Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżbla tal-Magħtab — Radam ta' skart

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5520, jista' il-Ministru jgħid xi sforzi qegħdin isiru sabiex jiġi aċċertat li l-flus dovuti għal radam fil-miżbla tal-Qortin jinġabar peress li matul medda ta' sebgħa snin kull ma nġabar kien biss anqas minn 20% tal-flus dovuti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ġarr ta' skart

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5459 u r-risposta relattiva, peress li minkejja d-diversi kondizzjonijiet li qed jiġu mposti dwar il-ġarr ta' skart fuq il-vapuri tal-Gozo Channel qed ikun hemm riħa insapportabbli, ma jaħsibx il-Ministru li l-iskart għandu jinġarr separatament minn mal-passiġġieri li apparti l-inkonvenjent ta' riħa tinten huwa wkoll degradanti li tivjaġġa ma' l-iskart?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li billi l-vetturi li jġorru l-iskart jinħaslu u jiġu ssiġillati qabel it-tluq mill-impjant, ir-riħa li toħroġ mill-iskart hija minima. Għalhekk mhuwiex ġustifikat li l-iskart jinġarr separatament, sakemm ir-regolamenti u kondizzjonijiet stabiliti mill-Kumpannija Gozo Channel jiġu osservati.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ġarr ta' bhejjem

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 5481 u r-risposta relattiva, jista' il-Ministru jgħid jekk il-bhejjem hux se jinġarru mal-passiġġieri u ma liema traġitt se jinġarru kif ukoll il-frekwenza ta' meta jinġarru l-bhejjem?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ser isir vjaġġ apposta għaċ-Ċirkewwa biex jinġarru l-bhejjem li ser jittieħdu l-biċċerija ta' Malta. Dan il-vjaġġ ser isir kull nhar ta' Ħamis (jew ġurnata oħra kif ikun miftiehem) fl-4.30 ta' fil-għodu.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ħaddiema tal-kafetterija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5471 u r-risposta relattiva, ma jaħsibx il-Ministru li għandu jiġi ċċarat u kkonfermat jekk f'Ottubru hux se jiġi tterminat l-impjieg tal-ħaddiema tal-kafetterija? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-ħaddiema għandhom dritt ikunu jafu l-pożizzjoni tagħhom x'inhi minn issa, jiġifieri hux se jiġu mkeċċija jew le, u mhux jiġu nformati f'Ottubru wara li jkun għadda s-sajf meta jkun hemm l-ikbar ammont ta' xogħol matul is-sena u wara li dawn il-ħaddiema jagħmlu dak ix-xogħol kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li billi n-nies li jaħdmu fil-Kafeteriji ta' fuq il-vapuri tal-Kumpannija Gozo Channel mhumiex impjegati tagħha, il-Kumpanija mhix f'pożizzjoni tgħid jekk l-impieg ta' dawn il-ħaddiema huwiex ser jiġi tterminat jew le.
Leg 10 PQ #5666 Sitting 131 2004-05-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħlijiet fil-korsa ta' Xħajma

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5250 u r-risposta relattiva, b'riferenza għax-xogħlijiet fil-korsa ta' Xħajma ġewwa Għawdex li l-Ministru qed tgħid li swew Lm668 u Lm1,208 rispettivament, tista' il-Ministru tgħid meta u għal xiex intnefqu dawn l-ammonti u tindika item item, x'sar u minn min sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħlijiet li saru fil-Korsa ta' Xħajma huma kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Msida — Post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-informazzjoni msemmija hawn taħt rigward il-post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali ta' l-Imsida li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-05/03/04: i) għaliex ma ngħatax acknowledgement ta' l-applikazzjonijiet mitfugħa? ii) għaliex l-interviewing board ma ntervistax lil kull applikant? iii) xi kriterji uża l-interviewing board fl-għażla tas-segretarju li diġa' qed jokkupa din il-kariga? iv) għaliex għadha ma ħarġet l-ebda notifika lill-applikanti li għal xi raġuni ma ġewx magħżula?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita` legali distinta. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita`.

Freeport — Art li qed tintuża għal ħażna ta' pajpijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid lil min u kemm hu l-valur tal-kirja ta' l-art li saret mill-Freeport għall-ħażna ta' pajpijiet li qegħdin jintużaw għal pipeline tal-gass lejn l-Italja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kirja ta' l-art imsemmija fil-mistoqsija parlamentari ingħatat lill-"Carmelo Caruana Freeport Operations Ltd" b'rata kummercjali. Peress illi l-informazzjoni l-oħra mitluba hija ta' natura kummercjali ma' tistax tingħata.

Arei turistiċi — Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policydwar xogħol ta' kostruzzjoni li jsir f'areas turistiċi matul ix-xhur tas-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-press release maħruġa s-sena l-oħra dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni f'areas turistiċi, liema policy għada tgħodd.

Pulizija — ħruġ ta' visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-pulizija qegħda tagħti l-approval tagħha għall-ħruġ tal-visas mill-Konsulat Malti fil-Libja?

Response (BORG, TONIO)

Talbiet għal visas li joriġinaw mill-Konsulat, fl-Ambaxxata Maltija fil-Libja qed jiġu proċessati mill-Pulizija bl-istess mod kif jiġu proċessati visi li jintalbu mill-Konsulati Maltin li jinsabu f'Ambaxxati oħra, u l-approval jingħata kull meta jkun il-każ.

Commonwealth summit — Task force

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqaf it-task force dwar is-summit tal-Commonwealth li se jsir Malta s-sena d-dieħla? Min huma l-membri tiegħu? Min hu l-kap tat-task force? Kemm-il laqgħa nżammet s'issa?

Response (DALLI, JOHN)

Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Numru 4683 fis-Seduta Numru 110 tal-15 ta' Marzu 2004. Nhar it-Tnejn 10 ta' Mejju 2004, il-Kabinett approva l-ħatra ta' l-Ambaxxatur Salv J Stellini bħala ċ-Chairman ta' l-InterMinisterial Steering Committee li se jieħu ħsieb il-Laqgħa taċ-CHOGN is-sena d-dieħla. Il-Kumitat se jiltaqa' għall-ewwel darba fil-ġranet li ġejjin.

Foreign office — Vacancies għall-first secretaries

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet vakanti għall-first secretaries fil-foreign office? Ir-riżultati ħarġu? Kemm se jinħatru f'din il-kariga?

Response (DALLI, JOHN)

Second Secretaries fis-Servizz Diplomatiku Malti jilħqu awtomatikament First Secretaries wara erbgħa snin servizz fil-kariga ta' Second Secretary, basta jkunu wrew kapaċita' fix-xogħol li jagħmlu. Dawk is-Second Secretaries li jiksbu post graduate degree jitilgħu din it-tarġa wara sentejn flok wara erbgħa. F'kull każ, il-promozzjoni hija awtomatika, u suġġetta biss għal ċertifikat ta' xogħol tajjeb, u mhux għal xi riżultati miksuba f'xi eżami.

Ambaxxata Maltija fil-Libja — Staff complement

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-istaff complement fl-ambaxxata u fil-konsulat tagħna fil-Libja? X'inhuma r-ranks u d-duties ta' l-istaff?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istaff kollu ta' l-Ambaxxata huwa ta' żewġ Maltin (magħrufa bħala MBOs) u seba' persuni ingaġġati lokalment (LEPs). L-istaff tal-Konsolat jikkonsisti fil-Konslu Ġenerali u ħames visa clerks. Ir-ranks u d-dmirijiet huma kif ġej: a) L-Ambaxxatur u l-First Secretary jmexxu l-Ambaxxata; b) Żewġ impjegati fit-tieni grad li huma interpretu/traduttur u l-Assistenta Amministratriċi li tieħu ħsieb iżżomm u tibgħat rendikonti lill-Ministeru tal-ispejjeż varji li jsiru kif ukoll il-preparazzjoni tas-salarji ta' l-impjegati; c) Segretarja ta' l-ambaxxatur li tinsab fit-tielet grad; d) Is-sewwieq ta' l-ambaxxatur li jinsab fir-raba' grad filwaqt li messaġġier/handyman jinsab fir-raba' grad ittra A; e) Domestic servant li jinsab fil-ħames grad ittra A u cleaner li tinsab fil-ħames grad ittra B; f) Il-Konslu Ġenerali flimkien mal-ħames visa clerks (li huma tat-tielet grad) jieħdu ħsieb ħwejjeġ konsolari kif ukoll il-ħruġ tal-visas u passaporti kif ukoll l-awtentikar u legalizzazzjoni ta' dokumenti.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Stedina lill-Israeli Chief of Defence

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ministeru ta' l-affarijiet barranin wassal stedina lill-Israeli Chief of Defence mill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta dwar l-edizzjoni ta' din is-sena ta' canale exercises?

Response (DALLI, JOHN)

"Kif ilu isir għal dawn l-aħħar snin, Malta u l-Italja jorganizzaw flimkien eżerċizi navali magħrufa bħala "CANALE Exercises" bil-għan li jissaħħaħ il-koordinament bejn il-pajjiżi parteċipi f'kontiġenzi marittimi bħal Search and Rescue u interċetazzjoni ta' kutrabandu. Kull darba li dawn l-eżerċizi jsiru f'ibħra Maltin, hija l-prassi tal-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta li jinvita wkoll numru ta' osservaturi minn pajjiżi oħrajn tal-Mediterran. F'dan il-kuntest, il-Ministeru tiegħi wassal stedina tal-Kmandant Malti liċ-Chief of Defence Israeljan biex jipparteċipa f'din il-ħdax-il edizzjoni tal-CANALE Exercises bħala osservatur"

Ħal Qormi — Tkomplija ta' bankina

Question

Jista’ il-Ministru jara li issir it-tkomplija ta’ bankina bejn il-Gate tal-Wands u il-Gate ta’ Posta Ltd f’Ħal-Qormi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat peress li din il-bankina tifforma parti minn arterial road.

Wied Blandun — Tindif tal-Wied

Question

Jista’ il-Ministru jara li jsir t-tindif neċessarju f'Wied Blandun "B"- Raħal Ġdid / Fgura?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-tindif ta' dan il-wied huwa mdaħħal fil-programm tat-tindif tal-widien. Peress li jrid isir tindif ukoll f'Wied is-Sewda - Attard, Wied il-Kbir - Qormi, Marsa Sports Complex, Għajn Riħana - Burmarrad u Wied Baqqija - Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi, it-tindif tal-Wied imsemmi mill-Onor. Interpellant isir wara t-tindif tal-widien msemmija.

Bormla — Dock 1

Question

X'hemm il-ħsieb li jsir f'Dock Number 1 f'Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iżvilupp tal-Baċir Numru 1 fil-kuntest tal-proġett tal-Kottonera qed ikun ikkunsidrat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u huma parti mill-aġenda ta’ proġetti li jkunu segwiti mill-Kumitat tal-Kabinett għall-Proġetti Nazzjonali. Fiż-żmien opportun jitħabbru d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

Gozo Channel — Cargo - Sa Maison

Question

Jista’ il-Ministru jikkonsidra li il-Gozo Channel ma tkompliex tgħabbi l-"cargo" minn Sa Maison izda dan ix-xogħol jibda jsir billi vapuri tal-Gozo Channel jorbtu viċin Ras Ħanzir jew minn post ieħor fil-Port il-Kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Kumpannija Gozo Channel investit billi rranġat il-moll ta' Sa Maison kif ukoll xtrat weighbridge biex tassigura li ma jsirx ħsara fuq il-vapuri tagħha. Id-dħul u ħruġ mill-port ta' Sa Maison huwa aktar effiicjenti minħabba li l-vapuri ġieli jkollhom jistennew wara vapuri oħrajn jekk topera mill-Port il-Kbir. Il-postijiet minn fejn tista' topera ġewwa l-Port huma limitati, u, jekk topera minhemm, iżid il-volum tat-traffiku lejn il-Belt Valletta. Ir-rotta tal-cargo ser tiġi liberalizzata, u għalhekk m'huwiex vjabbli għall-raġunijiet imsemmija hawn fuq li l-Kumpannija tbiddel il-lok minn fejn tagħmel il-vjaġġi tal-cargo.

Exchange bureaux — Tisrif ta' ċekkijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3044, liema mistoqsija ġiet risposta fis-seduta numru 62 u ċioe’ fl-24 ta' Novembru 2003, jista' l-Ministru jindika mill-liema regolamenti u/jew liġijiet jemerġu l-fatti indikati fir-risposta hawn fuq premessa.

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5788, nispjega li l-attività ta’ tisrif ta’ ċekkijiet tinsab inkluża fil-lista ta’ attivitajiet regolati mill-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji 1994, u aktar speċifikament fil-lista maħruġa skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi Att, taħt numri 5 u 7 (a)(b). Ir-restrizzjonijiet imsemmija huma stabbiliti mill-Awtorità Kompetenti fir-rigward ta’ kull istituzzjoni finanzjarja minn żmien għal żmien fil-liċenzja jekk tkun saret talba mill-istituzzjoni nnifisha sabiex tkun permessa twettaq dan it-tip ta’ attività. Għar-rigward tar-regoli dwar il-ħasil ta’ flus, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma marbutin bl-Att ta’ l-1994 kontra Money Laundering u r-regolamenti maħruġin taħtha.