokalita' huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet pendenti għas-servizz ta' l-inkontinenza hemm biss dawk li daħlu matul ix-xahar t'April. Dawn huma kif ġej: Lokalita Kwantita Attard 1 Għaxaq 1 Marsa 1 Żabbar 1 Żurrieq 1

SVPR — Manutenzjoni tas-swali

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali f'St. Vincent de Paule li talbu li ssirilhom maintenance tas-sala u x'kienet ir-risposta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maintenance fir-Residenza ta' San Vinċenz issir fuq bażi regolari. Prijorita tingħata lil dawk it-talbiet li jkunu meqjusa urġenti.