Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-artijiet — Żvilupp ta' għalqa

Question

B'riferenza għall-file no. L509/90/1 u t-talba li saret mis-San Ġwann youth football nursery, jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'possibbilta' hemm li l-kumitat, flimkien mal-kunsill lokali ta' San Ġwann, ikunu jistgħu jiżviluppaw parti minn għalqa kbira li hemm biswit il-football ground tal-lokal (li bħalissa tinsab abbandunata) sabiex ikunu jistgħu jippjanaw proġett sportiv fil-ġejjieni qarib? Meta saret it-talba ġiet mgħoddija kopja tas-site plan lid-dipartiment konċernat? Billi l-kumitat ġie mgħarraf illi l-għalqa mhijiex f'area reġistrabbli, jista' jiggwidahom dwar xi proċeduri jistgħu jagħmlu biex jibdew diskussjoni mad-dipartiment konċernat minħabba l-proġett li għandhom ippjanat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kwalunkwe talba li ssir dwar allokazzjoni ta' proprjeta' tal-Gvern lil xi għaqda sportiva għandha tgħaddi l-ewwel għand il-Kunsill Malti Sports fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li imbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-possibilita' jew le ta' l-allokazzjoni. Barra minnhekk l-ebda talba għall-użu ta' proprjeta' tal-Gvern għal skop speċifiku ma tista' tiġi milqugħa qabel ma dan l-iskop ma jkun approvat mill-Awtorita' ta' Malta għal l-Ambjent u l-Ippjanar. Fil-każ ta' l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li din l-art tinsab biswit l-iskola ta' San Ġwann u għalhekk qed tiġi riservata għall-espansjoni ta' l-istess skola jekk ikun il-bżonn. Madankollu il-club ikkonċernat jista, jekk iħoss il-bżonn, jagħmel diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u mal-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-possibilita' li din l-art tintuża' għall-iskop mixtieq mill-istess club.

Servizz Ċivili — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm Għawdxin ħaddiema fiċ-ċivil fil-grad ta' principal li preżentement qed jaħdmu f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li preżentement hemm seba’ uffiċjali pubbliċi Għawdxin fil-grad ta’ Principal li qed jaħdmu xogħol ta’ Principal f’Malta.
Leg 10 PQ #6008 Sitting 136 2004-06-01 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dipartimenti tal-gvern - Vacancies fi grad ta' principal

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm vacancies fi grad ta' principal fid-dipartimenti tal-gvern f'Għawdex? Tista' tagħti data meta dawn il-vacancies f'Għawdex se jimtlew minn ħaddiema Għawdxin li qed jaħdmu f'Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li n-numru ta’ vaganzi fil-grad ta’ Prinċipal fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex jammonta għal 7. Nitlob lill-Onor. Interpellant ipoġġi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Garaxxijiet fi Triq San Duminku l-Belt Valletta

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4836, jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga jekk garage 1, garage 3 u 4 u garage 12, f'Old Slave Prison Block, Triq San Duminku l-Belt Valletta humiex użati mid-dipartimenti tal-gvern jew minn individwi privati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dawn il-garaxxijiet huma mikrija kif ser jingħad: Garaxx Numru 1 lir-Reġistratur tal-Qorti Garaxxijiet Numri 3 u 4 lid-Dipartiment għall-Ambjent li llum jagħmel parti mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar
Leg 10 PQ #5309 Sitting 135 2004-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol ta' restawr u konservazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għal xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni u xogħol ieħor relatat minn Jannar 2002 sal-lum? Min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar b'offerta ta' tender u lil min ġie mogħti? Kemm minn dawn ix-xogħlijiet saru b'direct order u lil min ġew mogħtija? Xi kriterji ntużaw biex ġew magħżula dawk li ngħataw direct order?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal- kamra informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant

Kunsilli lokali — Libreriji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġew devoluti l-libreriji lil kull kuunsill lokali f'Malta u Għawdex? X'kienet ir-rata ta' self fl-aħħar sena ta' qabel saret id-devoluzzjoni għal kull librerija separatament? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-rata ta' self, sena b'sena, wara d-devoluzzjoni? Jista' jgħid ukoll il-kunsilli lokali separatament u sena b'sena, kemm żiedu kotba u kemm hu allura t-total ta' kotba f'kull librerija separatament? Jista' jagħti wkoll kemm kien hemm kotba f'kull librerija separatament qabel dawn ġew devoluti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar San Luqa — Nuqqas ta' faxex u wheelchairs

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk waslux rapporti bħalma waslu għandi dwar nuqqas ta' faxex kif ukoll wheelchair ġewwa l-isptar San Luqa, b'mod partikolari fit-23 ta' April ta' din is-sena? X'inhi r-raġuni għal dawn in-nuqqasijiet? Barra minn dan, jista' jgħid jekk f'każ ta' emerġenza l-isptar hux imħejji u armat sabiex jilqa' għal dan u dan fid-dawl ta' dawn in-nuqqasijiet li rriżultaw lili wara li numru ta' persuni għaddew minn din l-esperjenza ta' nuqqas ta' affarijiet bażiċi fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li mhux ċar dwar liema żona l-Interpellant qed jirreferi, fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza hemm 15-il wheelchair aċċessibli li sa issa jirriżulta li huma biżżejjed għan-numru ta' pazjenti li jattendu f'dan id-Dipartiment. Rigward il-Mobility Aids Loans Section (minn fejn isir il-kiri ta' krozzi, wheelchairs u walking frames) fid-data msemmija mill-Interpellant kien hemm 11-il pazjent fuq il-lista għal wheelchairs bi żmien ta' stennija kalkulat li jkun ta' erba' t'ijiem. Fl-istess data msemmija, nikkonfermaw li kien hemm temporanjament nuqqas ta' faxex fl-isptar iżda bl-intervent tal-Medical Materials Management Unit din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata.

Ditta Carrefour — Xiri tal-Price Club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx għaddejjin in-negozjati mad-ditta Carrefour biex din tixtri l-Price Club jew toħloq xi supermarket chain ġdida f'Malta? Jikkonferma li l-awtoritajiet Maltin qed jimponu kondizzjonijiet fuq Carrefour li tuża xi konsulenti Maltin u li tixtri xi biċċa art mingħand xi ħadd partikolari?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-risposta hi fin-negattiv.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Rapporti/studji fil-qasam edukattiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il rapport jew studju kkummissjona l-ministeru fil-qasam edukattiv f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid fuqhiex huma u min huma l-persuni li ġew imqabbda jagħmlu dan ix-xogħol? Għal kull każ, meta hu maħsub li jitlesta r-rapport jew l-istudju?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub hu kif ġej :- Rapport dwar il-finanzjament tas-sistema ta' l-edukazjoni ogħla li qed jitmexxa mis-sur Roderick Chalmers flimkien mas-sur Jacques Sciberras, Ms Ann Marie Thake u l-Professur Rev. Peter Serracino Inglott. Qed nistenna r-Rapport inizjali jiġi finalizzat sa l-aħħar tas-sena. Rapport dwar bidliet li jinħassu meħtieġa fis-sistema ta' l-eżamijiet MATSEC. Il-grupp li qed jaħdem fuq dan is-suġġett hu magħmul minn Dr Grace Grima, l-Prof.Frank Ventura, l-Prof. Rev.Saviour Chircop, u is-sur Raymond Camilleri. Ir-Rapport mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena d-dieħla. Naturalment sew il-Ministeru kif ukoll id-Dipartiment u l-Aġenziji li jaqgħu taħtu l-ħin kollu jkunu qed jaħdmu fuq żvilupp ta' politika fid-diversi oqsma.

Tal-Pieta' — Skola primarja - play area tal-kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir il-play area tal-kindergarten fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta' aktar u aktar meta skond il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dan kellu jitlesta fis-sajf li għadda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qiegħed jiġi ppreparat tender document sabiex issir sejħa għall-offerti.

Dipartiment ta' l-ambjent — Għasafar li jisfaw feruti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għasafar feruti li waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent din is-sena? X'tip kienu? Kemm mietu waqt iż-żamma u kemm tfejqu u ntelqu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru mitlub, qabel xejn, jaġġorna ruħu. F’ Marzu 2002 id-Dipartiment sar Direttorat fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sadanittant, ninsab infurmat li sa mill-1997, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent mhu qed iżomm l-ebda għasfur ferut.

Bastimenti tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu bastimenti tal-gwerra f'pajjiżna din is-sena u x'tip kienu?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta' bastimenti tal-gwerra li daħlu f'pajjiżna din is-sena huwa ta' 31. Dawn varjaw minn Frigate, destroyers, auxiliary, mine sweepers, coast guard patrols, corvettes, u submarine li kien ġie decommissioned u li għadda mill-ibħra territorjali ta' Malta.

Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex il-bord ta' l-appell ta' l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jibgħat għaż-żagħżugħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li twaqqaflu r-relief mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali b'konsegwenza li jista' jispiċċa bi problemi mentali (dipression)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol tisma l-każ ta' appelli minn deċiżjonijiet ta' l-ETC skond l-ordni li jkunu waslu għangħa. L-appellanti kollha huma fl-istess sitwazzjoni (jew simili) taż-żagħżugħ imsemmi. Għalhekk biex issir ġustizzja l-Awtorita' tħoss li din il-proċedura għandha tinżamm.

Dipartiment ta' l-artijiet — Fond akkwistat mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema skop il-gvern akkwista l-fond indikat fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? X'beħsiebu jsir minflok il-fond indikat? Min hu s-sid? Kemm kienet l-istima tal-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġie akkwistat minħabba 'Slum Clearance Project'. L-istima tal-perit hija ta' Lm2,200. Is-sid tal-fond għadu mhux magħruf.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art akkwistata mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema skop il-gvern akkwista l-art indikata fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? X'beħsiebu jsir minflok l-art indikata? Min hu s-sid? Kemm kienet l-istima tal-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art indikata mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġiet akkwistata minħabba estensjoni fi Skola Primarja. L-istima tal-perit hija ta' Lm3,000. Is-sid tal-art għadu mhux magħruf.