B'referenza għall-mistoqsija numru 4506, jista' il-Ministru jgħid x'ġie kunsidrat f'livell ta'Ministeru? X'kien ir-rizultat tal-kunsiderzaajonijiet li saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li f'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3668, inkun nista' nitlob tagħrif partikolari jekk l-Onor. Membru għandu xi każ partikolari li jixtieq jindaga dwaru.
Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Persuni li joffru għajnuna lil tfal bid-dyslexia
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li jaħdmu biex jgħinu lit-tfal bid-dyslexia? Kemm minnhom jaħdmu f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 6 għalliema li jaħdmu mat-tfal bid-dyslexia. Kollha jaħdmu f'Malta iżda dawn jżuru tfal u skejjel f'Għawdex minn ħin għall-ieħor.
Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Educational Psychologists
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm educational psychologists fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Fil-qosor, jista' jgħid x'ħidma qed iwettqu dawn in-nies?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Kotba għall-istudju tal-Matematika
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intbagħtu kopji ta' sensiela ta' kotba għall-istudju tal-Matematika għal skop ta' edukazzjoni lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Min bgħathom u kemm kien il-prezz li ġie kkwotat? Jista' jgħid liema sensiela ġiet magħżula jew f'liema stadju wasal dan il-proċess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li intbagħtu disgħa kopji ta' sensiela ta' kotba għall-istudju tal-Matematika għal skop ta' evalwazzjoni lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn il-kotba qed jiġu evalwati iżda deċiżjoni finali għadha ma ttieħditx.
Informat ukoll li mhux possibli li jingħad min bgħat dawn il-kotba u kemm kienu l-prezzijiet kkwotati peress li din l-informazzjoni hi waħda ta' natura kummerċjali.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4641 u cioe' jista' jgħid x'inhi l-politika tal-gvern fuq il-persuni b'diżabilita' u l-edukazzjoni? Hemm xi dokument li fuqu hemm miktuba din il-politika? Jekk iva, jista' ipoġġi dan id-dokument fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-politika tal-gvern fuq il-persuni b'diżabilita' u l-edukazzjoni hija dik ta' Inklużjoni. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument "Inclusive Education - policy regarding students with a disability" li kien ġie pubblikat f'Lulju 2000.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan lokali tan-naħa t'isfel ta' Malta? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien u xi kriterju ntuża sabiex ġie deċiż li dan il-pjan jiġi rivedut l-aħħar wieħed?
Jista' jgħid x'rimedji jew proċeduri jistgħu jintużaw sakemm dan jiġi finalment approvat f'każ ta' xi applikazzjonijiet li jeħlu minħabba dan il-pjan lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Pjan lokali jinsab fi stadju avvanzat iżda għad hemm proċedura ta' konsultazzjoni nterna li trid issir qabel l-abbozz tal-pjan jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex japprova li joħroġ għal konsultazzjoni pubblika.
Il-proċedura meta f’ applikazzjoni jkun hemm konsiderazzjoni ta’ xi Pjan Lokali hi li l-applikant jiddeċiedi bi qbil mal-MEPA li tinżamm id-deċiżjoni sakemm jiġi approvat il-Pjan Lokali.
Il-kriterji li ntużaw minn dik li kienet l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar biex ġie deċiż l-ordni li fih għandu jibda x-xogħol fuq il-pjanijiet lokali kien hekk :-
Il-Pjan Lokali tal-Bajja ta' Marsaxlokk kien l-ewwel pjan bħala pilot project.
Il-Pjan għall-Port il-Kbir kien it-tieni minħabba l-aspett ta' riġenerazzjoni.
Il-Pjan Lokali għall-Portijiet ta’ t-Tramuntana minħabba l-pressjoni għall-iżvilupp f' area prattikament urbana.
Il-Pjanijiet Lokali għall-Majjistral ta' Malta u għal Għawdex u Kemmuna minħabba l-aspett rurali li kellu jiġi protett.
Il-Pjanijiet Lokali għaċ-Ċentru ta' Malta u dak għan-Nofsinhar ta' Malta inbdew flimkien iżda dan ta' l-aħħar kien waqaf għal xi żmien minħabba nuqqas ta' riżorsi u xogħol fuqu reġa’ nbeda fil-2001.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ individwi, kemm ta’ natura fiżika kif ukoll ta’ natura ġuridika li bbenifikaw mill-iskema ta’ tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali in konnessjoni ma’ VAT 95 u CET huwa kif íej:
VAT 95 - 3,330
CET - 4,046
Total - 7,376
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riżultat ta’ l-iskema ta’ tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali in konnessjoni ma’ VAT 95 u CET l-ammont globali li nħafer mid-Dipartiment huwa kif ġej:
VAT 95 - Lm3,018,398
CET - Lm2,160,407
Total - Lm5,178,805
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum? kemm minn dawn huma nisa, irġiel u miżżewġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li peress li l-Għajnuna Soċjali tingħata fuq bażi ta' household ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' membri f'dik il-household u lanqas tas-sess ta' dawk li jikkomponu l-household. Biex tinġabar tali statistika jkun jeħtieġ li ssir verifika ta' kull każ individwalment. Eżerċizzju bħal dan jirrikjedi ħafna ħin u użu ta' riżorsi li għandhom ikunu utilizzati biex jinħadmu u jitħallsu talbiet għall-benefiċċji u pensjonijiet.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' benefiċjarji tad-diversi tipi ta' Għajnuna Soċjali fl-aħħar ta' Marzu 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol din is-sena u għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar sa' April 2004 inqatgħu 440 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mill-440 persuna, 125 persuna nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 188 persuna rrifjutaw opportunita' ta' xogħol filwaqt li 127 persuna rrifjutaw opportunita' ta' taħriġ.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn familji jgħixu fuq ir-relief illum? Kemm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ispjegazzjoni li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5607, f'din l-istess Seduta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' households li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali f'Dicembru ta' dawn l-aħħar ħames snin u f'Marzu 2004.
Sigurta' Soċjali — Tfal li jgħixu ġo single parent families
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn tfal jgħixu ġo single parent families illum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond ir-rekords tal-benefiċjarji taċ-Children's Allowance, hemm 2,978 tfal jgħixu ma' ġenitur mhux miżżewweġ u 5,871 jgħixu ma' ġenitur separat.
Jista' il-Ministru jelenka liema proġetti se jsiru fit-tliet snin li ġejjin mill-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera? X'inhi s-somma li qed ikun stmat li jqum kull proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bħalissa qed jiġi diskuss il-progamm tat-tlett snin li ġejjin u meta jkolli l-informazzjoni meħtieġa nkun f'pożizzjoni aħjar li nirrispondi lill-Onor. Interpellant. Nixtieq inżid li bħalissa qed isir xogħol fuq il-Birgu Masterplan, electrical and installation works fi Pjazza Santa Margherita, xogħol ta' pavimentar fi Triq San Mikiel, xogħol ta' restawr f'St. Anne Gate - Senglea, flood lighting f'St. Angelo u xogħlijiet oħra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-eżitu wara l-ispezzjoni li saret fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minn uffiċjali ta' l-awtorita' tad-djar għall-iskema care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li tikkunsidra t-talba, mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Issa ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi preparat tender document dwar ix-xogħolijiet neċessarji.
Jista' il-Ministru jagħti figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol lokal b'lokal għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, u April 2004 kif ukoll għall-istess xhur tas-sena 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab informat ukoll li l-figuri għax-xahar ta' April 2004, għadhom ma ġewx ippublikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ħaddiema ex-MDC li issa ġew seconded mal-M.I.P.?
Response (DALLI, JOHN)
Għal dak li jirrigwarda x-xogħol li jagħmlu dawn l-impjegati, dawn jaqgħu taħt id-direzzjoni tal-Management ta' l-M.I.P.
Is-salarju, bonuses, eċċ - dan kollu għadu responsabbilta' tal-Korporazzjoni Maltija għall-Intrapriża, li minn naħa tagħha titlob lill-M.I.P. għal reimbursement.