Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt u dan sabiex jifdi ċ-ċens in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li fl-10 ta' April 2001 l-applikant ġie infurmat bis-somma tal-fidi skond l-iskema tas-sena 1996. Fil-frattemp ħarġet skema oħra aktar favorevoli għal applikant. Huwa ġie infurmat bis-somma tal-fidi riveduta u ntalab ukoll jipprovdi xi dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista jsir il-fidi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt? Jekk jista', x'inhi l-proċedura li għandu jagħmel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dipartiment għad mhux fornut bid-dokumenti kollha relattivi għal din il-proprjeta', u għalhekk mhux f'pożizzjoni jgħid jekk l-enfitewta jistax jifdi ċ-ċens. Għalhekk f'dan l-istadju jkun tajjeb li l-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, tikteb lill-Uffiċċju Konġunt biex tifdi ċ-ċens u tibgħat ukoll kopja ta' l-aħħar irċevuta tal-ħlas taċ-ċens.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjoni għal xiri ta' art/qbiela
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt biex jixtri l-art/qbiela hijiex qed tkun ipproċessata?
Response (BORG, TONIO)
Ma hijiex il-policy tal-Uffiċċju Konġunt li jbiegħ proprjeta` agrikola li tinsab barra ż-żona ta' l-iżvilupp għal bini. L-applikant qed jiġi nfurmat b`dan.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5446 u cioe' jista' ġentilment jgħid kemm hemm nurses u midwives jaħdmu mad-diviżjoni tas-saħħa u mad-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani separatament li ffirmaw u qed isegwu l-kuntratt li jagħmlu numru ta' snin jaħdmu mal-gvern wara li jkunu tħarrġu u ggradwaw mill-Universita' ta' Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' infermiera u qwiebel li jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa li ffirmaw u qed isegwu l-kuntratt li jagħmlu numru ta' snin jaħdmu mal-Gvern wara li jkunu tħarrġu u ggradwaw mill-Universita' ta' Malta huwa 215.
Fid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita' m'hemm ebda infermiera li ffirmaw u qed isegwu tali kuntratt.
Jista' il-Ministru jagħti l-lista ta' 15-il kuntrattur Taljani li wrew interess fil-bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ bil-fondi tal-protokoll Taljan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid lil min ingħatat il-konċessjoni enfitewtika ta' l-istabbiliment tal-gvern Foreste/Numero Uno f'Ta' Qali? Kemm hemm ċens jew kera? U jekk iċ-ċens jew il-kera mhijiex titħallas, kemm ilha ma titħallas u għaliex mhijiex titħallas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istabbiliment tal-gvern Foresta/Numero Uno f'Ta` Qali qatt ma ingħata b'konċessjoni enfitewtika. L-istabbiliment ingħata b'kirja ta' 16-il sena b'effett mill-1 ta' Ottubru 1976. Wara l-iskadenza, il-kirja baqgħet tiġi mġedda kull sitt xhur. Peress li l-istabbiliment huwa effetwat mill-proġett f'Ta' Qali, il-kirja ma ġietx imġedda iżjed wara t-30 ta' Ġunju 2000 biex l-iżgumbrament tiegħu fil-waqt neċessarju jkun jista' jiġi effettwat b'mod aktar faċli. L-inkwilini qegħdin jiddepositaw il-kera l-Qorti.
Il-gvern ma jħossx li għandu joħroġ stqarrija ta' kundanna dwar dak li qed jiġri f'Abu Ghraib, speċjalment fid-dawl tar-rapport li jkexkex tas-Salib Aħmar?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija pubblika li għamel l-Onorevoli Prim Ministru u li xxandret mill-media lokali fuq dan is-suġġett.
Billi ċerti linji ta' l-ajru bħall-British Airways u l-Qantas mistennija flimkien ma' linji ta' l-ajru oħrajn jintroduċu surcharge fuq il-biljetti ħalli jgħaddu ż-żieda fil-fuel cost lill-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hijiex qed tikkonsidra xi passi simili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm flus allokati għas-snin 2001, 2002, 2003 u 2004 għall-mediċini u apparat li jintuża fl-ispiżerija tar-residenza San Vinċenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi li jintefqu għall-mediċini u apparat li jintuża fl-ispiżerija tar-Residenza ta' San Vinċenz de Paul huma nklużi taħt il-vot tal-Goverment Pharmaceutical Services (Vote 44, Recurrent Cost Centre 3) fl-Estimi Ġenerali tal-Ministeru tas-Saħħa.
Kif jispjega l-fatt il-Ministru li ftit ilu informa lill-Kamra li Ms. Susan Mompalao de Piro kellha salarju bħala konsulenta tal-Malta Enterprise, biex imbagħad fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5538 qal li din bħala konsulenta, flimkien ma oħrajn, titħallas biss success fee meta jirnexxielha iġġib xi proġett ġdid?
Response (DALLI, JOHN)
Jiena nfurmat illi, bi żball l-isem tal-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant tqiegħed ma' l-ismijiet ta' konsulenti oħrajn li jitħallsu success fee fit-tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Numru 5538. Fil-fatt, l-informazzjoni li kont tajt oriġinarjament lill-Kamra li s-Sinjorina Mompalao de Piro għandha l-kariga salarjata ta' konsulent mal-Malta Enterprise hija korretta.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu jżomm lid-direttur tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex iżomm appuntament dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament meta diġa' intalab dan l-appuntament fit-23 ta' Settembru tas-sena l-oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Direttur għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jistenna li jirċievi l-informazzjoni mitluba mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali qabel ma jkellem lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Universita' — Akkademja Mediterranja għal studji diplomatiċi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5106, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhuma s-suġġetti li tgħallem l-Akkademja? 2) Kif jintgħażlu l-għallliema ta' l-Akkademja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-suġġetti mgħallma fl-Akkademja huma ir-Relazzjonijiet Internazzjonali, l-Ekonomija Internazzjonali, il-Liġi Internazzjonali u l-Istorja għall-kors tal-M.A. Diplomatic Studies. L-istudenti li jsegwu l-kors tal-M.Dip. jingħataw ukoll taħriġ fil-lingwa Ingliża jew Franċiża u fid-Diplomazija.
Informat ukoll li l-istaff akkademiku li jiġi ngaġġat fuq
contracts of service
huma inizjalment deċiżi mid-Direttur tal-Akkademija u wara approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Akkademija.
Tista' il-Ministru tgħid kemm qed jonfoq flus il-gvern fix-xahar f'assistenza lil dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm swiet l-ispiża matul is-sena 2002 u s-sena 2003?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
DIPARTIMENT TAT-TAXXI INTERNI — AĠEVOLAZZJONI FIT-TAXXA
Question
Jista’ il-Prim Ministru jgħid mis-sena 2002 sal-lum separatament, kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li ngħatat mid-dipartiment tat-taxxi interni f' forma ta’ aġevolazzjoni fit-taxxa għax jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati? Jista’ jgħid ukoll min kien u għadu jikkwalifika għal din l-aġevolazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont ta’ tnaqqis għas-sena 2002 kien ta’ Lm1,081,820. L-informazzjoni għas-sena 2003 tkun magħrufa meta l-formoli tat-taxxa għal din is-sena jkunu pproċessati. Individwi li għandhom uliedhom jattendu skola primarja jew sekondarja privata jikkwalifikaw għal dan it-tnaqqis.
B'referenza għall-mistoqsija numru 4507, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malti hux rikjest f'livell avvanzat? Liema huma dawn il-korsijiet Universitarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malti f'livell avvanzat hu rikjest għal dawk li jridu jistudjawh f'xi degree, bħal fil-B.A. (Hons.) fil-Malti, fil-B.A. fejn il-Malti huwa wieħed minn żewġ suġġetti, fil-B.Ed (Hons.) fejn il-Malti huwa suġġett, fil-B.Communications bil-Malti bħala t-tieni suġġett mal-Communications, fil-B.Laws bil-Malti bħala t-tieni suġġett mal-Liġi u oħrajn. Is-suġġett tal-Malti fil-livell ordinarju hu obbligatorju għall-kull kors fl-Universita'.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq it-traffic lights fit-triq tal-Barrani hekk kif toħroġ miż-Żejtun għadu ma bediex? X'inhu jżomm biex dawn isiru ġaladarba hemm il-permessi meħtieġa aktar u aktar meta kellhom ikunu lesti kważi sentejn ilu? Min se jkun responsabbli f'każ ta' inċident serju tat-traffiku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5100.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola San Ġużepp Ħaddiem ġewwa l-Marsa hux se tingħalaq jew le? Jekk iva, meta se jiġri dan u x'se jiġri mill-istudenti u mill-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva l-iskola San Ġużepp Ħaddiem ġewwa l-Marsa ser tingħalaq minn Settembru 2004. L-istudenti ser ikomplu l-kors tagħhom fiż-żewġ skejjel l-oħra ta' l-istess tip li hemm fil-Floriana u n-Naxxar. L-għalliema ser ikunu allokati fl-iskejjel biex ikomplu fil-qadi ta' dmirijiethom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' STD (mard li jittieħed mis-sess) fl-2003 u fl-ewwel tlett xhur ta din is-sena? Liema tipi ta' mard ġie rrappurtat? Minn dawk il-każi rrappurtati, jista' jgħid kemm kien hemm irġiel u nisa li kienu taħt il-21 sena? Għaliex mhuwiex obbligatorju li dan it-tip ta' mard jiġi rrappurtat uffiċjalment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra standard contract ta meta jinkera post tal-gvern lill-inkwilini, mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Il-'ftehim tal-kirja' għal postijiet residenzjali ssir direttament mad-Direttur tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.