Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xewkija, Għawdex — Mġarr ix-Xini - provvista ta' elettriku

Question

Peress illi l-bdiewa li jaħdmu r-raba' imsejħa ''Ta' l-Għama ta' Fuq'' f'Imġarr ix-Xini limiti tax-Xewkija ilhom għal diversi snin jitolbu biex fl-inħawi jkollhom provvista ta' l-elettriku, jista' il-Ministru jara li l-ilmenti ta' dawn in-nies jiġu ndirizzati u jgħid jekk u meta se jingħataw din il-faċilita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li fl-inħawi msemmija l-Enemalta għandha applikazzjoni waħda li għaliha saret stima iżda din qatt ma ġiet imħallsa. Għalhekk ebda xogħol ma jista' jinbeda.
Leg 10 PQ #5458 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ġarr ta' skart lejn Malta

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm qed isiru vjaġġi biex jinġarr l-iskart kuljum lejn Malta, x'tip ta' vetturi qed jintużaw u f'liema trips tal-Gozo Channel qed jinġarr dan l-iskart?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ġarr ta' skart

Question

Peress illi l-iskart minn Għawdex għal Malta qed jinġarr bil-vapuri tal-Gozo Channel, jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet u miżuri qed jittieħdu minħabba l-iġjene u kontra t-tixrid ta' bacteria fuq il-vapuri? Jista' wkoll jgħid jekk hux qed issir disinfezzjoni regolari kemm a benefiċċju tal-ħaddiema kif ukoll tal-passiġġieri? Ma jaħsibx il-Ministru li l-iskart għandu jinġarr separatament mill-passiġġieri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-kumpanija Gozo Channel ħejjiet diversi kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati meta jinġarr l-iskart domestiku fuq il-vapuri tagħha. Dawn jinkludu: - l-vettura li qiegħdha ġġorr l-iskart għandha tiġi diżinfettata qabel ma tħalli l-impjant, sabiex titla' fuq il-vapur. - il-kontejner li fih jinġarr l-iskart għandu jingħata numru uniku li jista' jintgħaraf faċilment, għandu jkun issiġillat sabiex la toħroġ riħa u lanqas ebda likwidu minnu, u sabiex l-iskart ma jkunx jidher. - jekk l-iskart li jkun qed jinġarr ikun fih sustanzi jew oġġetti li huma rregolati u jaqgħu taħt il-kodiċi ta' l-IMDG, għandhom jitwaħħlu tabelli distintivi u appożiti mal-kontejner skond il-kodiċi ta' l-IMDG u l-istandards u l-liġijiet ta' l-Ewropa. Minn naħa tagħhom, l-Inġinier responsabbli ta' l-impjant ta' l-iskart f'Ghawdex irid jiżgura u jiċċertifika li l-ġarr ta' l-iskart qed isir skond l-istandards applikabbli u l-liġijiet ta' l-Ewropa.

Pilloli kontra l-cholesterol

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni anzjani ta' 75 sena u iktar mhumiex qed jingħataw il-pilloli kontra l-cholesterol mill-isptar minkejja li dawn qed jiġu preskritti lilhom u minkejja li dawn l-anzjani jkollhom il-karti roża u safra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-trattament kontra l-cholesterol jingħata biss lill-persuni li għandhom anqas minn 75 sena u li jissodisfaw kriterji oħra. Din il- miżura daħlet fis-seħħ fis-sena 1997/1998 waqt li kien Ministru l-Onor. Micheal Farruġia.

Studenti li jiggradwaw fil-B. Conservation (Hons)

Question

Peress illi skond il-liġi studenti li jiggradwaw fil-B. Conservation (Hons) iridu jagħmlu sentejn prattika biex jieħdu l-warrant biex ikunu jistgħu jaħdmu, peress li apparentement f'Malta m'hawn ebda warrant holder li jistgħu jagħmlu l-prattika miegħu dawn il-gradwati, peress li lanqas ġie appuntat warrant board, jista' il-Ministru jgħid u jidderiġi lil dawk il-gradwati f'dan il-kors dwar x'għandhom jagħmlu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom in vista ta' dawn in-nuqqasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Kultura.

Birkirkara — Triq il-Qattus - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jara li x-xogħlijiet tat-tarmak li saru n-naħa t'isfel ta' Triq il-Qattus, f'Birkirkara jitkomplew wara li għaddew xi pajpijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi x-xogħlijiet ta' servizzi minn naħa ta' Vodafone Ltd. tlestew. Il-wiċċ tat-triq se jingħata kollu mill-ġdid sa nofs il-ġimgħa d-dieħla, skond il-kondizzjonijiet maħruġa mill-awtorita' dwar it-trasport, biex ix-xogħol ikun konformi ma' l-istandards il-ġodda maħruġa mill-ADT.

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza dawn il-ħlasijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema li jdawru t-turisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif intagħżlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intagħżlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministri u segretarji parlamentari — Dikjarazzjoni tad-dħul annwali

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dikjarazzjoni tad-dħul annwali tal-ministri u s-segretarji parlamentari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bi ħsiebni npoġġi d-dikjarazzjonijiet tad-dħul annwali tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li, skond paragrafu 48 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari, fil-każ ta’ Ministri jew Segretarji Parlamentari li jkunu għadhom kif inħatru, dawn għandhom xahrejn żmien sabiex jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tagħhom mas-Segretarju tal-Kabinett. Jagħmel sens li dawn id-dikjarazzjonijiet jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kollha f’daqqa.

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Bini ta' impjant tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' ħlas se toħroġ l-Unjoni Ewropea għax-xogħol tal-bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persentaġġ ta' ħlas li l-Unjoni Ewropeja ser toħroġ għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex jammonta għal madwar ħamsin fil-mija (50%) ta' l-investiment kapitali tal-proġett.

Toroq — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet ta' toroq li se jiġu ffinanzjati mill-protokoll ma' l-Italja, jista' il-Ministru jgħid: i) min huma l-kuntratturi li tefgħu l-offerti u kemm kienet l-offerta għal kull tender? ii) Min huma s-subcontractors u l-periti Maltin li ġew nominati mill-kuntratturi Taljani? iii) Meta hu previst li se jinbeda x-xogħol fuq kull kuntratt? iv) Liema kuntratturi ġew awarded ix-xogħlijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni m itluba. Il-kuntratturi diġa' ingħataw l-ordni biex jibdew ix-xogħlijiet u dawn qegħdin jagħmlu l-preparamenti neċessarji biex jissottomettu pjanti għat-traffic management, u xogħlijiet, il-programm tax-xogħlijiet u l-istrutturi maniġerjali li se jkollhom fuq is-sit tax-xogħol biex ix-xogħlijiet ikunu implimentati sew.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ħaddiema li jaħdmu fil-catering

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-futur tal-ħaddiema li qegħdin jaħdmu fil-catering fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u li huma impjegati mal-persuna li fil-preżent għandha l-kuntratt tal-catering fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kuntrattur privat jagħti servizz tal-kafetterija lil GCCL. Il-kuntratt li jirregola l-għoti ta' dan is-servizz ġie estiż sa l-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena. Wara dik id-data, huwa mistenni li l-kumpanija tuża r-riżorsi interni tagħha biex topera l-kafetterija.
Leg 10 PQ #5472 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-UE

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu stmat li swew fi flus iċ-ċelebrazzjonijiet li saru f'Għawdex minħabba d-dħul tal-gżejjer Maltin fl-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ċ-ċelebrazzjonijiet li saru f'Għawdex biex niċċelebbraw id-dħul ta' Malta u Għawdex fl-Unjoni Ewropea huma stmati li swew Lm11,698.

Budget Rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-UE

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4771 u cioe' jista' jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 4771 fl-istess seduta.

Impjiegi — Ħaddiema li spiċċaw bis-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4901 u cioe' jista' jgħid kemm l-awtorita' nazzjonali tax-xogħol għandha każijiet quddiemha ta' persuni li min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom niżżel li telqu minn jeddhom u hekk tellifhom id-dritt li jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm għoxrin appell quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol, ta' persuni li allegatament min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom iddikjara li telqu minn jeddhom.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4902 u cioe' jistgħu l-awtoritajiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol f'pajjiżna jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem li jkun qed jabbuża meta jagħti s-sensji u flok jgħid li lill-ħaddiema bagħathom hu qed jgħid li telqu minn jeddhom meta dan ma jkunx veru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li meta l-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jinġiebu għall-attenzjoni tagħhom każijiet simili bħal dawk li irrefera għalihom l-Onor. Interpellant, il-persuni konċernati jingħataw parir jirreferu l-każ lill-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jew lit-Tribunal Industrijali, skond kif meħtieġ, għal rimedju għaliex dawn huma l-organi kompetenti li jistgħu jinvestigaw l-ilment msemmi u jagħmlu d-dikjarazzjoni rilevanti

ETC — Kumpannija li ma ġedditx il-kuntratt ta' impjegat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4903 u cioe' tista' il-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ tieħu passi kontra l-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament, li ma ġeddidtx il-kuntratt ma' l-impjegat tagħha li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu wkoll separatament, u wara li temmitlu l-impjieg niżżlet fil-formola tat-temm ta' l-impjieg li telaq hu minn jeddu u hekk telfitlu anke ċ-ċans li jirreġistra għax-xogħol fuq Part I?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif weġibt fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 5475 ta' l-istess Onor. Membru, l-organi kompetenti dwar din il-mistoqsija huma jew l-Awtorita' Nazzjonali għax-Xogħol jew it-Tribunal Industrijali.

Ministeru tas-saħħa — Spejjeż fuq fuel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5179, nirriferi għall-fuel li ministeri oħra taw meta ġew mitluba jagħtu l-istess informazzjoni.

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #5478 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex għalqet il-biċċerija f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-qatla fil-biċċerija t'Għawdex ġiet sospiża biex tkun tista' tiġi modernizzata l-istess biċċerija