Produtturi tal-majjal u taċ-ċanga Għawdxin — Laqgħat
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta saru laqgħat mal-produtturi tal-majjal u ċanga Għawdxin sabiex ġie deċiż li tagħlaq il-biċċerija tal-gvern?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-produtturi ġew infurmati dwar is-sospensjoni tal-qatla fil-Biċċerija f'Għawdex fit-28 u d-29 ta' April 2004, u saret ukoll laqgħa ma' rappreżentanti tar-raħħala fit-30 ta' April 2004.
Tista' il-Ministru tgħid x'ġara mill-qatla li ssoltu kienet issir fil-Biċċerija ta' Għawdex u fejn qed issir il-qatla llum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-qatla li ssoltu kienet issir fil-Biċċerija ta' Għawdex ġiet sospiża temporanjament u saru arranġamenti biex din il-qatla ssir fil-biċċerija f'Malta.
Ħ'Attard — Riħa ta' drenaġġ quddiem l-isptar Monte Carmeli
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4776 li tittrattta dwar riħa ta' drenaġġ fit-toroq ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli, jista' il-Ministru jinvestiga minn xiex qed jistadd regolarment il-main in kwestjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul April 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul April 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-mistoqsija parlamentari huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab informat illi matul April 2004 kien hemm 195 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.
Inġibditli l-attenzjoni, illi bi żvista t-tagħrif li jien ġejt mogħti għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 5051 dwar in-numru ta' rapporti ta' arson ġie kkwotat bħala 156, meta fil-fatt ried ikun 15.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul April 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul April 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi matul April 2004 il-każi ta' serq li ġew irrappurtati lill-pulizija kienu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-pulizija solviet 47 każ ta' serq.
B'riferenza għall-avviż legali 205/2004 u senjetement għall-klawsola 5(3), billi d-dipendenti ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jkunu mpjegati f'Malta - anke jekk dawn id-dipendenti huma ċittadini ta' pajjiż terz - għandhom id-dritt li jinħarġilhom permess għal residenza kif ukoll id-dritt li jibdew attivita' bħala impjegati f'Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-konfront ta' dawn id-dipendenti jinħarġilhomx work permit awtomatikament bħal fil-każ ta' ċittadin ta' l-Unjoni jew inkella japplikaw ir-restrizzjonijiet għal ħruġ ta' work permit li għadhom fis-seħħ għal ċittadini ta' pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk il-work permit joħroġx awtomatikament jew bir-restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ fil-konfront ta' dipendenti li huma ċittadini ta' pajjiż terz fiċ-ċirkostanzi kontemplati fil-klawsola 7(1)(b) u klawsola 8(4) ta' l-istess avviż legali 205/2004?
Response (BORG, TONIO)
Id-dipendenti ta' Ċittadini ta' l-Unjoni, anke jekk huma Ċittadini ta' Pajjiż Terz, li huma msemmija fir-regolamenti 5(3), 7(1)(b) u 8(4) ta' l-Avviż Legali 205/2004 - Regolamenti ta' l-2004 dwar l-Immigrazzjoni, jekk japplikaw għal liċenzja ta' l-impjieg (work permit), din il-liċenzja tinħarġilhom ukoll awtomatikament.
Dan japplika biss sakemm ma tkunx ħarġet xi Ordni taħt ir-regolament 5(7), din l-Ordni tkun tapplika kemm fil-każ ta' Ċittadini ta' l-Unjoni kif ukoll fil-każ tad-dipendenti tagħhom, fejn ikun ġie indikat li l-għoti ta' liċenzja fis-settur jew l-okkupazzjoni partikolari li għaliha saret l-applikazzjoni joħloq jew jista' joħloq tfixkil fis-suq tax-xogħol.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, daħlet fl-ingaġġ tal-Malta maritime authority mingħajr il-kwalifiki rikjesti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 5252 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ?
Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5243 u cioe' tista' tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tagħha?
Tista' tgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 5243 f'din l-istess seduta.
Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5250 u cioe' tista' tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tagħha jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tagħha ?
Tista' tgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5250.
Minħabba l-istat li tinsab fih Triq Dun Frans Camilleri, f'Sta. Venera, jista' il-Ministru jindaga għaliex għadha ma ngħatatx it-tarmac?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi Triq Dun Frans Camilleri qegħda nkuluża mal-lista ta' toroq li jridu jiġu asfaltati u x-xogħlijiet isiru aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet tax-xogħol li għandha quddiemha l-awtorita' dwar it-trasport.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament: a) hux impjegat tal-Maltacom; b) jekk fl-affermattiv, hux eżenti milli jilbes l-uniformi; c) jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li hu jkun il-ġurnata kollha jservi ġewwa bottegin; d) jekk fl-affermattiv u jirriżulta li dan ma jattendix għax-xogħol, x'inhi r-raġuni li jibbenefika għall-allowances u l-benefiċċji kollha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q. 1130.
Tal-Ħofra l/o Siġġiewi — Rimi ta' ilma minn bdiewa u raħħala
Question
Jista' il-Minsitru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni illi għalkemm diversi proprjetarji ta' raba fil-kontrada Tal-Ħofra limiti tas-Siġġiewi fil-viċinanza tal-farms li kellu l-gvern ġewwa San Niklaw, għamlu diversi rapporti sew lill-agrikoltura, lis-Sanita' u anke lill-pulizija dwar il-fatt illi xi bdiewa/raħħala qegħdin jarmu l-ilma wara l-ħasil tal-btieħi (konsistenti f'eskriment u awrina ta' annimali) fit-toroq/passaġġ u għelieqi tal-madwar b'konsegwenza li ġew kontaminati l-bjar, eċċ., u ma ttieħdu l-ebda passi? Jista' jordna li jittieħdu passi u dan l-aġir jieqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Biedja ġie nfurmat dwar dan il-każ fi Frar tat-2002 u ttieħdu passi minnufih billi ġew avviċinati l-individwi konċernati. Meta kien jidher li ma kienx ser ikun hemm żviluppi, fit-3 t'April 2002, l-każ ġie rreferut lid-Dipartiment tas-Sanita’ u lill-Pollution Control Co-ordinating Unit, fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jieħdu l-passi meħtieġa bil-liġi. Il-każ qed ikompli jkun investigat.
Qed jittieħdu passi legali mid-Dipartiment tas-Sanita’, u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija anke lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tas-salarji li rċevew matul is-sena 2003 il-lecturers u l-assistant lectureres fit-taqsimiet tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-fakulta' ta' l-edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta? Jista' jindika min huma l-lecturers u l-assistant lecturers wieħed wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-lecturers u l-assistant lecturers jirċievu s-salarji u r-remunerazzjonijiet kif stabbilit fill-ftehim kolletiv tagħhom.Nagħti biss totali għal kull dipartiment imsemmi:
Psychology
Lm58,546.14
Primary Education Lm69,193.87
Mathematics Science
& Technical Education Lm60,576.66
Universita' — Kors li jwassal għal diploma ta' probation studies
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Universita' ta' Malta li qegħdin isegwu l-kors li jwassal għad-diploma tal-probation studies?
Meta ħarġet l-aħħar applikazzjoni sabiex jiġu impjegati probation officers?
Kemm ġew ingaġġati probation officers in konnessjoni ma l-aħħar applikazzjoni?
Kemm hemm postijiet vakanti għal probation officers fi ħdan il-probation services?
Jekk hemmx xi ħsieb li toħroġ sejħa sabiex jiġu ngaġġati probation officers ġodda?
Jekk fl-affermattiv, għall-mistoqsija preċedenti, jista' il-Minsitru jgħid kemm beħsiebu jimpjega probation officers ġodda u meta se jsir dan?
Jekk se jiġu ngaġġati probation officers ġodda, dawn se jaħdmu fl-uffiċċju tal-probation li fil-preżent jinsab fi Triq San Pawl il-Belt Valletta jew se jiġu mħaddma f'xi postijiet oħra bħal per eżempju, fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-Istitut għall-Studju Forensiċi hemm 8 studenti fl-Universita' ta' Malta li qegħdin isegwu l-kors li jwassal għad-diploma tal-probation services. Il-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għat-tagħrif mitlub fl-aħħar sitt partijiet tal-Mistoqsija.
Palazz tal-President — Tisjir fil-Kuridur quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4678 u ċioe' jgħid għaliex għadu ma ħax passi sabiex ma jsirx tisjir fil-kuridur tal-palazz tal-Parlament quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru, liema intervent ta' tisjir qed jikkawża ħsarat lill-patrimonju tal-palazz partikolarment il-pittura u l-induratura?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan il-każ qiegħed jiġi investigat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta' l-inmates fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ta' irġiel u nisa u jgħid ukoll għal liema reati jew offiżi dawn kienu jew għadhom qegħdin fl-istess Faċilita' Korrettiva? Jista' jagħti wkoll tagħrif għall-istess snin indikati fuq l-istess persuni dwar il-pieni mogħtija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista’ il-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli tingħata l-għajnuna soċjali lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta l-każ tiegħu ġie maqtugħ favur tiegħu mill-Arbitru sena ilu u sal-lum għadu mingħajr ebda għajnuna soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li, fin-nuqqas ta’ ftehim fil-preżent mal-kunsill lokali, id-dipartiment ikunx jista’ jagħmel xi xogħol fil-librerija li tinsab fl-iskola primarja taż-Żejtun, bħal ngħidu aħna xkaffar aktar adegwat għall-ħtiġijiet ta’ din il-librerija?