Tista' il-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar vjolenza domestika li ilu li tħejja minn Marzu tas-sena 2000?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-intenzjoni tiegħi hi li l-Abbozz tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika jiġi ppublikat u mressaq quddiem il-Parlament fl-aqsar żmien possibbli wara li jiġi finalizzat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5843 u cioe' jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jaħdmu normali dawk li fadal mill-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO u ma ntgħażlux għall-Malta Enterprise? X'sar minn Jannar 2004 sal-lum biex jinstab impjieg alternattiv għal dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, JOHN)
Sa mill-bidu ta' din is-sena, il-Ministeru, f'kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u l-MIMCOL, qegħdin jieħdu diversi inizjattivi biex l-impjegati ta' l-MDC, METCO u IPSE jinstabilhom xogħol mad-Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern. Bħalissa hemm inizjattiva oħra bejn il-FOI u l-IPSL biex dawn l-impjegati jiġu ingaġġati mall-privat.
Los Angeles Times — Rapport dwar parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-gvern għal rapport li deher fil-Los Angeles Times li jallega li Malta tinsab fuq ir-rotta tat-traffikar ta' l-esportazzjoni llegali ta' parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari li jiġu ri-esportati għall-pajjiżi terzi? Saru xi ilmenti dwar dan minn gvernijiet barranin u jekk iva, meta u minn min?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onorevoli Membru qed jirreferi għar-rapport li deher fil-Los Angeles Times ta' l-24 ta' Mejju 2004, bit-titlu "Case Reveals Nuts and Bolts of Nuclear Network, Officials Say", miktub minn Josh Meyer, nixtieq ninfurmah li dan ir-rapport huwa nkorrett.
L-awtoritajiet kompetenti kkonfermaw li ma kien hemm l-ebda każ ta' importazzjoni u/jew ri-esportazzjoni illegali ta' parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari.
Nixtieq nikkonferma li ma sar l-ebda lment (demarche) dwar dan minn ebda Gvern barrani.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-ġimgħa l-oħra meta vapur tal-passiġġieri ried iniżżel in-nies l-art fil-port ta' l-Imġarr, il-Gozo Channel talbitx jew le ħlas ta' Lm1.75 għal kull persuna li tinżel Għawdex li mbagħad in konsegwenza ta' din it-talba in-nies spiċċaw niżlu Kemmuna u dan a dannu u detriment għal tat-taxis, ħwienet, eċċ. Għawdxin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn fejn jirriżulta li l-Gozo Channel tista' tagħmel dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat illi nhar il-Ħamis, 20 ta' Mejju, l-MV Europa (li l-aġenti tagħhom huma Bianchi & Co) ħarġu mill-Port tal-Imġarr u ħadu l-passiġġieri tagħhom għal dawra madwar Kemmuna fuq il-life rafts tal-vapur. Skond informazzjoni li għandna, kien ippjanat li jagħmlu tour ta' Għawdex, imma r-rappreżentant tagħhom (Hapag Lloyd) deherlu li m'għandux biżżejjed ħin biex jagħmel dan, u allura dawwarhom ma' Kemmuna. Għalhekk, it-tour ta' Għawdex ma sarx mhux minħabba il-Lm 1.75. Il-Kumpannija Gozo Channel qatt ma kienet informata b'li ser jagħmlu u għalhekk ma talbet ebda ħlas ta' Lm1.75.
Heritage Malta — Ittra li ntbagħtet lill-Katidral ta' Għawdex
Question
B'riferenza għall-ittra li nkitbet minn Heritage Malta lill-Katidral ta' Għawdex dwar il-kanuni li hemm quddiem il-faċċata ta' l-istess Katidral, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ittri bħal din inkitbux ukoll lill-Katidral ta' l-Imdina u lill-KonKatidral ta' San Ġwann kif ukoll rigward il-kanuni li hemm quddiem il-Berġa ta' Kastilja u quddiem il-Main Guard fil-Belt Valletta?
Jekk it-tweġiba hi fin-negattiv, jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni saret din id-diskriminazzjoni u jekk il-gvern hux lest biex jikkundanna din id-diskriminazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Peress illi jirriżulta li l-ETC f'Għawdex qed taħdem b'nuqqas ta' staff li jista' anke jkun kaġun ta' ineffiċjenza fl-operat ta' l-ETC, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li jkun hemm żieda fil-ħaddeima?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li s-servizz li qed jingħata mill-ETC f'Għawdex huwa wieħed sodisfaċenti u l-istatistika interna tindika l-ħidma u l-effiċenza tal-istaff tal-ETC f'Għawdex. L-ETC f'Għawdex għandha l-kumpliment sħiħ ta' impjegati b'wieħed minnhom qiegħed fuq leave fit-tul u mistenni jirritorna fi żmien ftit xhur.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-job centre fi Pjazza San Fraġisk, fir-Rabat, Għawdex ilu magħluq minn Ottubru 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan l-uffiċju jkun miftuħ il-ġurnata kollha għall-pubbliku kull nhar ta' Tnejn u kull nhar ta' Tlieta. Fil-fatt ir-reġistrazzjoni ta' nies minn uħud mill-irħula f'Għawdex isir minn dan l-Uffiċju. Dan l-uffiċju jingħalaq l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar sentejn mill-imprests li jingħataw mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni lill-iskola tad-drama fin-Nadur, x'kienet is-somma li ntnefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi somma oħra jew xi forma ta' għajnuna oħra mogħtija mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni għar-refurbishment ta' din is-sala?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tagħtix flus impressed lill-iskejjel Għawdxin. Dawn jiġu allokati mill-Ministeru ta' Għawdex. Għalhekk din il-parti tal-mistoqsija għandha tiġi riferuta lil dan il-Ministeru.
Tista' il-Ministru tara li tiġi ndirizzata l-problema ta' fili miftuħin li hemm f'appartament tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ilmijiet li jidħlu fl-appartament kull meta jagħmel il-maltemp?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u ninsab infurmata li diġa' ntbagħtu uffiċjali tekniċi ta' l-istess Dipartiment biex jagħmlu spezzjoni neċessarja.
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Laqgħat f'Washington
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista sħiħa tal-laqgħat li kellu riċentement f'Washington b'indikazzjoni tas-suġġetti diskussi f'kull waħda minn dawn il-laqgħat?
Fuq livell prattiku, x'miżuri ġew maqbula mas-segretarju ta' l-Istat Amerikan Colin Powell sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni Maltija u Amerikana fil-ġejjieni?
Response (DALLI, JOHN)
Matul iż-żjara uffiċċjali f'Washington, id-delegazjoni Maltija ltaqgħet mas-Senatur John Sununu, mill-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin tas-Senat, mas-Senatur Chuck Grassley, mas-Sur Timothy Punke, membru tal-Kumitat tal-Finanzi, mas-Sur Steve Hadley, Assistent tal-President u Viċi Konsulent dwar Sigurezza Nazzjonali, u naturalment, kif diġa' tħabbar fil-media lokali, laqgħa ma' l-Onorevoli Colin Powell, Segretarju ta' l-Istat Amerikan.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex kien inqata' ir-relief tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u reġgħet qabdet tieħu mis-17 ta' April?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' provdut mill-Onor. Interpellant ma jappartjenix lill-persuna ndikata u għalhekk nitolbu jivverifika d-dettalji.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi mfissra lilha kif id-dipartiment tas-sigurta' soċjali wasal għall-ammont ta' pensjoni li qed jirċievi, peress li qed jilmenta li qed jirċievi inqas minn two thirds tal-paga?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol ippjanat għal Pjazza P. Vassallo, f'Bormla? Jista' jgħid meta se jibda x-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-pjanti tax-xogħol ippjanat għal Pjazza P. Vassallo f'Bormla, kienu saru mill-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali ta' Bormla u kienu approvati mill-MEPA.
F'Laqgħa li saret riċentament, kien hemm talba biex jitbiddel il-materjal tal-paviment li kien diġa' approvat. Għaldaqstant il-perit tal-Gvern qed jipprepara pjanti ġodda.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tinqatagħlu persentaġġ anqas mill-pensjoni għall-over payment li rċieva?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-ground tal-football tal-Fgura jingħata dik l-attenzjoni li tixraqlu bħal wiċċ ġdid u fencing?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport s'issa ma għandu l-ebda talba għal xogħol fil-ground imsemmi. Fil-fatt il-policy attwali hija li kull talba għall-manutenzjoni trid issir b'parteċipazzjoni u kontribut finanzjarju mill-Għaqda Sportiva li tkun qed tagħmel użu mill-faċilita'.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5845 u cioe' jista' jgħid f'liema oqsma ekonomiċi ngħataw sensji minn Jannar 2004 sa l-aħħar ta' April 2004 u x'kien in-numru tal-persuni milquta f'kull qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta' April ,2004, 982 persuna, 513 mis-settur industrijali u 469 mis-settur tas-servizzi, irreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC. Minn dan l-istess numru 486 persuna ma baqgħux jirreġistraw u allura sa l-aħħar ta' April 2004 il-bilanċ li baqa' jirreġistra' kien ta' 496 persuna.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5844 u cioe' jista' jgħid kemm ingħataw sensji f'April 2004 u maqsuma skond l-etajiet - dawk taħt it-30 sena u dawk ta' 'il fuq minn 30 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'April 2004, 91 persuna ingħataw is-sensja mis-settur industrijali u 106 persuna mis-settur tas-servizzi. Tagħrif dwar l-etajiet ma wasallix u inkun nista' nagħtih f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li titranġa t-triq li tagħti għal hamlet tal-Ħemsija l/o Ta' Qali minn fejn iċ-ċimiterju tas-servizzi, peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż b'detriment kbir għal familji li joqogħdu f'din il-hamlet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li wara li saret spezzjoni mill-Perit tal-Awtorita' dwar it-Trasport irriżulta li hemm bżonn ta' patching u manutenzjoni. L-Awtorita' infurmat lill-Kunsill tal-Lokal biex jieħu ħsieb li jsir ix-xogħol meħtieġ.