Legislature:
Category:
Reset
Active:

GM f'Ġinevra — Split vote

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn kien hemm split vote fost il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea fil-GM f'Ġinevra u kif ivvutat Malta f'kull wieħed minn dawn il-każi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onorevoli Membru jkun aktar speċifiku u jindika għal liema fora u għal liema perjodu qed jirreferi.

Ambaxxatur Malti għal Ġinevra — Laqgħa dwar sehem Taiwan f'attivitajiet tal-WHO

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma illi l-ambaxxatur tagħna f'Ġinevra kellu laqgħa mad-direttur ġenerali tal-cultural and economic delegation ta' Taipei dwar sehem Taiwan fl-attivitajiet tal-WHO?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li saret din il-laqgħa

Laqgħa tal-UNRWA dwar ir-rifuġjati Palestinjani f'Ġinevra — Rappreżentazzjoni ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema livell se tkun rappreżentata Malta fil-laqgħa ta' livell għoli tal-UNRWA li se ssir f'Ġinevra fil-bidu ta' Ġunju dwar ir-rifuġjati Palestinjani?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li r-rappreżentanza Maltija għal-laqgħa ta' livell għoli ta' l-UNRWA dwar ir-refuġjati Palestinjani, li se ssir f'Ġinevra fil-bidu ta' Ġunju 2004, għadha qed tkun ikkunsidrata.

UE — Lifting of Arms Embargo lejn iċ-Ċina

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar il-lifting ta' l-Arms Embargo ta' l-Unjoni Ewropea lejn iċ-Ċina?

Response (DALLI, JOHN)

Malta temmen li wasal iż-żmien biex tiġi riveduta l-kwistjoni dwar l-embargu fuq l-esportazzjoni ta' armi lejn iċ-Ċina. Bħalissa l-Unjoni Ewropea qiegħda tistudja din il-materja u Malta, bħala membru hi parti minn dawn id-deliberazzjonijiet.

Fond tal-Gvern — Parti komuni

Question

Tista' il-Ministru tara li jsir upgrading tal-parti komuni fil-fond tal-Gvern li d-dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Persuna Barranija — Permess biex jaħdem Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess lill-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jaħdem hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hija miżżewġa ċittadin Malti u għalhekk tgawdi 'exempt person status', jiġifieri m'għandhiex bżonn permess, la biex toqgħod u lanqas biex taħdem hawn Malta.

Persuna marida — Post tal-Gvern

Question

Tista' il-Ministru tintervjeni personalment sabiex persuna marida li se tispiċċa barra fit-triq b'konsegwenza li twaqqaflu ir-relief jiġi pprovdut b'post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.

Upgrading ta' Żona tal-Qasam tal-Bini tal-Gvern — Rnella

Question

Tista' il-Ministru tara li jsir up-grading ta' żona tal-Qasam tal-Bini tal-Gvern (Rnella)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-kunsiderazzjoni meħtieġa.

Familja minn Ħal Luqa — Kont għoli

Question

Jista' il-Ministru jara li l-kont ta' familja minn Ħal Luqa li d-dettalji dwarhu qed jintbagħtu separatament jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li huma qed jallegaw li qed jiġi għoli ħafna u jħossu li l-ilment tagħhom ma l-awtoritajiet qed jiġu injorati?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mhux minnu li l-ilment tal-konsumatur imsemmi kien injorat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Fuq talba tal-konsumatur, il-meter ta' l-ilma inbidel u rriżulta li dan ma kienx difettuż. F'Novembru 2003, il-Korporazzjoni kienet bagħtet tekniku jinvestiga dan l-ilment wara li l-konsumatur baqa' jinsisti permezz ta' l-avukat tiegħu li l-meter ta' l-ilma tiegħu kien difettuż. Irriżulta li l-konsumatur imsemmi kellu flushing difettuż fis-sistema interna tiegħu u dan kien qed ifur kontinwament għal ġol-WC. Fl-1 ta' Dicembru 2003, ic-Chairman ta' l-KSI kiteb lill-Avukat ta' dan il-konsumatur u nformah b'dak li kien irriżulta u li għaldaqstant il-konsum ta' l-ilma għoli rreġistrat kien responsabbli għalih il-konsumatur innifsu. Ma jidhirx li kien hemm xi problemi fil-kont ta' l-elettriku.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? X'tama hemm li din il-familja ta' ħamsa li jgħixu f'żewġ kmamar jiġu pprovduti akkomodazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Roving ambassador for foreign investment

Question

Jikkonferma l-Ministru dak li wieħed mill-ambaxxaturi tal-poplu Malti qed jgħid ma kulħadd u ċioe' li ser isir roving ambassador for foreign investment? Jista' il-Ministru jgħid meta ser jieħu din il-ħatra?

Response (DALLI, JOHN)

M'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li kien ta lil din il-Kamra l-predeċessur tiegħi għal Mistoqsija Numru 4819. Madankollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jogħġbu jiżvela miegħi l-isem ta' dan l-individwu li allegatament qed jgħid dan id-diskors, inkun nista' ninvestiga aħjar.

Żejtun — Akkwist ta' art

Question

B'riferenza għall-avviż Nru 479 li deher fuq il-gazzetta tal-Gvern, ħarġa tal-10 ta' Mejju 2004 u li jikkonċerna akkwist ta' art fiż-Żejtun, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid għal liema skop pubbliku se tintuża din il-biċċa art? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' l-art in kwestjoni u fejn tinsab eżatt din l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art fiż-Żejtun murija bl-aħmar fuq il-pjanta L.D. 114A/98 li ġiet dikjarata meħtieġa għall-skop permezz tal-Avviż Nru. 479 datata 10 ta' Mejju 2004, ġiet akkwista mill-Gvern għat-twessiegħ tat-triq. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta hawn fuq imsemmija.

Ħal Kirkop — Housing units

Question

Tista' il-Ministru ġentilment tgħid x'tip ta' housing units (flats, maisonettes, etc) qed tippjana li tibni l-awtorita' tad-djar u li għalihom diġa' saret applikazzjoni lil MEPA f'Ħal Kirkop? Tista' tgħid f'liema toroq huma ppjanati li jinbnew dawn il-units u kemm se jkollu units kull blokk? Għal min huma targeted?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hemm is-segwenti sitt applikazzjonijiet mill-Awtorita' tad-Djar pendenti ma' l-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar dwar żvilupp ta' housing f'Ħal Kirkop. Full development application: 10 appartamenti u 11-il garaxx f'Valletta Road Outline development application: 6 appartamenti fi Triq ta' Fieres 11 'l appartament u 12-il garaxx fi Triq ta' Fieres 17 'l appartament u 15-il garaxx fi Triq ta' Fieres 46 appartament, 46 garaxx u 5 ħwienet fi Triq Salvu Sacco 57 appartament, 65 garaxx u 3 ħwienet fi Triq San Pietru Il-units mibnija mill-Awtorita' jew jinħarġu għall-bejgħ b'sussidju u jiġu allokati skond kriterji li jiġu ppublikati ma' kull ħarġa jew jiġu mgħoddija lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jingħataw b'kera.

Liġijiet Maltin dwar is-servizzi tal-qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġew inkorporati l-aħħar l-emendi li saru għal Kap 12 tal-liġijiet ta' Malta fuq il-website dwar is-servizzi tal-qrati? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li jekk il-website imsemmi ma jiġix aġġornat immedjatament kif jiġu approvati l-emendi, id-dewmien jista' ikun ta' diżgwid għal min jirriferi għal-liġijiet sew avukati u kif ukoll ċittadini oħra? Jista' jara li jingħataw direttivi biex l-emendi jiġu mdaħħla fil-liġijiet appena jkollhom l-approvazzjoni tal-President?

Response (BORG, TONIO)

L-aħħar darba li l-Kapitlu 12 ġie emendat kien permezz ta' l-Avviż Legali 383 ta' l-2003. Jekk, minn banda l-oħra l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-regolamenti li saru dan l-aħħar taħt il-Kapitlu 12, dawn ġew inkorporati fil-website ftit wara l-1 ta' Mejju. Naqbel ma' l-Onor. Membru li jekk il-website ma jiġix aġġornat jista' jinħoloq diżgwid, madankollu ta' min jgħid li fil-website tal-Ministeru hemm disclaimer li jgħid li dak li jidher fil-website mhux kunsidrat bħala verżjoni uffiċjali tal-Liġijiet ta' Malta. Leġislazzjoni sussidjarja għadha qed tiġi kompilata qabel titpoġġa fuq il-website. Il-website tiġi aġġornata mhux iktar tard minn ħamest'ijiem minn meta jsiru emendi skond ftehim li kien intlaħaq mal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li bħalissa qed tokkupa l-kariga ta' rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea vjaġġat bejn Malta u Brussell bejn l-1 ta' Marzu u l-15 ta' Mejju 2004, f'liema dati u kemm ġie jiswa lill-gvern Malti kull vjaġġ?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Numru 5806.

Rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jinformani skond liema regola jew bil-permess ta' min il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li bħalissa qed tokkupa l-kariga ta' rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea qed tuża VIP lounge ministerjali?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Numru 5807.

Ambaxxaturi — Ikliet imħallsa mill-Malta Enterprise

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm ambaxxaturi ġew imħallsa bejn l-1 ta' Settembru 2003 u t-30 ta' April 2004 mill-Malta Enterprise għall-ikliet f'ristoranti jew fir-residenti tagħhom? Jista' jagħti breakdown ta' kemm ġiet tiswa kull ikla?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Numru 5808.

Amabaxxaturi — Ikliet imħallsa mill-Malta Enterprise

Question

B'riferenza għall-ikliet li saru mill-ambaxxaturi u li ġew imħallsa mill-Malta Enterprise, jista' il-Ministru jinformani jekk f'kull każ kienx hemm talba jew ġewx mitluba d-dettalji skond il-Financial Regulations dwar l-irċevuti u l-ismijiet tal-mistiedna?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Numru 5809.