Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #5822 Sitting 132 2004-05-24 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Musicians union — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-union tal-mużiċisti? Kemm-il darba ltaqa' magħhom? Jaf meta saret l-aħħar laqgħa ġenerali annwali ta' din il-union? Jista' jgħid kemm hu n-numru tal-mużiċisti (full paid) li jsostnu din il-union?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tas-Sliema — Ħruġ ta' ċitazzjonijiet mill-kunsill lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani kemm-il ċitazzjoni nħarġet mill-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fit-toroq: G. Borg Olivier, Sir L Camilleri, Triq Capua u Trejqet Regina Vittorja bejn Jannar 2004 u t-30 ta' April 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni ta' nfurzar ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' Gvern Lokali. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali tas-Sliema.
Leg 10 PQ #5824 Sitting 132 2004-05-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Servizz ta' xarabank visitMalta

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Malta tourism authority qed toħroġ Lm60 kuljum għas-servizz tax-xarabank visitMalta? Jekk fl-affermattiv, minn liema fond qed jinħarġu dawn il-flus?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma qiegħda tagħmel l-ebda pagament biex jingħata s-servizz tal-Visitmalta. Minn April 2004, ir-responsabilta' li jingħata s-servizz hija kollha kemm hi f'idejn l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Fi kliem ieħor, l-ATP huma responsabbli għall-infieq biex jingħata s-servizz u il-qliegħ li s-servizz jiġġenera jinżamm mill-ATP.

Skejjel — Studenti

Question

No question text.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fuq dan il-kas, l-assistent kap ta' l-iskola kien diġa kellem lill-ġenituri bit-telefon f'żewġ okkażjonijiet. F'dawn it-telefonati ġie spjegat lill-ġenituri x'kien ġara eżatt u x'passi kienu se jittieħdu mill-iskola.

Petizzjoni — Penali tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta' proċessar waslet il-petizzjoni tal-persuna indikata separatament? Japprezza l-Ministru illi jekk l-eżitu tal-petizzjoni ma jsirx b'mod spedit tkun saret inutilment? Peress li l-petizzjonijiet kollha li saru konċernanti nies li kienu l-ħabs minħabba penali tal-VAT, kollha ġew milqugħa u l-persuna indikata hi l-unika persuna li baqgħet il-ħabs, ma jarax li dan jista’ jiġi interpretat bħala ġest diskriminatorju fil-konfront tal-persuna indikata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-petizzjoni indikata tinsab fi stadju avvanzat tal-investigazzjoni. Kull każ huwa investigat individwalment u għalhekk ma jistax jingħad li għax deċiżjoni iddum aktar minn oħra, allura dan għandu jiġi interpretat bħala ġest diskriminatorju, bħalma wieħed ma għandux jaħseb li għax każ kien deċiż favorevolment, allura każ ieħor għandu ikollu l-istess eżitu.

Medigrain — Ġwież- Materja Prima

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li dan l-aħħar il-kumpanija Medigrain qassmet xi ġwież jew materja prima relatati lill-kumpaniji li jipproduċu l-għalf għall-bhejjem, liema ġwież irriżulta ħażin jew ikkontaminat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara li kien hemm rapporti ta indiġistjoni fil-bovini qegħda ssir investigazzjoni jekk dawn is sintomi humiex relatati għall xi mikrobu jew xi problema mal-ġwież

Air Malta — Surcharge fuq biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5716 u cioe', billi ċerti linji ta' l-ajru bħall-British Airways u l-Qantas mistennija flimkien ma' linji ta' l-ajru oħrajn jintroduċu surcharge fuq il-biljetti ħalli jgħaddu ż-żieda fil-fuel cost lill-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hijiex qed tikkonsidra xi passi simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Air Malta qed tevalwa s-sitwazzjoni kemm ekonomika u anke mill-lat kompetittiv u mistennija tittieħed deciżjoni dalwaqt.

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5589 u cioe' jista' jgħid kif intgħażlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intgħażlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 130 għall-istess mistoqsija.

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5588 u cioe' jista' jgħid kemm huma d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 130 għall-istess mistoqsija. (Tweġiba mogħtija: 24/05/2004PM) (Seduta Numru: 132)

Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5590 u cioe' jista' jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 130 għall-istess mistoqsija. (Tweġiba mogħtija: 24/05/2004PM) (Seduta Numru: 132)

Dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart — Vetturi li jġorru l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart għadux jirreġistra vetturi li jġorru l-iskart bħalma kien isir sa ftit tas-snin ilu? Jista' jgħid x'kien id-dħul tal-gvern minn dan it-tip ta' reġistrar tal-vetturi kull sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-entita’ regolatorja f' dak li hu mmaniġġjar ta' l-iskart hi l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għalhekk ir-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart taqa’ taħt din l-Awtorita'. Għal dan il-għan ġew imfassla regolamenti li jikkonċernaw fost ħwejjeġ oħra r-reġistrazzjoni ta' vetturi li jġorru l-iskart. Dawn ir-regolamenti ser jiġu ppubblikati għal kunsultazzjoni pubblika. Rigward il-parti tal-mistoqsija dwar id-dħul fil-passat tal-Gvern mir-reġistrar ta’ dawn il-vetturi, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, li kien responsabbli għad-dipartiment li jiġbor il-ħlas ta’ din r-reġistrazzjoni.

Kuntratturi Taljani — Użu ta' fondi mill-Protokoll Taljan

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, issa li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, tistax tagħti preferenza lill-kuntratturi Taljani għall-użu tal-fondi mill-protokoll Taljan fuq kuntratti li jiswew il-miljuni tal-liri bħalma hu l-bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-offerti pubbliċi kollha ppublikati mill-1 ta’ Mejju 2004 ’il quddiem, jiíifieri mid-data tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ma tista’ tingħata preferenza lil ebda offerent minn l-ebda pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea għar-rigward ta’ sejħiet għall-kuntratti pubbliċi li ħarġu jew se joħorġu minn dik id-data ’il quddiem.

Labar ta' l-insulina

Question

Billi bħalissa il-labar ta' l-insulina tat-tfal 0.25x6 mm huma out of stock u qed jingħataw dawk ta' l-8 mm u billi dawn huma ftit kbar, jistgħu jerġgħu jinġiebu dawk tas-6 mm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern qatt ma kellhom talba biex jinxtraw il-labar ta' l-insulina tat-tfal 0.25x6mm. Id-Dipartiment tas-Saħħa jixtri labar tal-8mm.

Mediċina Plavix

Question

F'każ ta' sitwazzjonijiet fejn pazjenti huma allerġiċi għat-Ticlopedine, jista' isir xi arranġament li l-mediċina Plavix tingħata minflok u jekk le jistgħu l-pazjenti jħallsu d-differenza bejn it-Ticlopedine u l-Plavix u jieħdu l-Plavix b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Saħħa sa issa ma rċieva l-ebda rapport ta' reazzjoni allerġika għall-mediċina Ticlopidine.

Mediċina Aridia — Problemi ta' bone density

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5558 u cioe' jista' jgħid jekk il-mediċina Aridia hijiex tintuża għall-kura ta' persuni li jbatu bi problemi tal-bone density u li tiġi amministrata lilhom intra-venous fl-isptar San Luqa? Kemm ilha tintuża din il-mediċina? Kull pazjent kemm qed jintalab iħallas biex jingħata din il-mediċina? Minn meta bdew jintalbu ħlasijiet? Il-pazjenti kollha qed jintalbu jħallsu? Fuq liema bażi jiġi deċiż min iħallas u min ma jħallasx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-mediċina Aredia ġiet introdotta fl-isptar San Luqa fil-bidu tas-snin 90. Għall-ewwel bdiet tintuża f'pazjenti li jsofru minn Paget's disease. Maż-żmien bdiet tintuża wkoll f'pazjenti li jkollhom livell ta' calcium għoli fid-demm, kif ukoll għal xi pazjenti li kellhom severe osteoporosis. Skond il-protokol stabbilit mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-2002, il-pazjenti ntitolati għal Aredia huma pazjenti li: ibatu minn Paget's disease of bone ; għandhom cancer fil-għadam; żviluppaw osteoporosis minħabba kura ta' xi kundizzjoni li taqa' taħt Schedule V (per eżempju asthma , rheumatoid arthritis , s ystemic lupus , ulcerative colitis , multiple sclerosis ); għandhom livell ta' calcium għoli fid-demm. Pazjenti li jsofru minn primary osteoporosis mhumiex eliġġibli għal din il-kura bla ħlas. Bħal ma ġara f'sitwazzjonijiet simili, id-Dipartiment aċċetta li pazjenti li kienu diġa qed jircievu dan it-trattament qabel ma daħal il-protokol jibqgħu joħduh mill-isptar bla ħlas, pero li pazjenti ġodda ma jibdewx b'dan it-trattament jekk mhux eliġġibli. Il-prezz ta' din il-mediċina huwa bejn wieħed u ieħor ta' LM1 kull mg u d-doża għall-osteoporosis tvarja bejn 30 u 60mg kull erba' jew sitt xhur, skond il-każ.

MEPA

Question

Jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk l-iżviluppaturi humiex jimxu ma' l-obbligi kollha tal-permess tal-MEPA li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret, minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jirriżulta li x-xogħolijiet li għaddejjin fuq is-sit tal-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan, liema xogħolijiet huma komformi mal-kondizzjonijiet tal-permess PA7622/03 maħruġ fit-12 ta' April 2004, u l-pjanti approvati li jiffurmaw parti mill-istess dokument.

Part-time fishermen

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li bħalissa għandhom il-liċenzja ta' part-time fishermen humiex se jidħlu restrizzjonijiet fuqhom fuq il-metodi tas-sajd tagħhom? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' x'metodi se jkun permess għalihom li jużaw fis-sajd tagħhom? Meta huwa maħsub li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti ġodda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bastimenti li llum huma ikklassifikati bħala PTF ser jiġu kklassifikati bħala MFC. Dan iffisser Malta Fisheries Category "C" u dan meta r-regolamenti l-ġodda jitqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra. Din il-kategorija ser tkun mgħarufa bħala dik tas-sajd rikrejazzjonali. Dan huwa l-każ għaliex dawn mhumiex sajjieda full time li jaqbdu l-ħut għall-għixien tagħhom u fuq skala kummerċjali. Ir-regolamenti tal-irkaptu tas-sajd, kemm għas-sajjieda full-time u dawk part-time, fil-preżent qiegħdin jiġu diskussi fil-Bord tas-Sajd u meta din id-diskussjoni tingħalaq, inkun nista’ npoġġi dan ir-regolament fuq il-mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp — Talba għall-bini ta' fabbrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi kkonsidrata t-talba urġenti li għamlet għall-fabbrika l-kumpannija ta' l-għamara li isimha qed jintbagħat separatament, għall-bini addattat ta' fabbrika, li ilha li kitbet liċ-chairman tal-korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp mis-27 ta' Novembru 2003?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.