Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Maltija f'Londra — Locally engaged personnel

Question

B'riferenza għall-aħħar parti ta' mistoqsija parlamentari 5410, jista' il-Ministru jgħid jekk il-high commission kisbitx bil-quddiem l-approvazzjoni tal-Ministeru?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li l-Kummissjoni Għolja f'Londra kellha kemm l-awtoriżżazzjoni tal-Ministeru kif ukoll tal-Ministeru tal-Finanzi.

CIMU — IT hardware projects

Question

Billi skond l-istandards taċ-CIMU il-hardware projects ta' l-IT tal-gvern jistipulaw illi jridu jkunu bbażati fuq intel-based kits, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jagħmel kif għamil il-Gvern Franċiż u jneħħi din il-kondizzjoni ħalli jevita anti-trust action min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea billi l-UE hija kontra kuntratti li jispeċifikaw li proġetti ta' l-IT għandhom ikunu speċifikament iddisinjati b'intel processors? Jikkonferma l-Prim Ministru illi l-UE wissiet lill-gvernijiet nazzjonali membri li għandhom jiftħu l-kuntratti ta' l-IT hardwareibbażati fuq chips minn suppliers oħrajn jew inkella jirriskjaw li jieħdu azzjoni bil-qorti kontrihom? Il-Gvern Malti ġie mwissi f'dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.

WSC — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u seconded ħaddiema mal-WSC mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum? F'liema grad ġew impjegati u minn liema dipartimenti ġew seconded?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mill-1 ta' Jannar 2004 sas-7 ta' Mejju 2004 ġew seconded/mislufa sitt (6) ħaddiema mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Maltapost fil-grad ta' skrivan. Ma kien hemm l-ebda mpjieg ġdid fil-perjodu msemmi.

Bord ta' l-Arbitraġġ — Kawżi pendenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5156, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jagħti d-dettalji dwar l-istess mistoqsijiet pero' għal perjodu 1971-1986?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab informat kif ġej: Quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern, mis-sena 1971 sa l-1986 hemm 54 kawżi pendenti. Kawża waħda biss ġiet mgħoddija lill-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, għal deċiżjoni minn dik il-qorti, li kienet tirrigwarda dewmien fil-ħlas. Il-kumpens kif inhu stmat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet jammonta għal Lm32,874.23 u l-interessi fuq l-istess kumpens jammontaw għal Lm41,840.74. Il-Gvern qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex il-ħlas għal artijiet li ġew akkwistati, jitħaffu.

Budget rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta ser tikkontribwixxi sehemha lejn il-budget ta’ l-Unjoni u ser tieħu lura wkoll fondi mill-istess budget għal diversi inizjattivi. Ir-riżultat ser ikun li Malta ser iddaħħal mill-Unjoni madwar Lm90 miljun aktar milli ser toħroġ u ebda kontribut m’hu ser imur minn Malta lejn il-budget ta’ xi pajjiż ieħor membru ta’ l-Unjoni.

Skejjel — Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux informat b’ittri li kapijiet ta’ l-iskejjel qed jibagħtu lill-ġenituri sabiex jinfurmawhom li l-bibien ta’ l-iskola se jinfetħu għaxar minuti qabel u dan minħabba direttiva ta’ l-union ta’ l-għalliema wara ċirkolari maħruġa mid-diviżjoni? Ma jarax il-Ministru li dan se jwassal, u qed iwassal diġa`, sabiex studenti li qed jaslu ħafna qabel jispiċċaw barra mill-iskola u allura esposti għall-periklu anke minħabba l-fatt li m’hemmx superviżjoni magħhom? X’passi se jieħu l-ministeru biex din il-kwestjoni b’mod jew ieħor tiġi solvuta u rranġata fl-interess ta’ l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Naħseb li mid-data tal-Mistoqsija fit-23 ta' Marzu,2004 il-kwestjoni ġiet iċċarata bl-istqarrija tas-26 ta' Marzu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija li ħarġet id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni flimkien mal-Malta Union of Teachersdwar is-suġġett. L-istqarrija turi li ttieħdu passi sabiex din il-problema , li dwarha qatt ma kien hemm policy stabilita, tiġi riżolta qabel il-ftuħ tas-sena skolastika 2004/2005.

Skejjel — Għalliema b'warrant

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant permanenti jew warrant temporanju u kemm hemm barranin f'dawn l-iskejjel li ġejjin: - il-Kulleġġ San Alwiġi, il-Kulleġġ De La Salle, il-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira, il-Kulleġġ St.Edwards, il-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Kulleġġ St.Elias, l-iskola San Martin, l-iskola San Anton u l-iskola San Andrea? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema nisa u rġiel? Kemm hemm għalliema reliġjużi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Knisja — Għalliema b'warrant

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant permanenti u warrant temporananju f'dawn l-iskejjel li ġejjin: - l-iskola tad-Dorotej, l-iskola tas-Sacred Heart, l-iskola ta' St.Joseph Blata l-Bajda u l-iskola ta' St.Joseph f'Ħal Tarxien? Kemm hemm għalliema rġiel u nisa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-Istat — Ksur ta' regolamenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'politika ta' dixxiplina tiġi wżata fl-iskejjel ta’ l-Istat għal ksur gravi tar-regolamenti? Jeżisti xi kodiċi ta' dixxiplina?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dixxiplina minn studenti fl-iskejjel hi regolata fid-dokument "Politika Dwar l-Inġieba Tajba u d-Dixxiplina fl-Iskejjel" ippublikat mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fi Frar 2002. Kull skola ġiet mħarrġa dwar kif tfassal il-kodiċi ta' Dixxiplina applikabbli fiċ-ċirkostanzi tagħha, fil-parametri indikati fid-dokument imsemmi. Kopja tad-dokument ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li tilfu ħajjithom kawża tat-tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid f'Jannar, fi Frar, u fl-ewwel 15–il ġurnata ta' Marzu separatament, kemm hu magħruf li mietu nies direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' każijiet ta' mwiet reġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-imwiet matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u fl-ewwel 15-il ġurnata ta' Marzu tas-sena 2004 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 93, residenti f'Malta u Ghawdex. Dan in-numru huwa mqassam kif ġej. Xahar Irġiel Nisa Total Jannar 32 13 45 Frar 23 11 34 1-15 ta' Marzu 11 3 14 Total 66 27 93

Skejjel — Tipjip

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jaġixxi fuq is-suġġeriment tiegħi li ma jħallix għalliema, studenti u anke staff ieħor ta’ l-iskejjel idaħħlu pakketti tas-sigaretti fl-iskejjel fejn jaħdmu jew jattendu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġeriment huwa tajjeb pero impossibli li jiġi attwat minħabba li jirrekjedi tfiċċija fuq il-persuna.
Leg 10 PQ #5131 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċimiterju Santa Marija - xogħlijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fuq it-tkabbir taċ-ċimiterju ta' Santa Marija f'Għawdex baqa' ma nbediex minkejja li kien hemm il-permessi meħtieġa? X'passi se jittieħdu biex ix-xogħol li għandu jsir isir mill-iktar fis?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi qegħdin jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex tinħareġ s-sejħa għall-offerti għall-bini ta' oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju ta' Santa Marija fix-Xewkija.

OPM — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru l-ispiża fuq fuel għall-ewwel tlett xhur tas-sena 2003 u 2004 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi.

Għaqdiet sportivi — donazzjonijiet finanzjarji

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tagħha? Tista' tgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-2002 saret donazzjoni ta' Lm447 lill-Assoċjazzjoni responsabbli mit-tiżjin għall-Milied ta' Triq ir-Republika, l-Belt, filwaqt li fl-2003 l-Aġenzija Sedqa għamlet donazzjoni ta' Lm50 lil St Joseph Home, Sta Venera.
Leg 10 PQ #5250 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Għaqdiet sportivi u kulturali — Xogħlijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tagħha jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tagħha ? Tista' tgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1814 mibgħuta bil-miktub fl-1 ta' Ottubru, 2003 u cioe' kemm sar tarmac f' Ħal-Qormi minn Mejju 1994 sal-lum, minn xi awtorita’ jew dipartiment tal-Gvern Ċentrali? Jista’ ir-rendikont jinqasam sena b'sena u triq bi triq minbarra il-kilometraġġ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tat-toroq li ġew asfaltati f'Ħal Qormi fi żmienijiet imsemmija. Barra minn hekk, bħalissa għaddej xogħol fi Triq Mario Pace u Triq Pawlu Farrugia filwaqt illi ħarġu sejħiet għall-asfaltar ta' toroq: l-Industrija, in-Nassab u Montebello. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex isiru toroq Santa Katerina, il-Kaċċatur, Sqaq Zenqa, Bertu Hyzler, ir-Ragħaj u Armal mill-kunsill lokali taħt l-iskema li biha l-awtorita' dwar it-trasport tirrifondi l-ispejjeż lill-kunsill lokali fi żmien tlett snin. Din il-lista ma tinkludix toroq li saru mill-kunsill lokali f'dan il-perjodu.

Isla — Moll li hemm fix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol biex jiġi rranġat il-moll fix-Xatt ta' l-Isla? Kemm se jiġi jiswa? Kemm se jdum biex jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5328.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?

Response (BORG, TONIO)

Ir-requisition orders kienu jsiru mill-Housing Secretary tad-Dipartiment tad-Djar, illum magħruf bħala d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Għalhekk l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' tibdil ta' soqfa u xogħol ieħor fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li s-sid tiegħu huwa l-Uffiċċju Konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5356.

Awtorita' tad-djar — Talba għall-iskema ''care & repair''

Question

Tista' il-Ministru tara li tintlaqa' it-talba ta' koppja anzjani li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, biex jibbenefikaw mill-iskema ''care & repair'' ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba, għan-nom tal-familja ndikata mill-Onor. Interpellant, taħt l-iskema ta' Care and Repair waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fis-27 ta' April 2004. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' diġa ffissat id-data meta għandha ssir spezzjoni fuq il-post biex jiġu stabbiliti x-xogħolijiet meħtieġa.