Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'sens jagħmel li permessi tal-ħwienet fil-lokalita' ta' Bormla, Isla u Birgu jħallsu daqs liċenzji f'lokalitajiet u toroq aktar kummerċjali bħal The Strand, Gżira, Msida Sea Front, Valley Road, Birkirkara, eċċ.? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħlas f'ċerti lokalitajiet jiġi ridott?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħlas tal-permessi tal-ħwienet huwa bbażat fuq kriterji elementari fir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Pulizija (l-ewwel skeda Taqsima II). Fil-fatt huwa biss Pjazza Gavina Gulia, Pjazza Paolino Vassallo, il-Moll ta' Bormla u l-inħawi tal-knisja ta' San Pawl, Bormla li qedgħin fil-lokalita' C li tinkludi wkoll it-toroq l-oħra imsemmija mill-Onor. Interpellant. Il-lokalitajiet ta' l-Isla u l-Birgu jinsabu fil-lokalitajiet D.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5573, tista' il-Ministru tara li tinħareġ id-derequisition u naturalment l-inkwilini jibqgħu jgħixu hemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma rċieva ebda talba biex il-post indikat mill-Onor. Interpellant jiġi direkwiżizzjonat.
Jista' il-Ministru jgħid jew jikkonferma jekk hux veru li fil-każ tal-graphic design billboards li jirrikjedu l-permess tal-MEPA, hix ukoll se tkun l-istess MEPA li tiddeċiedi min se jkun il-kuntrattur partikolari li jagħmel dawn l-istess billboards? Jekk fl-affermattiv, min hu dan il-kuntrattur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija nvoluta biss fil-ħruġ tal-permess fuq is-siti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex ir-responsabbilta' tad-dipartiment tas-saħħa li jara li l-ħamiem ma jitħallewx itiru matul il-ġurnata kollha fuq djar tan-nies meta hemm persuni li jkunu qed irabbu dawn l-istess ħamiem? Konxju l-Ministru mill-fatt li dawn il-ħamiem iħammġu fuq id-djar u l-bjut tan-nies b'dannu għas-saħħa ta' l-istess residenti? Jista' jinvestiga l-każ ta' numru ta' ħamiem li qed jitħallew liberi matul il-ġurnata kollha fl-inħawi ta' Triq l-Imnajjar, f'Birkirkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Le m'hijiex ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' il-Ministru jara li ssir it-tkomplija ta' bankina bejn il-gate tal-Wands u l-gate ta' Posta Ltd f'Ħal Qormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat jekk issir il-bankina fit-triq li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ikollu jitneħħa l-parking li hemm quddiem il-Maltapost għaliex il-wisgħa tat-triq ma jippermettix li jkun hemm bankina u street parking.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol f'Wied is-Sewda, f'Ħ'Attard? X'se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Kemm se jkun jiswa flus biex jitlesta dan it-tindif?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq Wied is-Sewda nbeda fis-16 ta' Frar 2004. Beda t-tindif u s'issa tneħħew mal-500 tunellata ta' materjal. Barra minn hekk saret twittija fil-wied sabiex b'hekk ġew iffurmati passaġġi minn fejn l-inġenji jkunu jistgħu jgħaddu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol f'Wied Baqqija f'Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi? X'se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Kemm se jkun jiswa flus biex jitlesta dan it-tindif?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li minħabba prijoritajiet oħra, ix-xogħol f'Wied Baqqija f'Ħaż-Żebbuġ/Siġġiewi ser isir aktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u cioe' jista' jara li jkun hemm mezz sikur, forsi permezz ta’ traffic lights jew pellican lights, biex residenti jkunu jistgħu jaqsmu mill-inħawi ta’ Triq s-Serkien għall-inħawi ta’ Triq Nerik Sacco fil-Marsa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li diġa' hemm pelican crossing viċin il-lokalita' indikata. Għalhekk mhux possibbli li jsir pelican crossing ieħor fl-inħawi. Madanakollu, id-direttorat tat-toroq ħaseb biex tinbena subway f'din il-lokalita'. Ix-xogħol mistenni jinbeda hekk kif jiġu riżolti xi problemi amministrattivi bejn id-direttorat tat-toroq u l-kumpannija li ġiet allokata t-tender. Dawn il-problemi rriżultaw wara tibdil mill-awtorita' ta' l-ippjanar fil-pjanti oriġinali.
B'riferenza ghall-mistoqsija parlamentari 22526 li kont għamilt f'Jannar 2001 fil-leġislatura l-oħra dwar il-ħtiega ta' traffic island fil-junction ta' fejn Triq Strejnu tingħaqad mal-bypass li nfetħet snin ilu fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jispjegali għalfejn din it-traffic island baqghet ma saritx meta din il-junction tant hi perikoluza?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi meta x-xogħol kien se jsir minn naħa tad-direttorat, il-kunsill tal-lokal ma qabilx għax kienu se jiġu effettwati entraturi tal-proprjetajiet privati fil-lokal. Għalhekk minflok inbniet it-traffic island, saret iż-żebgħa ma l-art biex tkun ta' gwida għal min jgħaddi mil-lokalita'.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex jirranġa l-aquaducts li jinsabu fir-Rabat, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u r-Rabat? X'tip ta' irranġar se jsir? Kemm se jieħu żmien biex ikun komplut il-proġett? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Ma liema kunsilli saru taħditiet dwar dan il-proġett u x'tip ta' ftehim sar ma kull kunsill?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dan il-proġett jinkludi tindif tal-ġebla, tneħħija ta' tikħil , bħalma huwa cement, ftuħ ta' fili u tberfil b'taħlita addatta, trattament u tneħħija ta' ħaxix ħażin, imsiemer, wires, cables, papijiet u kull tip ta' materjal ieħor li ma' tul iż-żmien kienu twaħħlu mal-monument. Barra minn dan ser isir ukoll il-pavimentar madwar l-arkati kif ukoll sistema gdida ta' dawl.
Il-proġett ta' restawr (pointing, tindif u bdil ta' ġebel) tal-monument huwa ppjanat li jsir fi żmien sena u l-ispiża hija stmatha madwar Lm40,000 fuq il-materjal, li ser tiġi ffinanzjatha mill-Kunsilli Lokali. Il-labour cost ta' madwar Lm100,000 qed jiġi offrut mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. L-istima ta' l-ispiża tal-pavimentar u ta' l-istallazzjoni tad-dawl għad trid tinħadem'
Ix-xogħol ta' restawr inbed fis-17 ta' Mejju, 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi liema art hija pubblika u liema mhijiex madwar ix-Xatt tal-Bajja Spinola sal-Cavalieri Hotel? Jista' jgħid liema mill-art pubblika hija mikrija u liema mhijiex? Jista' jgħid ukoll, f'kull każ, għal liema skopijiet hija mikrija l-art mill-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art mhix żviluppata imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija kollha kkunsidrata bħala proprjeta' tal-Gvern. Hemm kawża pendenti quddiem il-Qorti fuq parti minn din l-art peress li hemm allegazzjoni minn terzi li din l-art hija tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumpannija sussidjarja ta' l-arrow group, jiġifieri l-Arrow Pharm. Malta Ltd., bdietx l-operazzjoni tagħha f'Malta? Jista' jgħid meta u kemm qed timpjega ħaddiema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Arrow Pharm Malta Ltd. ingħatat liċenzja biex topera f'Malta. Nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi lill-Ministru kkonċernat dwar jekk bdietx topera u kemm qed timpjega nies.
Jista' il-Ministru jgħid jekk persuni morda bil-parkinson's disease b'mod akut u li huma dipendenti fuq persuni oħra li ma jkunux il-ġenituri, jiġux konsidrati u jkollhomx dritt li jinżammu u jgħixu f'xi waħda mid-djar tal-gvern b'mod permanenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dħul ta' persuni fid-djar tal-gvern jiddependi mill-assessment mediku u soċjali li jsir wara li tkun intbagħtet l-applikazzjoni.
Sigurta' soċjali — Persuni li jduru b'persuni morda bil-parkinson's disease
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk persuni (mhux il-ġenituri) li jieħdu ħsieb persuni morda bil-parkinson's disease b'mod akut jikkwalifikawx għal xi tip ta' servizz soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi għal żewġ tipi ta' għajnuniet lill-persuni li jieħdu ħsieb persuni anzjani u morda. Dawn huma l-Pensjoni tal-Wens u l-Għajnuna Soċjali għax-Xebbiet. Fiż-żewġ każijiet il-persuna marida jew anzjana trid tkun qariba ta' dik li tkun qed tieħu ħsieba. Fil-każ tal-Pensjoni għall-Wens, il-kundizzjoni medika tal-pazjent trid tkun tali li tirrendieh bedridden jew f'wheelchair.
Jista' il-Ministru jinformani kemm intnefqu flus f'asfaltar tat-Triq Karmelo Ritchie, fix-Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi x-xogħol fi Triq Karmelo Ritchie kien maqsum f'żew/ kuntratti, part 1 u part 2. Dan ixx-ogħol kien jinvolvi tqattiegħ ta' blat u materjal u twittija tat-triq skond il-livelli tal-MEPA, bankini ġodda, 60 metri main ġdid tad-drenaġġ, tqegħid ta' żrar type 1 u 80mm base/wearing course. Dan ix-xogħol kollu ġie jiswa Lm18,300.00.
Jista' il-Ministru jinformani kemm intnefqu flus f'asfaltar tat-Triq Carmelo Penza, fix-Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi x-xogħol fi Triq Carmelo Penza kien jinvolvi tqattiegħ ta' blat u materjal u twittija ta' triq skond il-livelli tal-MEPA, bankini ġodda, main u house connections ġodda ta' l-ilma, tqegħid ta' żrar type 1 u 80mm base/wearing course. B'kollox dan ġie jiswa Lm8,738.00.
Jista' il-Ministru jinformani dwar żviluppi fi Triq il-Mulett fix-Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi għalkemm fi Triq Mulett ilu li beda l-iżvilupp u hemm bosta familji joqogħdu f'din il-lokalita', għad ma sarx żvilupp biżżejjed biex din it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Jista' il-Ministru jinformani dwar żviluppi fi Triq A G Chesney, fix-Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi għalkemm fi Triq A G Chesney ilu li beda l-iżvilupp u hemm bosta familji joqogħdu f'din il-lokalita', għad ma sarx żvilupp biżżejjed biex din it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Jista' il-Ministru jinformani jekk il-kunsill lokali tax-Xgħajra applikax għall-iskema ta' Lm75,000 għall-asfaltar ta' toroq u jekk iva, liema huma dawk it-toroq li applika għalihom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li l-kunsill lokali tax-Xgħajra applika biex isir xogħol fi Triq l-Awrat, Triq Kolu Vella u parti minn Triq il-Fabbriki. Din il-proposta għadha qegħda tiġi evalwata.