Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema stabbilimenti fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala discos?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozji msemmija, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Permess ta' disco — San Pawl il-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sit magħruf bħala Palazzo Pescatore/Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar għandux il-permessi meħtieġa biex jopera bħala disco?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ma ħarġet permessi biex il-Palazzo Pescatore jopera bħala disco.

Palazzo Pescatore / Ex Puschka — Enforcement Notice 297/04

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq l-Enforcement Notice 297/04 wara spezzjoni f'sit magħruf bħala Palazzo Pescatore / Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar u nstabulu twieqi magħluqa biċ-ċnagen tal-franka u bricks bla permess? Jekk għadhom ma ttieħdux il-passi meħtieġa, meta se jittieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-5 ta' April 2004, nħareġ Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq b' referenza ECF 297/04, mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), talli ġew magħluqa twieqi bil-ġebel u bricks, kif ukoll minħabba t-twaħħil ta' airconditioning unit mingħajr permess. Fil-21 ta' April il-MEPA kienet infurmata li dan l-Avviż ma ġiex "claimed" bil-posta u għaldaqshekk l-Avviż se jiġi mgħoddi lis-sid personalment, u fin-nuqqas, jitwaħħal mal-faċċata tal-post skond il-liġi.

Timber Carriers — Malta Shipbuilding

Question

Rigward il-Timber Carriers Russi l-Malta Shipbuilding kif kienet baqgħet il-kwestjoni tal-pagamenti tagħhom u kemm hu l-ammont dovut inkluż l-imgħaxx sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ammont dovut fuq it-Timber Carriers Russi Numri 169,170,171,172,173 u 174 huma ta' USD 70,725,000. L-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD 50,718,261.

Sistema tal-Welfare — Rapport dwar il-pensjonijiet

Question

Tista' il-Ministru bħala chairmanta' l-MCESD tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar il-pensjonijiet / sistema tal-welfare li saru diversi referenzi dwaru fil-media din il-ġimgħa, ikkumisjonat lill-World Bank mill-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien miniex iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, liema Kunsill jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Prim Ministru. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Government funding of higher education

Question

Min ta l-parir dwar kif ġie kompost il-working group sabiex jagħmel re-assessment tal-government funding of higher education institutions including a revision of students' maintenance grants? Kif saret l-għażla tal-persuna gradwata fl-ekonomija li isimha qed jintbagħat separatament; anke peress li din il-persuna għandha ħuha parti mis-segretarjat fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li jista' joħloq kunflitt ta' interess jew saħansitra jistgħu jiġu jistgħu influwenzati d-deċiżjonijiet li jista' jkun ser jieħu l-working group? Jista' il-Ministru jassigura l-Kamra li l-kompożizzjoni ta' dan il-working groupma saritx fuq bażi partiġjana?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassigura lill-Onor.Interpellant li l-Membri li jikkomponu l-imsemmi Working Group ġew mgħażula unikament abbażi tal-kwalifiki u kompetenzi tagħhom u fuq l-ebda kriterju ieħor. Bl-ebda mod ma hemm xi ċirkostanza f'dan l-eżerċizju li tista tgħati xi lok għal xi konflitt ta' interess.

USS Batom — Żjara f'Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4896, jista' l-Ministru jinvestiga r-rapporti li waslu għandi minn diversi nies dwar l-avveniment imsemmi fil-mistoqsija? Jekk fl-affermattiv, għaliex dawk is-suldati tal-marines Amerikani kienu fuq l-art armati? Min jagħti dan il-permess? Kif se tiġi salvagwardjata n-newtralita' ta' pajjiżna kif elenkata fil-Kostituzzjoni tagħna? Jista' l-Ministru jelenka kemm-il biċċa tal-baħar u ta' l-ajru ingħataw permess sabiex iġorru l-armamenti?

Response (DALLI, JOHN)

Kif il-Ministru ta' qabli diġa spjega fir-risposta tiegħu għall-Mistoqsija numru 4896, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qatt ma rċieva talba jew ta permess lill-membri ta' l-ekwipaġġ tal-USS Bataan jew ta' xi biċċa oħra tal-baħar Amerikana biex dawn ikunu armati fuq l-art. Ninsab infurmat li meta saret din il-Mistoqsija f'Marzu, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin kien ikkonsulta ma' l-awtoritajiet tal-pulizija u dawn ta' l-aħħar spjegaw li membri armati ta' l-SAG jkunu stazzjonati f'diversi postijiet skond il-bżonn matul il-waqfa tal-bastiment f'Malta. Jista' jkun, għalhekk, li r-rapporti li waslu għand l-Onorevoli Interpellant huma dwar dawn in-nies. Dwar kemm il-biċċa tal-baħar u ta' l-ajru ngħataw permess sabiex iġorru l-armamenti, ninsab infurmat li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti permess biex dawn jidħlu Malta sakemm il-kundizzjoni ewlenija dwar il-ġarr ta' armamenti nukleari tkun rispettata.

Stallazzjoni ta' apparat minħabba dħaħen tas-sigaretti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu u kif jaħdem l-apparat li jrid jiġi stallat minn ristoranti, ħwienet, eċċ., minħabba dħaħen tas-sigaretti? Jista’ jgħid jekk il-Malta Standards Authority ħarġitx speċifikazzjonijiet fuq dan l-apparat? Il-GRTU għamlet xi suġġerimenti speċifiċi fuq dan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Malta Standards Authority taqa' taht il-kompetenza tal-Ministru ghal Kompetittivita' u Kommunikazzjoni. Pero' l-Ministeru Tas-Sahha, l-Anzjani u L-Kura fil-Komunita' talab lill-MSA biex jigu stabbiliti standards li iridu jigu segwiti minn kull min irrid jipprovdi "smoking areas" fil-bar jew restaurant. L-ewwel laqgha saret diga.

Skejjel — Spezzjonijiet fit-tuck shops

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta uffiċjali tad-dipartiment tas-saħħa jagħmlu spezzjonijiet f'tuck shops, canteens, etc. ta’ l-iskejjel, isegwux is-suggerimenti tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni rigward ikel u xorb li jgħodd għat-tfal? Fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika nstab xi ħadd li ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Spezzjonijiet li jsiru fl-iskejjel minn uffiċjali tas-Saħħa Pubblika jsiru sabiex jiġi aċċertat li tali tuckshops/canteens qegħdin joperaw skond il-liġijiet sanitarji w mhux dwar kundizzjonijiet imposti minn Dipartiment ieħor- dan kif titlob l-Att dwar l-Edukazzjoni. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 4553. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nissuġġerixxi li din tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel — Operaturi ta' tuck shops

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm operaturi ta' tuck shops, canteens, etc., fl-iskejjel li matul dawn l-aħħar ħames snin separatament nstab li kienu qed ibiegħu prodotti ta' l-ikel u xorb li ma kienux tajbin għat-tfal jew ma kienux skond l-ikel u xorb rakkomandat? X'passi ttieħdu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni. Dan, in vista li rapporti dwar kundizzjonijiet ta' tali tuckshops jingħataw lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kif titlob il-Liġi.

Skejjel — Operaturi ta' tuck shops

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm operaturi mill-1999 ’l hawn, kull sena separatament, li ma ngħatawx kuntratt biex joperaw tuck shops, canteens, etc., għax qabel ma kienux iservu ikel u xorb lill-istudenti kif suppost? Kien hemm min twaqqaf mill-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat illi mis-sena 1999 l'hawn, ma kienx hemm każi fejn operaturi ma ngħatawx kuntratt biex joperaw tuck shops għax qabel ma kienux iservu ikel u xorb lill-istudenti kif suppost. Lanqas ma kien hemm każi fejn operaturi twaqqfu mill-kuntratt minħabba f'hekk.
Leg 10 PQ #4992 Sitting 128 2004-05-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Direttur Orkestra Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tad-Direttur ta’ l-Orkestra Nazzjonali li qed jitħallas minn fondi pubbliċi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #4993 Sitting 128 2004-05-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

SĦUBIJA TA’ MALTA FL-UE — ĊELEBRAZZJONIJIET

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkun hemm spejjeż addizzjonali minbarra s-somma ta’ Lm235,000 li hemm ivvotata fil-budget għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm sponsorships sabiex jagħmlu tajjeb għal dawn l-ispejjeż addizzjonali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Huwa maħsub li l-ispiża finali għall-festi li ser isiru tlaħħaq għal madwar Lm 415,000. Hemm xi attivitajiet li l-ispejjeż għalihom ser isiru mill-privat.

WSC — Ex ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-time-off u leave li kienu ntitolati għalih il-ħaddiema li kienu fit-taqsima tad-drenaġġ hux se jingħata issa li ġew detailed mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li kif inhuma l-prattiċi normali meta persuna tiġi trasferita minn Dipartiment jew sezzjoni għal oħra, il-persuna tibqa' ntitolata għal ammont, skond ir-records uffiċċjali tal-leave u time-off. Dan jgħodd ukoll fil-każ tal-ħaddiema li ġew detailed mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.

Sa Maison — Vapuri tal-Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' vapuri se jintużaw għal Sa Maison u jekk dawn humiex se jġorru passiġġieri jew vetturi tal-merkanzija biss? In oltre jista' jgħid jekk sarux xi studji jekk il-port t'Għawdex jiflaħx għaż-żieda ta' vapuri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-karatteristiċi tal-vapuri li sejrin jaħdmu din ir-rotta ser ikunu jiddependu fuq it-tip ta' servizz li ser ikun qiegħed jingħata mill-operatur. Dan ikun magħruf biss wara li tinħareġ is-sejħa pubblika u jintgħażel l-operatur u dan isir mill-MMA. Dwar it-tieni parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferiha lejn il-Ministru konċernat.

Raħal Ġdid — Triq Cospicua - bozoz

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bozoz li twaħħlu fi Triq Cospicua, f'Raħal Ġdid jinżebgħu peress li huma kollha msadda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bozoz imsemmija fid-domanda tiegħu ma jaqgħux taħt ir-responsabilta' ta' l-Enemalta iżda tal-Kunsill Lokali.

Tarzna — Ħaddiema trasferiti mal-gvern

Question

Mill-ħaddiema li ġew trasferiti mal-gvern mit-tarzna, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom huma fil-grad klerikali u kemm minnhom huma fi grad tekniku? Fil-każ ta' l-aħħar, f'liema kategorija?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni dwar ħaddiema li qabel kienu jaħdmu t-tarzna u li bħalissa qegħdin assenjati mas-Settur Pubbliku u Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-djar — Xiri ta' units tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk issa, bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jgħix f'Malta jistax jibbenefika minn xi unit tal-gvern bħalha bejgħ jew kiri mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jew l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ċittadin ta' pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea li jkun residenti legalment f'Malta jiġi trattat bħal ċittadin Malti. F'kliem ieħor, ċittadin ta' pajjiż membru ta' l-Unjoni ma' jistax jiġi diskriminat sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati applikabbli għal ċittadin Malti. Dan dejjem suġġett għad-derogi li Malta akkwistat fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea, inkluża d-deroga dwar ix-xiri ta' propjeta'.