Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar Vjolenza Domestika li ilu li tħejja minn Marzu 2000?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jaħdmu normali dawk li fadal mill-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO u ma ntgħażlux għall-Malta Enterprise? X'sar minn Jannar 2004 sal-lum biex jinstab impjieg alternattiv għal dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-parti d-dejqa fi Triq Ramija, fis-Siġġiewi li ilha biex titwaqqa' u titwessa' is-snin u li hi ta' periklu konsiderevoli, sal-lum għadha ma twessgħetx? Jista' jgħid meta l-fond indikat separatament hu proġettat li jitneħħa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi l-parti tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant qegħda fit-tarf tal-Urban Conservation Area (UCA) u biex din titwessa' trid titwaqqa' binja abitata ta' żewġ sulari. Għalhekk it-twessiegħ ikun jista' isir wara li jinħarġu l-permessi tal-MEPA u tinstab akkomodazzjoni alternattiva għar-residenti ta' din il-binja. Ingħataw struzzjonijiet lill-awtorita' dwar it-trasport biex tissottometti l-applikazzjoni neċessarja għand l-awotrita' ta' l-ippjanar.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol mibdi fi Triq Ta' Karaġ l/o Ħal Għaxaq hux se jiġi fi tmiemu stante illi l-kuntrattur għażaq it-triq u abbanduna kollox għal aktar minn erbat ijiem bil-konsegwenza li l-bdiewa ma jistgħux jużaw l-istess triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi qed isir xogħol fil-lokalita' imsemmija mill-kuntrattur imqabbad mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma sabiex jitqegħdu mains ta' l-ilma. Min-naħa ta' l-awtorita' sar kuntratt mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex din tiżgura li l-kuntrattur ma jgħmilx inkonvenjent.
Għal aktar informazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi lill-ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq is-sit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament humiex kollha koperti bil-permessi? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-iżviluppatur kien u għadu miexi bix-xogħlijiet avolja jaf li ma jistax? X'azzjoni ħadet u se tieħu l-MEPA sabiex dan l-abbuż jieqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien inħareġ permess GDO 1790/99 li jikkonsisiti f' estenzjoni ta’ bini fit-tieni sular (second floor level). Meta saret spezzjoni mill-uffiċjal ta' l-infurzar ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, wara li din kienet rċeviet rapport, irriżulta li x-xogħol ma kienx skond il-permess u għaldaqstant inħareġ 'Avviż biex Tieqaf u tat-Twettiq' ECF 774/03 kontra is-sid. Meta saru spezzjonijiet oħra wara aktar rapporti, ma rriżultax li kien hemm tkomplija tax-xogħlijiet.
B'riferenza għall-bini ta' faċilita' ta' temporary storage fil-Magħtab, jista' il-Ministru jgħid: i) fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta' preparazzjoni ta' dan is-sit? ii) Liema kienu t-tenders li ħarġu għal dawn ix-xogħlijiet u minn min intrebħet it-tender? iii) X'inhu l-valur totali tax-xogħlijiet li saru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
i) Ix-xogħol ta’ preparazzjoni tas-sit f’ Ta’ Żwejra, fil-konfini tas-sit tal-Magħtab, kien jikkonsisti fit-tneħħija tal-materjal depożitat fis-sit matul is-snin l-imgħoddija. Is-sit imbagħad kien imħejji sabiex ikun jista’ jilqa’ skart muniċipali billi tpoġġew materjali bħal ‘geomembranes’, ‘geotextiles’ u ‘geocomposite clay liners’, kif ukoll saffi ta’ ramel u zrar. Dawn huma kollha materjali li jilħqu il-kriterji rikjesti ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-operat ta’ ‘engineered landfills’.
ii) It-
‘tender’
għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu fil-gżejjer Maltin inħareġ fis-sena 2000, proċess li għadu għaddej fir-rigward ta’
Package 2A
. Dan il-pakkett jinkludi l-iżvilupp ta’
‘engineered landfills’
u ż-żewġ konsorzja li kienu ġew
shortlisted
ingħataw l-opportunita’ li jagħtu l-kontribut tagħhom fil-preparazzjoni tas-sit temporanju f’ Ta’ Żwejra. Messrs. Polidano Bros Ltd kellu l-aktar offerta vantaġġjuża u ngħata x-xogħol mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali rigward l-għażla tal-kuntrattur għall-
‘Package 2A’
. Barra minn hekk, WasteServ Malta Ltd ħarġet offerti għall-provvista ta’ ramel tal-franka u ingħatat lil Messrs Bonnici Bros li kellu l-aktar offerta vantaġġjuża. Numru ta’ nġenji li kellhom jintużaw fl-istess perijodu qasir ta’ madwar erba’ ġimgħat inkrew wara talba ta’
quotations.
Għax-xogħol ta’ dawl għas-sigurta’ meħtieġa kienu involuti l-Enemalta u l-kuntratturi li jkunu ngaġġati minn din il-Korporazzjoni skond rati stabiliti.
iii) Il-valur totali tax-xogħolijiet li saru jilħaq is-somma ta’ madwar Lm 450,000.
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar il-pensjonijiet/sistema tal-welfare li saru diversi riferenzi dwaru fil-media din il-ġimgħa, ikkummissjonat lill-World Bank mill-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li dan ir-rapport għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għalissa, meta għadu qed jiġi diskuss bejn is-sħab soċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5617, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-lecturers part-time u full time li huma nvoluti?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li t-tagħrif mitlub hu aċċessibbli bl-aktar mod faċli għall-istudenti tal-fakulta konċernata, m'hiniex nifhem l-interess pubbliku involut biex nirrendi l-ismijiet ta' l-għalliema konċernati pubbliċi bil-mod kif jixtieq l-Onor. Membru. Napprezza jekk jispjegali anke privatament, il-ħtieġa li l-ismijiet ta' nies privati jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5714, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'isimha l-kumpannija li qegħda tiddepożita l-kera l-qorti u min huma d-diretturi tagħha? Jista' jispjega kif il-fond jista' jibqa' f'idejn dawn l-operaturi mingħajr ebda titolu billi l-kirja ma baqgħetx tiġi mġedda wara s-sena 2000? Ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li sakemm dan il-proġett ta' Ta' Qali jitwettaq l-operatur se jibqa' jagħmel negozju f'dan il-fond mingħajr m'għandu titolu validu? Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif għal dan il-fond baqa' ma nħariġx tender ġdid għal erba' snin sħaħ bl-iskuża tal-proġett ta' Ta' Qali li ilu snin sħaħ biex jinbeda u għad m'hemmx ħjiel ta' meta se jinbeda? Jista' jikkonferma li s-sitwazzjoni se tibqa' kif inhi, bl-operatur attwali fil-fond, anke matul is-sajf li ġej? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' jaċċetta li operatur li ma ġġedditlux il-kera erba' snin ilu jibqa' jagħmel użu mill-fond bl-istess kera ta' erba' snin ilu a skapitu ta' terzi interessati li fil-frattemp ma jistgħux jittenderjaw għal dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa issa għadha ma tteħditx deċiżjoni finali jekk il-fond għandux jitwaqqa jew le. F'dan l-istadju u kif isir dejjem, l-ex inkwilin jitħalla jkompli jokkupa il-fond sakemm ikun hemm deċiżjoni finali, imma d-Dipartiment tal-Artijiet ma jkunx jista' jkompli jaċċetta l-kera għax ikun qiegħed jippreġudika il-pożizzjoni tiegħu, meta jiġi biex iġiegħel lill-ex inkwilin joħroġ.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għat-Turiżmu u Kultura — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa għal kiri ta' karozzi mill-Ministeru u mill-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hija kif ġej:
2002
Lm 62,516.70
2003
Lm 73,312.05
2004
Lm 33,109.46
Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Billi ħafna ommijiet f'Birkirkara jaħdmu, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fil-klassijiet tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern ikun hemm xi ħadd li jżomm it-tfal sakemm jibdew il-lezzjonijiet, almenu fit-8.00 a.m. ħalli l-ommijiet jew il-missirijiet ilaħħqu x-xogħol fit-8.30 a.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li taħt l-arranġamenti preżenti mhux possibli titwettaq it-talba ta' l-Onor. kollega ser inżomm is-suġġett fuq l-aġenda tiegħi għal aktar konsiderazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5100, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-proċess biex isiru t-traffic lights fil-junction ta' Triq Tal-Barrani, ma Triq il-25 ta' Novembru, fiż-Żejtun? Min ħa dan ix-xogħol u b'liema prezz? Meta hu maħsub li jibda dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi l-awtorita' dwar it-trasport għamlet l-evalwazzjoni ta' l-offerti li ntefgħu u sar ir-rapport lill-kumitat tal-kuntratti dwar din l-aġġudikazzjoni. Għad m'hemmx deċiżjoni minn naħa tal-kumitat tal-kuntratti dwar il-ħruġ tal-letter of acceptance.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jelenka dawk il-kumpanniji/għaqdiet/organizzazzjonijiet li għandhom jagħtu flus lill-pulizija ta' ħlas extra u x'inhu l-ammont totali ta’ kull wieħed? Jista’ jgħid kemm ilhom biex iħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal bini ta’ skejjel, kulleġġ jew istituzzjonijiet edukattivi oħra? Jista’ jgħid meta saret kull applikazzjoni, minn min, meta saret l-applikazzjoni u fejn hu l-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), hemm 29 applikazzjonijiet validi li d-deskrizzjoni tal-proposta tindika bini jew alterazzjonijiet ta' skejjel, kulleġġi jew istituzzjonijiet edukattivi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet.