Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-djar — Talba għall-iskema ''care & repair''

Question

Tista' il-Ministru tara li tintlaqa' it-talba ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tibbenefika mill-iskema ''care & repair'' ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba, mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, taħt l-iskema ta' Care and Repair waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fis-27 ta' April 2004. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' diga ffissat id-data meta għandha ssir spezzjoni fuq il-post biex jiġu stabbiliti x-xogħolijiet meħtieġa.

Awtorita' tad-djar — Talba għall-iskema ''care & repair''

Question

Tista' il-Ministru tara li tintlaqa' it-talba ta' koppja anzjani li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, biex jibbenefikaw mill-iskema ''care & repair'' ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba, għan-nom tal-familja ndikata mill-Onor. Interpellant, taħt l-iskema ta' Care and Repair waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fis-27 ta' April 2004. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' diġa ffissat id-data meta għandha ssir spezzjoni fuq il-post biex jiġu stabbiliti x-xogħolijiet meħtieġa.

Ambaxxata Maltija f'Washington — Taħditiet mal-US/Arab Chamber of Commerce

Question

Jikkonferma li l-ambaxxata Maltija f'Washington żammet taħditiet mal-US/Arab Chamber of Commerce fid-dawl ta' l-iżviluppi riċenti fil-Libja?

Response (DALLI, JOHN)

L-Ambaxxatur ta' Malta ġewwa Washington DC kellu laqgħa mas-Sur David Hamod, President tan-National US-Arab Chamber of Commerce fl-4 ta' Marzu, 2004.

Ftehim bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji dwar il-ftehim bilaterali propost bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-ftehim li jinħtieġ li jsir bejn Malta u Jersey bħala konsegwenza ta’ l-EU Savings Directorate. Taħt il-ftehim bilaterali li jrid jiġi ffirmat bejn Jersey u Malta, ser ikun meħtieġ li Jersey tapplika withholding tax għal perjodu transitorju kif japplika għall-Awstrija, Belġjum u Lussemburgu rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru lill-individwi residenti f’Malta minn paying agents stabbiliti f’Jersey u li Jersey tittrasferixxi 75% tat-taxxa hekk miġbura lil Malta. Malta trid tipprovdi għall-ħelsien minn taxxa doppja rigward taxxa li tiġi miżmuma minn Jersey. Wara l-perjodu ta’ transizzjoni, Jersey tkun trid tibdel dik l-informazzjoni dwar pagamenti ta’ interessi awtomatikament ma’ Malta bl-istess mod kif meħtieġ taħt is-Savings Directive. Min-naħa tagħha, Malta trid tgħaddi awtomatikament dik l-istess tip ta’ informazzjoni meħtieġa li tiġi mibdula taħt is-Savings Directive ma’ Stati Membri oħra, lil Jersey rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru minn Malta lil individwi residenti f’Jersey.

Kummissarju għoli Malti f'Londra

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-kummissarju għoli Malti f'Londra rrikkmanda lill-prof. Guido de Marco bħala kandidat ta' Malta għaċ-chairmanship tal-Commonwealth foundation?

Response (DALLI, JOHN)

Il-President Emeritus il-Professur Guido de Marco ġie nominat għall-kariga ta' President tal-Commonwealth Foundation b'deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti.

Privatizzazzjoni tal-freeport

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-privatisation unit ma sabitx vijabbli l-interess li wrew fil-privatisation tal-freeport id-Dubai ports authority? X'inhi l-pożizzjoni strateġika tal-gvern f'dan il-proċess? Il-gvern iħoss li jagħmel sens li l-privatizzazzjoni ssir favur linja ta' shipping aktar milli lill-port operator internazzjonali? Meta jinstab operatur ġdid għall-freeport, dan se jkompli bl-arranġamenti eżistenti mal-cargo handling company ltd? Jekk il-gvern se jinnegozja ma' shipping line, x'salvagwardi se jkun hemm biex jiġi żgurat li shipping lines oħrajn ikunu jistgħu joperaw b'mod adegwat mill-freeport? Il-gvern qed jippjana tibdil fil-port worker regime qabel ma jikkonkludi l-privatizzazzjoni tal-freeport? Huwa minnu li d-ditta CMA-CGM qegħda thedded lill-gvern li titlaq mill-freeport jekk ma tingħatalhiex il-konċessjoni tal-privatizzazzjoni tal-management tal-freeport?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li id-Dubai Ports ma kienux wrew interess fil-bidu tal-process u ma tefgħawx offerta. Meta ricenti dawn wrew interess, il-Privatisation Unit qaltithom li l-process originali kien għadu għaddej mal-kumpanija li kienet ġiet identifikata u għalhekk ma kienx possibbli li f'dan l-istadju jiftaħ xi trattattivi mad-Dubai Ports. Il-Gvern kontinwament għamilha cara li min jirbaħ il-koncessjoni biex iħaddem il-Port irid jipprovdi a 'Common user facility'. Barra min hekk l-kumpanija li magħha qegħdin isiru n-negozjali ser ikollha tqabbad port operator internazzjonali biex tħaddem il-Port. Il-Gvern qatt ma ġie mhedded min ħadd u zgur ma ghandux din it-theddida mis-CMA/CGM. Deciżjoni dwar il-mistoqsijiet fuq il-Cargo Handling u l-Port Worker regime, għad trid tittieħed wara evalwazjoni tas-sitwazzjoni.

Ħaż Żebbuġ, Malta — Tal-Grazzja - problemi ta' l-għargħar

Question

Jista' il-Minsitru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4185 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx xi pjan biex tissolva l-problema ta' l-għargħar kawżati mill-ilmijiet li jinżlu fl-inħawi tal-Grazzja f'Ħaż-Żebbuġ, Malta u li jaffettwaw it-toroq tal-Grazzja, Xmurn Attard, Prof. Daniel Callus u Fra Fred Mattei?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-bidu tas-sena 2002 kien inbeda xi xogħol fuq sistema ta' lqugħ ta' ilma fl-inħawi msemmija b'inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, li kien ikopri parti minn Main Street, parti minn Triq il-Mitħna u wasal sa Triq Fra Fred Mattei. Biex dan ix-xogħol ikun komplut għad jonqos xi xogħol fil-kumplament tat-toroq imsemmija fid-domanda tal-Onorevoli Nterpellant. Dan għadu kompitu tal-Kunsill Lokali konċernat. Fil-frattemp il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għaddej bi pjan ħolistiku li jikkomprendi siti bi problemi ta' għargħar fl-lokalitajiet diversi f'Malta u Għawdex li jinkludu Ħaż-Żebbuġ f'Malta.

Sptar Sir Paul Boffa — Shortage ta' garża sterile

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm shortage ta' garża sterile fl-ispiżerija u d-dipartiment tad-dermatoloġija fl-isptar Sir Paul Boffa bħalissa peress li preskrizzjoni nru A 766833 ma ġietx imsarrfa u l-pazjenti li jbati minn Hansen's disease ġie mogħti riċevuta to collect form minflokha? Jista' jara li l-oġġett daqshekk bażiku ma jiġiex out of stock mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Clinic tal-'Hansen's Disease' fil-21 ta' April, il-garża kienet 'out of stock' fl-ispiżerija ta' l-Isptar Sir Paul Boffa. Fit-30 ta' April ġejna fornuti bil-garża mill-ġdid.

Sigurta' Soċjali — għajnuna soċjali

Question

Tista' il-Ministru tinformana jekk id-dipartiment tas-sigurta' soċjali hux qed ikun konformi ma' l-Artikolu 30(11) ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (KAP 318), meta jġiegħel mara separata tfittex lil żewġha għall-manteniment inkella tinqatalha l-għajnuna soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li għamel referenza għalihom, l-Att jipprovdi wkoll li persuna ma tistax iċċaħħad lilha nfisha minn mezzi ta' għixien, jew dħul ieħor biex tikkwalifika jew tieħu rata għola ta' Għajnuna Soċjali. A bażi ta' dawn l-aħħar provedimenti msemmija d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jesiġi li, f'każ ta' separazzjoni, l-persuna li tagħmel talba għall-Għajnuna Soċjali tieħu l-passi meħtieġa biex tirċievi l-manteniment dovut skond il-liġi.

Sigurta' Soċjali — Għajnuna soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħidilna jekk hux ġust meta d-dipartiment iwaqqaf l-għajnuna soċjali lil tfal li ommhom ma tistax tieħu passi legali kontra l-missier naturali tat-tali tfal li uffiċjalment (jiġifieri fir-reġistru pubbliku) il-missier ikun imniżżel bħala mhux magħruf? U f'dawn il-każi, kontra min legalment, tista' tieħu passi l-istess omm, biex tottjeni l-manteniment? Barra minn hekk, dawn il-każi ma jaqgħux taħt l-artiklu 30(11) ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (KAP 318)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex jiġi stabbilit l-ammont ta' Għajnuna Soċjali dovut lil mara li jkollha tarbija, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali hu fid-dover jieħu in konsiderazzjoni xi manteniment dovut minn missier it-tarbija. L-Onor. Interpellant jifhem li jkun hemm każijiet fejn, minkejja li l-paternita' tkun magħrufa, iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija jkun juri mod ieħor. Dan ma jfissirx li d-Dipartiment ma jħallasx Għajnuna Soċjali f'kull każ fejn iċ-ċertifikat tat-twelid ikun juri li l-missier mhux magħruf, iżda d-Direttur għandu l-obbligu li jinvestiga biex ikun sodisfatt li fil-fatt il-paternita' ma tkunx magħrufa u allura ma jkunx hemm xi manteniment dovut.

Sptar Sir Paul Boffa — Minoxidil 5% Lotion

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Minoxidil 5% Lotion huwa out of stock mill-ispiżerija ta' l-isptar Sir Paul Boffa peress li hemm pazjenti li ilu ma jingħatalhom saħansitra minn Diċembru 2003?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-mediċina Minoxidil 5% Lotion issa tinsab fl-ispiżerija ta' l-isptar Boffa.
Leg 10 PQ #5441 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festi tal-Karnival — Ħlas ta' premjijiet għall-karrijiet rebbieħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħlas tal-premjijiet għall-karrijiet rebbieħa tal-Karnival għadu ma sarx?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-pagamenti tal-Karnival 2004 qegħdin jinħadmu u ser jinħarġu fi żmien qarib.

Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm nurses telqu mis-servizz pubbliku u jerġgħu jirritoranw wara numru ta' żmien? Jekk fl-affermattiv, kemm telqu mill-1992 sal-lum u kemm minnhom irritornaw fis-servizz pubbliku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika fil-Ministeri tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunita' dwar l-informazzjoni mitluba.

Infermiera

Question

Jikkonsidra l-gvern li ladarba jkun hemm full complement ta' nurses fl-isptarijiet, kliniċi u residenti ta' l-anzjani pubbliċi n-nurses li jitilqu mis-servizz pubbliku u jerġgħu jirritornaw wara perjodu ma jkollhomx għalfejn jibdew mill-ewwel skala iżda jkunu jistgħu jirritornaw fl-istess skala u grad li jkunu fih meta rriżenjaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern diffiċli li jilħaq full compliment ta' nurses fl-isptarijiet, kliniċi, u residenzi ta' l-anzjani minħabba numru konsiderevoli ta' nurses li se jirtiraw fil-ħames snin li ġejjin, espansjoni ta' servizzi numru ta' vakanzi eżistenti, numru ta' nies li jirreżenjaw , imutu jew inkella jemigraw. Kwalunkwe rikonsiderazzjoni għan-nurses li meta jibdew l-impjieg jerġgħu jieħdu l-istess skala ta' meta jirriżenjaw trid issir fid-dawl tar-riforma tas-saħħa li tinkludi d-devoluzzjoni ta' l-awtorita' lil entitajiet lokali tas-saħħa bħall-isptarijiet.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk tabib li jkun telaq mis-servizz pubbliku u jerġa' jirritorna wara perjodu ta' żmien ikollux jerġa' jibda mill-bidu inkella jista' jirritorna fl-istess grad u skala li jkun fiha meta telaq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Meta tabib jitlaq mis-Servizz Pubbliku u jerga' jirritorna wara perjodu ta' żmien ma jerġax jiġi impjegat fl-istess grad u skala li jkun fiha meta telaq.

Kliniċi/sptarijiet privati — Infermiera u qwiebel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika tan-numru ta' nurses u midwives li jaħdmu fi kliniċi jew sptarijiet privati? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru u xi grad għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-istatistika ta' nurses u midwives tgħid li sa l-aħħar tas-sena 2003 fi kliniċi u sptarijiet privati jaħdmu: 173 Staff Nurses 53 Enrolled Nurses 38 Midwives.

Infermiera u qwiebel ta' nazzjnalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses u midwives barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta bħalissa? Minn liema pajjiżi ġejjin u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi pubbliċi u kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet u kliniċi privati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżommx statistika ta' kemm hawn infermiera u qwiebel barranin li għandhom permess jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi privati f'Malta. Informazzjoni dwar infermiera barranin li jaħdmu fi Sptarijiet jew Kliniċi Pubbliċi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar San Luqa — Inċineratur ġdid

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 33634 u 33636 tal-leġislatura l-oħra fejn ġejt informat li t-tendering process għall-inċineratur il-ġdid fl-isptar San Luqa kien fl-aħħar fażijiet, issa li għaddiet sena u għadu ma sar xejn konkret, jista' il-Ministru jinformani meta finalment se jsir ix-xogħol li għandu jsir dwar l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nissuspetta li l-Onor. Interpellant huwa wieħed mill-ftit f'Malta li ma jafux x'ġara minn mindu irrispondejt għad-Domandi Parlamentari 33634 u 3461 dwar it-tender ta' l-inċineratur peress li dak li ġara ngħata publiċita fuq il-meżżi tax-xandir kollha. Il-kumpanija Sanitec li kellha tforni l-Infectious Waste Processing and Decontamination Plant skond il-Letter of Acceptance maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-13 ta' Mejju 2003 falliet u għaldaqstant ma setatx tonora l-obbligi li kienet daħlet għalihom il-kumpanija Maltija li ħadet it-tender. Fl-20 ta' April 2004 inħarġet sejħa għall-Prequalification questionnaire for the supply, installation and commissioning of Clinical Waste Decontamination Plant li tagħlaq fil-15 ta' Ġunju 2004. Din is-sejħa ġiet ippublikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma naqbilx ma' l-Onor. Interpellant li f'sena ma sar xejn konkret. Wieħed issa jrid jara x'offerti jidħlu wara l-15 ta' Ġunju 2004.