Legislature:
Category:
Reset
Active:

Paradise Bay — Party organizzat fuq art tal-gvern

Question

Billi fuq art tal-gvern preċiżament ġo Paradise Bay se jiġi organizzat party bi ħlas, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' permessi ħareġ il-gvern biex dan isir u kemm tħallas il-gvern biex bajja sħiħa tiġi wżata? Minn x'ħin se jibda u jispiċċa dan il-party?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li saret mal-Pulizija tirrigwarda "lido festival" li ser ikun organizzat nhar it-30 ta' Mejju 2004. Infurmat ukoll illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qegħda tipproċessa talba għal għotja ta' permess għal istess attivita'. Billi ma jirriżultax illi din l-attivita' ser tkun fil-bajja, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar l-attivita' imsemmija minnu, sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.

Pulizija — Liċenzji tal-kaċċa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jistennew biex tinħarġilhom liċenzja għall-kaċċa? Kemm inħarġu liċenzji ġodda s-sena l-oħra u kemm ħarġu din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 302 applikazzjoni għall-kaċċa li qed ikunu proċessati, filwaqt li matul is-sena l-oħra u din is-sena inħarġu 567 liċenzja għall-kaċċa.

Ftehim bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5428, jista' il-Prim Ministru jikkjarifika jekk Malta hijiex se tirrifondi t-taxxa mħallsa f'ras il-għajn 100% jew jekk hijiex se tirrifondi biss il-75% li se tirċievi mill-awtoritajiet ta' Jersey li f'dan il-każ ikun ifisser li l-awtoritajiet Maltin jkunu qegħdin jiffinanzjaw l-amministrazzjoni ta' din il-witholding tax?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bl-istess mod kif japplika fil-każ tal-Bejġju, l-Awstrija u l-Lussemburgu taħt is-Savings Directive, fil-ftehim ma’ Jersey hu propost li Malta trid tagħti kreditu tal-witholding tax kollha li tkun inżammet minn paying agent f’Jersey kontra t-taxxa ta’ Malta li tkun tinkludi t-taxxa fuq l-ammont gross ta’ interessi li fuqu tkun inżammet il-witholding tax f’Jersey u li ndividwu residenti ta’ Malta jiddikjara fil-prospett annwali tat-taxxa tiegħu. Ir-rata tat-taxxa ta’ Malta tista’ titla sa massimu ta’ 35% waqt li l-witholding tax li ser timponi Jersey għall-ewwel tlett snin matul il-perjodu ta’ transizzjoni hi ta’ 15%, ta’ 20% għat-tlett snin ta’ wara u mbagħad ta’ 35% sat-tmiem tal-perijodu ta’ transizzjoni. Hu biss fil-każ fejn il-kreditu jkun iżjed mit-taxxa imposta minn Malta, li l-ammont ta’ l-eċċess ikun irid jiġi rifondut.

Universita' — Lecturers u assistant lecturers

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-lecturers u assistant lecturers fit-taqsima tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li; Hemm 2 full-time lecturers , u 3 full-time u 2 part-time assistant lecturers fid-Dipartiment tal-Psikoloġija tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Hemm 2 full-time lecturers u 5 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni Primarja tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Hemm 3 full-time u 1 part-time lecturers u 8 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment tal-Matematika, Xjenza u Edukazzjoni Teknoloġika tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.
Leg 10 PQ #5618 Sitting 130 2004-05-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Protokoll Taljan

Question

Tista' il-Ministru tikkjarifika r-raġuni għalfejn Għawdex mhux se jibbenefika mill-fondi tal-Protokoll Taljan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li s-settur agrikolu f'Ghawdex se jibbenefika mill-Protokoll Taljan.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Peress illi l-ħaddiema tal-Gozo Ghannel, sepċjalment dawk li jaħdmu fl-art huma esposti ħafna għax-xemx, jista' il-Ministru jara li jiġi fornut sunblock ta' SPF ogħla minn dak li ġie fornut ta' SPF 20?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #5620 Sitting 130 2004-05-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nadur - Triq il-Qala

Question

Peress illi Triq il-Qala fin-Nadur, Għawdex hija f'kondizzjoni ħażina ħafna, peress illi hemm diversi residenti speċjalment anzjani li qed jilmentaw anke minħabba l-ħofor li hemm u kien hemm min waqa' ġo dawn il-ħofor, tista' il-Ministru tara li din it-triq tiġi asfaltata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant isirilha manutenzjoni regolarment biex tinżamm fi stat tajjeb.

Għawdex — Nadur - Triq il-Qala - problemi ta' drenaġġ

Question

Peress illi r-residenti ta' Triq il-Qala, fin-Nadur Għawdex qed jilmentaw minħabba problemi ta' drenaġġ in konsegwenza ta' xogħlijiet f'residenza privata li affettwaw is-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Qala, tant li meta tkun ix-xita jfur id-drenaġġ minn ġol-gandott u jidħol fid-djar, jista' il-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #5622 Sitting 130 2004-05-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xagħra - Għeluq tal-miżbla

Question

Peress li in konsegwenza ta' l-għeluq tal-Magħtab ir-raħal tax-Xagħra jinsab infestat bi ġrieden kbar, li peress li issa m'għandhomx provvista ta' ikel jistgħu jkunu ta' periklu kbir, tista' il-Ministru tgħid x'miżuri qed jittieħdu biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni? Tista' tgħid ukoll jekk sarux xi studji jew ittieħdux xi prekawzjonijiet biex tiġi evitata din l-infestazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #5623 Sitting 130 2004-05-17 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija

Question

Peress illi fil-biċċerija ta' Għawdex hemm container li fih hemm biċċiet tal-laħam tal-bhejjem u peress illi dan qed ikun kaġun ta' intiena li qed idejjaq lir-residenti u l-bdiewa ta' l-inħawi, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Ordni tal-Patrijiet Agostinjani — Kampanja edukattiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-kampanja edukattiva dwar is-sensibilizzazzjoni għall-problema tal-ġuħ fid-dinja, li qed tagħmel l-Ordni tal-patrijiet Agostinjani mal-Ġnus Magħquda?

Response (GALEA, LOUIS)

Fit-23 ta' April, 2004, kelli l-pjaċir nieħu sehem f'attivita' tal-kulleġġ Santu Wistin f'Tal-Pieta' fejn ġew inawgurati Laboratorju tal-kompjuter u ġinnasju. Dakinhar, Dwayne Zahra, wieħed mill-istudenti, f'isem sħabu tal-kulleġġ, għaddieli petizzjoni bħala parti mill-kampanja li qed tagħmel l-Ordni Agostinjan flimkien mal-ġnus magħquda biex titqanqal kuxjenza akbar dwar il-ġuħ fid-dinja. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-petizzjoni u tagħrif ieħor dwar il-kampanja.

Akkomodazzjoni soċjali — Każ dwar requisition order

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-fond indikat mill-Onor. Interpellant għadu rekwiżizzjonat.

Players li jkunu ġejjin mill-EU

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk dawn ir-restrizzjonijiet imposti mill-Malta football association fuq players li ġejjin mill-EU humiex regolari? Jista' ikun li restrizzjonijiet bħal dawn jitfgħu dell ikrah fuq Malta bħala membru sħiħ fil-EU?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Malta Football Association mhix entita' governattiva u għalhekk il-Gvern mhux mgħarraf b'dawn r-restrizzjonijiet imposti minnha.

Players professjonali li jiġu minn pajjiżi ta' l-UE

Question

Għalkemm l-MFA aċċettat li barranin professjonali ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jkollhom il-freedom of movement u dritt għax-xogħol, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jistgħux jirristrinġu xorta numru ta' players fuq il-pitch? Hemm xi forma ta' restrizzjoni li tmur kontra d-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-liġi tal-UE tirregola li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn ċittadini ta' l-UE a'bażi ta' nazzjonalita'. Ma jirriżultaliex li hemm xi restrizzjonijiet bħal dik li qed isemmi l-Onor. Membru. Tlabt li niġi informat b'aktar dettal u f'każ ta' xi tagħrif ieħor nieħu ħsieb ninforma l-Onor. Membru.
Leg 10 PQ #5632 Sitting 130 2004-05-17 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tour companies — Excursions mingħajr gwida

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5224 u jgħidli kemm-il darba l-enforcement section tal-MTA marret u ċċekkjat dawn l-irregolaritajiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, skond ir-regolamenti ta' l-2002 dwar "Operaturi ta' l-Ivjaġġar u l-Operaturi ta' Ġiti Organizzati" (L.N. 129 ta' l-2002), kull ġita organizzata għanda jkollha s-servizz ta' gwida tat-turisti liċenzat (Artiklu 5(4)) u kull ġita organizzata jkollha itinerarju sħiħ (Artiklu 5 (2)). Il-liċenzja li hemm bżonn għal din l-attivita` hi dik ta' "operatur ta' ġiti organizzati", li tinħareġ mill-Awtorita` tat-Turiżmu. L-Enforcement Directorate ta' l-MTA ħadet passi legali kontra ħames operaturi, li organizzaw ġiti f'mini coaches u mingħajr gwida tat-turisti liċenzat. Id-Directorate jesiġi programm sabiex jiċċekja regolarment dawn l-operaturi.

Ħaż Żebbuġ — Mdina Road - twessigħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li Mdina Road, f'Ħaż Żebbuġ fil-parti fejn hemm l-S club 1 ġewwa fejn Cortis hux se tittieħed art fertili tal-bdiewa u raħħala biex titwessa t-triq? Jekk hu minnu jista' jgħid x'kumpens se jiġi offrut lil dawn il-bdiewa u raħħala? Jekk hu l-każ, il-Gvern ħa in konsiderazzjoni fejn se jpoġġu l-bhejjem tagħhom dawk ir-raħħala jekk titwessa' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-ħtiġijiet għat-titjieb fi Triq Mdina f'Ħaż-Żebbuġ qegħdin jiġu riveduti u għalhekk għalissa ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Belt Valletta — Vened tal-karozzini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsiru aktar vened tal-karozzini fil-belt Valletta għaliex m'għandhomx fejn joqogħdu u qed iħarrkuhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi qegħdin isiru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tas-sidien tal-karozzini rigward xi proposti li saru biex il-vened jiġu rilokati. L-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta se jkollha laqgħat dwar dan is-suġġett mal-kunsill lokali tal-Belt sabiex jiġu regolati l-vened meħtieġa fil-Belt Valletta.

CIMU — IT Hardware Projects

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5574 u cioe' billi skond l-istandards taċ-CIMU il-hardware projects ta' l-IT tal-gvern jistipulaw illi jridu jkunu bbażati fuq intel-based kits, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jagħmel kif għamil il-Gvern Franċiż u jneħħi din il-kondizzjoni ħalli jevita anti-trust action min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea billi l-UE hija kontra kuntratti li jispeċifikaw li proġetti ta' l-IT għandhom ikunu speċifikament iddisinjati b'intel processors? Jikkonferma l-Prim Ministru illi l-UE wissiet lill-gvernijiet nazzjonali membri li għandhom jiftħu l-kuntratti ta' l-IT hardwareibbażati fuq chips minn suppliers oħrajn jew inkella jirriskjaw li jieħdu azzjoni bil-qorti kontrihom? Il-Gvern Malti ġie mwissi f'dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 5574.

Foreign Direct Investment

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5455 u cioe' fid-dawl tal-fatt li Malta għandha l-ogħla company tax rate fost il-pajjiżi kollha li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea b'seħħ mill-1 ta' Mejju ta' din is-sena, ma jaħsibx il-gvern li din il-problema għandha tiġi ndirizzata b'sens qawwi ta' prijorita' billi dan jista' ikompli jgerrex l-FDI, il-foreign direct investment, minn pajjiżna? Din l-istatistika tinsab ikkonfermata minn studju li ppubblikaw ERNST & YOUNG is-sena li għaddiet.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għal dik li hi taxxa diretta, Malta topera l-hekk imsejħa full imputation system u ma timponix iżjed taxxa meta profitti ta’ kumpanija jiġu mqassma permezz ta’ dividendi lill-azzjonisti tagħha. Imma hawn ħafna pajjiżi, fosthom anki dawk li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea b’seħħ mill-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, li għandhom il-corporation tax, li hi taxxa fuq il-profitti ta’ Kumpanija li mhix rifuża meta l-profitti jkunu distribwiti u jimponu taxxa oħra fuq l-income net li jiġi mqassam lill-azzjonist. L-Onorevoli Interpellant jifhem li f’dan il-qasam kemmxejn kumpless fejn kull pajjiż għandu sistemi ta’ tassazzjoni distinti u għaldaqstant paraguni bbażati sempliċement fuq rati ta’ taxi jistgħu jwasslu għal konklużżjonijiet errati.