Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qadi tar-Repubblika — Medalja

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'jeddijiet għandhom dawk li jieħdu l-medalja għall-qadi tar-Repubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond Artikolu 14 ta’ l-Att ta’ l-1975 dwar Ġieħ ir-Repubblika, persuna li lilha tkun ġiet mogħtija l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika jkollha l-jedd: (a) li ġġib l-ittri M.Q.R. (Midalja għall-Qadi tar-Repubblika) wara isimha f’kull okkażjoni li l-użu ta’ ittri bħal dawn huma soltu li jintużaw; u (b) li tilbes il-midalja bħala dekorazzjoni skond ir-regoli magħmula taħt l-imsemmi Att.

Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'referenza għad-domanda 5280, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ittra li l-awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bagħtet fil-21 ta' April 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sakemm ma jkunx hemm awtoriżżazzjoni ta’ l-avukat li kiteb f’ isem il-ġirien u li lilhu ntbagħtet ir-risposta mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), ma jidhirlix li għandi npoġġi kopja ta’ din l-ittra fuq il-mejda tal-Kamra.

Isla — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex tissolva il-problema ta' familja minn l-Isla li d-dettalji dwarha qed jintbagħu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex jgħarraf lill-anzjan li d-dettalji dwarhu qed jintbagħtu separatament biex jagħti lura lid-dipartiment is-somma ta' aktar minn Lm2,000?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Djar tal-Gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' armla li hi anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħu separatament, quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'tama hemm li tiġi pprovduta b'post żgħir minħabba li fejn tgħix huwa kbir ħafna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Housing Inspectors

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta ser issir spezzjoni mill-Housing Inspectors tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fil-fond li d-dettalji dwarhu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni ta' l-Investiment — Kopja ta' kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn il-Ministeru tiegħu u l-persuna indikata separatament bħala raprezentant permanenti fl-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Ma nħossx li għandi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt involut. Tajjeb insemmi li d-dettalji tiegħu ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4899.

Safar bejn Malta u Brussell — Rapprezentant permanenti għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-darba il-persuna li bħalissa qed tokkupa l-kariga ta' rapprezentant permanenti għall-Unjoni Ewropea vjaġġat bejn l-1 ta' Marzu u l-15 ta' Mejju 2004, f'liema dati u kemm ġie jiswa lill-Gvern Malti kull vjaġġ?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea ivvjagga 5 darbiet bejn it-23 ta' Marzu 2004, (meta beda mal-Ministeru tiegħi) u l-15 ta' Mejju 2004 kif jidher hawn taħt. Data Vjaġġ Titjira (Lm) Hotel (Lm) 19-22 ta' April Belġju/Malta/Belġju 160.71 25-29 ta' April Belġju/Lussemburgu/ Belġju/Malta/Belġju 160.71 168.00 3-6 ta' Mejju Belġju/Malta/Belġju 160.71 10-11 ta' Mejju Belġju/Malta/Belġju 161.41 It-titjira tal-25 u 26 ta' Marzu saret permezz ta' ajruplan mikri (delegazzjoni tal-Prim Ministru) filwaqt li t-titjiriet l-oħra saru b'titjiriet ta' l-AirMalta. Il-figuri għat-titjiriet taħ l-AirMalta huma kif imnaqqsa b'50 fil-mija.

Rapprezentant permanenti għall-Unjoni Ewropea — Ministerial Lounge

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani skond liema regola jew bil-permess ta' min il-persuna li bħalissa qed tokkupa l-kariga ta' rapprezentant permanenti għall-Unjoni Ewropea qed juza l-Ministerial Lounge?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea juża il-Ministerial Lounge kemm-il darba jkun qed jakkumpanja lil xi Ministru jew Segretarju Parlamentari. Meta jsiefer waħdu, ir-Rappreżentant Permanenti jgħaddi mill-VIP.

Ambaxxaturi — Ħlasijiet għall-ikliet

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kemm ambaxxaturi ġew imħallsa bejn 1 ta' Settembru 2003 u 30 ta' April 2004 mill-Malta Enterprise għall-ikliet f'ristoranti jew fir-residenzi tagħhom? Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' kemm ġiet tiswa kull ikla?

Response (DALLI, JOHN)

Ma kienx hemm ħlasijiet mill-Malta Enterprise lill-ambaxxaturi għall-ikliet f'ristoranti jew fir-residenzi tagħhom.

Malta Enterprise — Ikliet li saru mill-ambaxxaturi

Question

B'referenza għall ikliet li saru mill-ambaxxaturi u li ġew imħallsa mill-Malta Enterprise jista' il-Ministru jinfurmani jekk f'kull kaz kienx hemm talba jew ġewx mitluba d-dettalji skond il-Financial Regulations dwar l-irċevuti u l-ismijiet tal-mistiedna?

Response (DALLI, JOHN)

Ma kienx hemm ikliet li saru mill-ambaxxaturi u li ġew imħallsa mill-Malta Enterprise.

Malta Enterprise — Ħlasijiet ta' Ambaxxaturi

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kemm ambaxxaturi tħallsu bejn l-1 ta' Settembru 2003 u 30 ta'April 2004 mill-Malta Enterprise għall vjaġġi barra mill-posting tagħhom? Jista' f'kull kaz jgħid għal liema destinazzjoni, għal liema raġuni u kemm kienet l-ispiza għall-Mata Enterprise?

Response (DALLI, JOHN)

Bejn l-1 ta' Settembru 2003 u 30 ta' April 2004 ma kienx hemm ħlasijiet mill-Malta Enterprise lill-ambaxxaturi għall-vjaġġi barra mill-posting tagħhom.

Dipartiment tas-Saħħa — Persuni nfettati bl-HIV

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta' persuni li ġew irrappurtati fl-2003 u fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena li għandhom l-HIV? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Kemm kienu barranin? Kemm kien hemm każi ta' nisa u ta' irġiel li huma taħt il-21 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-HIV saret notifikabbli bil-liġi fis-27 ta' Jannar 2004. Għalhekk in-numru ta' persuni li huma HIV positive ma setgħax jiġi determinat bi preċiżjoni sa din id-data. Pero' nistgħu ngħidu li fl-2003, kien hemm 9 testijiet positivi. Dan in-numru ma jeskludix it-testijiet li saru aktar minn darba. Mis-27 ta' Jannar 2004 sa l-aħħar ta' Marzu 2004 kien hemm każ wieħed irrappurtat. Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' w biex nipproteġu l-individwi , informazzjoni fuq l-eta' w is-sess ma tingħatax.

Politika nazzjonali għas-saħħa sesswali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mill-politika tal-gvern biex tiġi żviluppata politika nazzjonali għas-saħħa sesswali f'pajjiżna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa mexxa kumitat li twaqqaf sabiex tinbena Policy nazzjonali għas-saħħa sesswali f'pajjiżna. Din il-Policy ġiet iffinaliżżata s-sena l-oħra u huwa ppjanat li tiġi inawgurata uffiċjalment aktar tard din is-sena. Sadanittant, il-Policy diġa' qegħda tiġi attwata fejn ikun meħtieġ.

Purifikazzjoni ta' l-arja għall-kontroll ta' duħħan tas-sigaretti

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi provi xjentifiċi jeżistu li tagħmir għall-purifikazzjoni ta' l-arja li qed jiġi propost biex jikkumbatti t-tipjip u d-duħħan tas-sigaretti fil-barijiet u ristoranti, eċċ. ineħħu kull effett tat-tipjip passiv fuq il-bniedem, jiġifieri l-ebda velenu ma jibqa' fl-arja għalkemm ikun hemm dan it-tagħmir?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Malta Standards Authority hatret kumitat ta' esperti sabiex flimkien ma' rapprezentanti tad-Divizjoni tas-Sahha, l-GRTU, l-Ghaqdiet tal-Konsumaturi, l-MAM u ohrajn jaghrblu l-provi dwar jekk jezistix apparat li jelimina l-hsara tat-tipjip fl-arja. Mistennija li jsiru laqghat kull gimgha. L-ewwel laqgha saret il-gimgha li ghaddiet.

Bejgħ ta' sigaretti

Question

Issa li ttieħdet deċiżjoni importanti li l-bejgħ ta' sigaretti ma jistax isir lil dawk taħt it-18-il sena, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se titħabbar politika simili dwar l-alkoħol li aktar minn sena ilu kien intqal li qed tiġi mfassla? Japprezza l-Viċi Prim Ministru li x-xorb fost iż-żgħażagħ żdied sew u li allura issa saret ħaġa urġenti għall-politika soda dwar dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jeżisti l-kumitat imwaqqaf fi ħdan il-Ministeru tal-Familja sabiex jagħmel proposti għal kontroll tal-konsum u l-abbuż ta' l-alkoħol. Meta dan, wara l-konsultazzjoni meħtieġa jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, titttieħed deċiżjoni.

Bejgħ ta' alkoħol lil żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li għadu jsir bejgħ ta' prodotti alkoholiċi fi fliexken liż- żgħażagħ għaliex għadu ma sar xejn effettiv biex dan jinżamm? Japprezza li huwa ta' dannu kbir għas-saħħa u l-iżvilupp ta' dawn iż-żgħażagħ jekk ikomplu jixorbu bla rażan?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellat għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5084, ninsab infurmat illi l-pulizija għadha u ser tkompli tagħmel sorveljanza sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż mill-alkoħol minn persuni taħt l-eta'.

Pulizija — Ħlas għal xogħol extra

Question

Jista’il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti minn membri tal-Korp tal-Pulizija dwar li mhux qed isir ħlas f’perjodu qasir għal xogħol extra li jkunu għamlu? Japprezza l-Viċi Prim Ministru li hemm min għandu ħlasijiet x'jagħmel kull xahar u b'hekk jistinka u jaħdem extra biex ikun jista’ jħallas dawn il-ħlasijiet? Għaliex ma ssirx politika stretta li kull minn ikun irid pulizija extra jrid iħallas, ngħidu aħna, kull xahrejn inkella ma jingħatax aktar pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-servizz ta' extra duty isir fuq talba ta' terzi. Għaldaqstant sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp, l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar minn għand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi għalkemm jista' jkun hemm xi dewmien minn xi terzi, il-membri tal-Korp li jaħdmu l-extra ma kull paga jirċievu ukoll regolarment ħlas ta' extra duty li jkunu ħadmu. Tant hu hekk li matul dawn l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena il-membri tal-Korp li ħadmu l-extra tħallsu is-somma ta' Lm257,406.87. Minkejja dan qed isir sforz sabiex kemm jista' jkun l-ammont dovut jinġabar mingħajr dewmien.

Public Service Commission

Question

Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti ħjiel meta se jiġu implimentati mill-public service commission is-sentenzi maqtugħa mit-Tribunal ta’ l-Inġustizzji għar-rigward ta’ l-impjegati tal-qrati tal-ġustizzja li ngħataw rimedji għall-inġustizzji li sofrew fuq il-post tax-xogħol ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ każijiet dwar impjegati tal-Qorti li ġew deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji u li ġew irriferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati minħabba li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma ħassitx li hija f’pożizzjoni li tirrakkomanda l-ħatriet proposti mit-Tribunal.

UE — Kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu kkalkulat li se tkun il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004, 2005 u 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta se tikkontribwixxi sehemha lejn il-budget ta’ l-Unjoni u se tieħu lura wkoll fondi mill-istess budget għal diversi inizjattivi. Ir-riżultat se jkun li Malta se ddaħħal mill-Unjoni aktar milli se toħroġ kif se ngħid: Sena Kontribuzzjoni minn Malta (Lm) Kontribuzzjoni għal Malta (Lm) Bilanċ favur Malta (miljuni) (Lm) 2004 18.33 61.38 43.05 2005 27.50 45.84 18.34 2006 27.91 47.50 19.59 Total 73.74 154.72 80.98 Transitional Facility - 7.625 7.625 Solidarity Fund - 0.400 0.400 73.74 162.745 89.005