Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezzijiet ta' l-ikel

Question

B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tas-Sirloin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5848.

Prezzijiet ta' l-ikel

Question

B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-perzz tal-Fillet minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5848.

Prezzijiet ta' l-ikel

Question

B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-ġobon cheddar ta' l-Awstralja minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.

Prezzijiet ta' l-ikel

Question

B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-butir ta' l-Awstralja minn pajjiżi ta' l -Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.

Ministeru tal-Familja — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tagħha, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li hija responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Malta Enterprise — Proġetti

Question

Peress li riċentement tħabbar illi l-Malta Enterprise approvat numru ta' proġetti, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' proġetti ġew approvati? Dawn ingħataw premises minn fejn joperaw? L-imprendituri responsabbli mill-proġetti se jġibu finanzjament huma jew se jirċievu finanzjament lokalment? Kemm huwa l-investiment totali ta' dawn il-proġetti? Meta se jkunu joperaw dawn il-proġetti? Dawn il-proġetti huma export orientated? X'inhuma l-inċentivi li se jirċievu dawn il-proġetti?

Response (DALLI, JOHN)

L-approvazzjoni ta' proġett ifisser li l-applikazzjoni tkun għaddiet mill-ewwel proċess u li jkun għad fadal xi jsir biex tibda topera. Naturalment kull proġett għandu l-partikularitajiet tiegħu u mhux xieraq li noqogħdu nagħtu d-dettalji mitluba.

Gżira — Triq Upper St. Albert - pressa baxxa ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed iwassal li jkun hemm pressa baxxa ta' ilma f'Upper St. Albert Str, Gżira? Meta se tiġi rrimedjata din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tinvestiga dan l-ilment u se tagħmel l-almu kollu tagħha biex issolvi l-problema ta' pressa baxxa fit-triq imsemmija (Upper St. Albert).

Uffiċċju Konġunt — Kuntratt ta' residenza privata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' l-inkwilin ta' post ta' l-uffiċċju konġunt li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin li rrefera għalih l-Onor. Interpellant sejra tiġi proċessata fl-iżjed żmien qasir possibli.

Birgu — Fond li jinsab f'periklu strutturali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5282, tista' il-Ministru tgħid x'indika l-perit tal-gvern mill-ispezzjoni rigward saqaf li jinsab f'periklu? Meta se jibda x-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-soqfa tal-kuritur u l-intrata fil-post indikat iridu jinbidlu. Sakemm isiru dawn it-tiswijiet wara sejħa għall-offerti, parti mis-saqaf tal-kuritur ser jiġi ppuntaljat biex jiġi evitat kull periklu. Is-soqfa tal-kmamar l-oħra għandhom bżonn xi tiswijiet li se jsiru milll-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-futur immedjat.

Ħal Luqa — Każ dwar kont tal-kera

Question

Tista' il-Ministru tara li l-kont tal-kera ta' familja minn Ħal Luqa li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li huma qed jallegaw li qed jiġi għoli ħafna u jħossu li l-ilmenti tagħhom ma' l-awtoritajiet qed jiġu njorati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kwistjoni dwar is-sussidju tal-kera lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant issa ġiet risolta. Ninsab infurmata wkoll li l-ilmenti li rċieva d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dwar il-każ kollha ngħatatilhom risposta fil-waqt mid-Dipartiment.

Sptar San Luqa — Disneyland ward - air conditions

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibdew jitħaddmu l-15 air conditions li jinsabu fis-sala Disneyland ġewwa l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn qabel ma ngħataw l-air conditioners ta' Disneyland kien magħruf li m'hemmx provista ta' elettriku adegwata biex jitħaddmu. Id-Diviżjoni għaddejja mill-proċess biex tipprova ssaħħaħ il-provista ta' l-elettriku.

Skejjel ta' l-Istat — Learning packs

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi learning packs fl-iskejjel sekondarji ta' l-Istat? Jista' jgħid minn min ġew sottomessi u kemm kienet kull offerta? Jista' jgħid jekk ġiex magħżul xi learning pack u jekk le, meta se jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ħareġ sejħa għall-offerti għall-learning pack ta' l-Istudju Soċjali. Pack wieħed biss jiġi sottomess. Dan il-learning pack qed jiġi evalwat u għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni jekk hux ser jiġi adottat fl-iskejjel. Informat ukoll li informazzjoni dwar kemm kienet l-offerta ta' dawn il- packs , hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata f'dan l-istadju.

Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni PA 0744/03

Question

Jista il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art li fuqha hemm applikazzjoni PA 0744/03 fi Triq is-Sikka, Wied il-Għajn hijiex art tal-gvern /Joint Office jew le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn riċerka magħmula mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jirriżulta li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant u li tinsab fi Triq is-Sikka Wied il-Għajn, fil-fatt mhix art tal-Gvern jew tal-Joint Office. Jirriżulta pero' li fir-Reġistru tal-Artijiet din l-istess art hija rreġistrata bħala tal-Awtorita' tad-Djar.

Skejjel — Studenti b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-Universita', fl-MCAST, fil-junior college u fl-iskola għolja Giovanni Curmi? Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet edukattivi hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-informazzjoni mitluba hija hekk :- Skola Studenti b'diżabilita' Popolazzjoni Universita' 86 9037 MCAST 70 3201 Junior College 7 2954 Giovanni Curmi 2 1090

Tarzna — Ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-2003 u fl-2004 x'kienu n-nazzjonalitajiet tal-ħaddiema barranin li ġew jaħdmu fit-Tarzna?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li fl-2003 u din is-sena l-ħaddiema barranin li ġew jaħdmu fit-Tarzna kienu ta' nazzjonalita Bulgara, Rumena u Spanjola.

Għawdex — Skola primarja ta' l-Għarb

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn dawk konċernati, b'mod partikolari tal-kap ta' l-iskola primarja ta' l-Għarb, fejn f'din l-iskola tifel mar l-iskola b'mus u dan b'periklu serju għat-tfal l-oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta l-kap ta' l-iskola kien infurmat minn student ieħor li tifel kien daħal b'mus il-Kap ta' l-iskola mill-ewwel widdeb lit-tifel konċernat u ikkonfiska l-mus. Il-ġenituri tat-tifel ġew infurmati bil-każ minnufih.

Universita' — Rapport tal-Profs Lauri

Question

Jista' il-Ministru jgħid wara r-rapport tal-kumitat tal-Profs Lauri dwar l-Universita' u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, x'azzjoni jew rapporti saru mill-Universita' jew mid-diviżjoni jew mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Jekk iva, jista' ipoġġi dawn id-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li saru xi rapporti oħra fuq is-suġġett.

Saħħa — Spezzjonijiet f'canteens ta' l-iskejjel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3610, jista' il-Ministru jgħid mil-lista mehmuża mat-tweġiba, f'kemm minnhom instabu affarijiet li ma jikkonformawx mal-linji gwida ta' l-ikel u xorb addattat għat-tfal? X'passi ttieħdu f'kull każ li kien hemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet li jsiru minn Spetturi tas-Saħħa fi ħwienet u canteens fl-iskejjel jirrigwardjaw l-iġjene ta' l-istess ħanut jew canteen skond l-Att tas-Sigurta' fl-Ikel. Rigward affarijiet li jinbiegħu minn dawn il-postijiet, u jekk dawn jikkonformawx mal-linji gwida ta' l-ikel u xorb adattat għat-tfal, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi tali Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Dan, fid-dawl li tali Dipartiment jagħmel kundizzjonijiet lill-operaturi ta' dawn il-postijiet, dwar x'ikel u xorb għandu jinbiegħ.

Ħ'Attard — Riħa ta' drenaġġ quddiem l-isptar Monte Carmeli

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4776 li tittrattta dwar riħa ta' drenaġġ fit-toroq ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli, jista' il-Ministru jinvestiga minn xiex qed jistadd regolarment il-main in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-mejn tad-drenaġġ li ħiereġ mill-isptar Monte Carmeli jinstadd minħabba xi materjal li joħroġ mil-laundry ta' l-isptar stess. Bħala prekawzjoni biex ma jkunx hemm riħa, fil-jiem li ġejjin il-Korporazzjoni se tissiġilla kemm hu possibli l-manholes.