Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise — Proġetti

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista tal-proġetti approvati mill-Malta Enterprise matul is-sena 2004? Kemm se jħaddmu nies? Meta se jibdew joperaw?

Response (DALLI, JOHN)

Minħabba l-Business Promotion Act mhux possibbli li nagħtu l-ismijiet tal-promoturi li applikaw għall-assistenza. Kull informazzjoni li tidher fil-busines plan hija wkoll koperta b'kunfidenzjalita' taħt il-Business Promotion Act. Fil-perjodu msemmi l-Malta Enterprise approvat 23 proġett li skond il-pjani tagħhom għandhom jimpjegaw 330 ruħ wara tlett snin. Il-Malta Enterprise m'għandhiex id-data eżatta ta' meta ser jibdew dawn il-proġetti sia dawk ġodda, jew espansjonijiet. Din id-data tiddependi minn ħafna fatturi li l-Malta Enterprise m'għandhiex kontroll fuqhom. Il-Malta Enterprise toffri lill-promoturi l-assistenza li hi neċessarja biex is-setting up of operations f'Malta jibda malajr kemm jista jkun.

Malta Enterprise — Inċentivi ta' SME's

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-inċentivi għall-industrija medja (SME's) li riċentement ġew imħabbra mill-Malta Enterprise? Ma min saret konsultazzjoni dwar dawn l-inċentivi?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-inċentivi għall-industrija medja (SMEs) li riċentement ġew imħabbra mill-Malta Enterprise. L-inċentivi ġew imfassla fuq esperjenza ta' aktar minn erba' snin li l-impjegati tal-Malta Enterprise għandhom fuq SMEs; kif ukoll minn informazzjoni maħruġa minn rapporti ta' setturi li kienu ġew studjati; u fuq konsultazzjonijiet li saru mas-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-SMEs u ma' numru kbir ta' intrapriżi f'laqgħat individwali.

Importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-prodotti mpurtati humiex jiġu kkontrollati għal dik li hija kwalita' biex nassiguraw li prodotti mpurtati ma jkunux ''iddampjati'' f'pajjiżna? Jekk dan il-kontroll qed isir, jista' jgħid x'tip ta' kontrolli jsiru? Jista' jgħid jekk riċentement ġiex impurtat tadam tal-bott li minħabba l-kwalita' tiegħu mhux suppost li kellu jitħalla jidħol f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qed isiru kontrolli fuq prodotti ta' l-ikel li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea (3rd Countries) permezz tar-Residue Monitoring Control Programme. Rigward l-Intra Community Trade, jiġifieri prodotti li jiġu mill-Unjoni Ewropea, niddependu mill-kontrolli li jsiru mill-member state minn fejn ikunu ġejjin l-prodotti. Biss, fejn ikun hemm xi dubbji dwar il-kwalita' tal-prodott, isiru l-ispezzjonijiet. S' issa, sakemm l-Unjoni Ewropea tibda tħaddem direttament id-database trace li jinkorpora fih il-Veterinary Health Certificate, is-Servizz Veterinarju qed jitlob dan iċ-ċertifkat jew dokument kummerċjali/uffiċjali bit-timbru ta' l-Awtorita' kompetenti. . Jien infurmat ukoll li kontrolli fuq prodotti tal-ikel impurtati, kif ukoll fuq it-tadam tal-bott, isiru wkoll mid-Dipartiment tas-Sanita’. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jgħamel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u jekk għandu xi informazzjoni partikolari jgħaddihom lil dan id-Dipartiment mill-aktar fis possibbli.

Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozza

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5878 u cioe' jista' jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Dwana — dewmien fi proċeduri

Question

Peress li dan l-aħħar kien hemm complaints dwar dewmien fi proċeduri fid-dwana konsegwenzjali għal tibdil wara l-1 ta' Mejju 2004, jista' il-Prim Ministru jgħid x'qed isir biex id-dewmien jittaffa' u l-proċeduri jitħaffu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tibdil li seħħ fl-1 ta’ Mejju seta’ ħoloq xi dewmien minħabba li ħafna mpurtaturi għażlu li jirrilaxxaw il-merkanzija tagħhom li waslet Malta qabel l-1 ta’ Mejju, wara din id-data sabiex jevitaw il-ħlas tal-levy. Jirriżulta li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal fi ftit ġranet u ma baqa’ l-ebda dewmien fir-rilaxx tal-merkanzija fejn jidħlu proċeduri tad-Dwana.

Servizz Ċivili — Rapport mill-principal officer

Question

Jikkonferma l-Prim Ministrru li riċentement kien hemm rapport mill-principal officer responsabbli li kien hemm misapproprjazzjoni ta' flus pubbliċi minn xi impjegata tal-post indikat separatament? Jekk iva, x'passi dixxiplinari ttieħdu kontra din l-istess persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport magħmul minn xi mpjegat dwar xi allegat każ ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mill-post indikat mill-Onorevoli Interpellant. Ix-xogħol ta’ l-impjegati li jaħdmu fil-post indikat ma jinvolvix l-immaniġġjar ta’ fondi pubbliċi.

Mġarr, Malta — Skola San Anton

Question

Peress li l-iskola San Anton bagħtet ċirkolari lill-ġenituri ta' l-istudenti dwar il-possibbilta' li tiftaħ sixth form, jista' il-Ministru jgħid jekk biex tiftaħ sixth form hemmx bżonn ta' liċenzja jew permess speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jekk sixth form proposta tkun estensjoni ta' skola sekondarja eżistenti, taħt l-istess kap ta' l-iskola, ma jkunx hemm bżonn ta' liċenzja ġdida. Jekk sixth form proposta tkun skola ġdida, ikun meħtieġ li ssir applikazzjoni ta' liċenzja.

Korp tal-pulizija — Membri sospiżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew sospiżi membri fil-korp tal-pulizija s'issa din is-sena u fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Kemm minnhom diġa' tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li irċevew ordni ta' sospensjoni.

Qrati — Persuni akkużati bi traffikar ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm s'issa din is-sena tressqu persuni quddiem il-qorti u ġew akkużati talli kienu fil-pussess tad-droga u/jew ittraffikaw id-droga? Kemm minnhom kienu barranin u ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm mit-total kienu taħt il-21 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba` xhur ta` din is-sena il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 201 persuna fuq pussess ta' droga, u 44 persuna fuq traffikar ta' droga. Minn dawn, 67 kienu ta' eta' taħt -il 21 sena, u 17 huma barranin.

Ċentru Detox — Persuni li talbu l-għajnuna

Question

Tista' il-Ministru tgħid fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm persuni li talbu l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox? Kemm minnhom marru hemm għall-ewwel darba? Kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija? Tista' tgħid ukoll kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kienet l-akbar eta' fil-każ ta' l-irġiel u tan-nisa? Tista' tagħti l-figuri komparattivi għas-sena li għaddiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru Detox — Kura għal dawk li jabbużaw mid-droga

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm sewa lill-gvern il-kura għal dawk li jabbużaw mid-droga u li fittxew l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena? Tista' telenka l-mediċini jew kura li jingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża għat-tmexxija taċ-Centru Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kienet ta' Lm28,309. Il-maġġoranza kbira ta' dawk li jattendu dan iċ-Ċentru għandhom dipendenza ta' l-eroina u dawn jingħataw il-methadone. Wħud li jattendu ċ-Ċentru jkollhom problemi oħra ta' natura medika u dawn jingħataw dawk il-mediċini ndikati skond il-każ partikolari.

Dipartiment tat-taxxi interni — Formula tat-taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li ma bagħtux il-formula tat-taxxa s-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din l-informazzjoni ma tistax tinħadem fuq is-sena 2003, minħabba l-fatt li l-persuni għandhom sa l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena biex jibgħatu l-formola tat-taxxa.

Kunsilli lokali — Ħaddiema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni mpjegati ma' kull kunsill lokali llum u x'tip ta' xogħol jagħmlu? Kemm minn dawn huma full-time u/jew part-time?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Qrati — Reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti din is-sena fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali u x'kien l-allegat reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali.

Sigurta' Soċjali — Persuni li ġew boarded out

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ġew boarded out din is-sena? Kemm minn dawn huma self-employed, kemm impjegati tal-gvern u kemm impjegati tal-privat? Fir-rigward ta' impjegati mal-gvern, ma' liema dipartiment tal-gvern kienu jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' April 2004, kien hemm 493 persuna li rċevew għall-ewwel darba Pensjoni għall-Invalidita mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija.

ETC — Persuni li kienu jirreġistraw fuq part 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li kienu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru, li mhumiex jirreġistraw bħalissa, għax inħarġilhom ċertifikat mediku fit-tul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni m'għandiex l-informazzjoni mitluba. Dan peress li l-Korporazzjoni ikollha biss min waqaf mir-reġistrar u mhux ir-raġuni. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ma tafx kemm persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru waqfu jirreġistraw għax għandhom ċertifikat mediku.

Prezzijiet ta' l-ikel

Question

B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-ħaruf minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5848.