Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar residenzjali tal-gvern — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn anzjani ġewwa d-djar residenzjali tal-gvern illum? Kemm żammewlhom flus mill-pensjoni s-sena l-oħra u kemm din is-sena s'issa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani ġewwa d-djar residenzjali tal-gvern hu ta' 595. L-ammont ta' flus li ġew miżmuma mill-pensjoni ta' dawn l-anzjani fis-sena 2003 kien ta' Lm796,487.45, filwaqt li l-ammont għall-ewwel erba' (4) xhur ta' din is-sena hu ta' Lm296,796.42.

Skejjel tal-gvern — Għalliema gradwati bħala avukati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu għalliema fl-iskejjel tal-gvern li huma gradwati bħala avukati? Min huma u f'liema skola jgħallmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel tal-Gvern hemm żewġ għalliema li huma gradwati bħala avukati. Għalliem li jgħallem fl-iskola Primarja 'Gianni A.Cilia' ta' l-Imġarr u għalliema oħra li tgħallem fl-iskola tal-bniet 'Sir Adrian Dingli' Junior Lyceum, Pembroke.

Skejjel tal-gvern — Duttur fil-liġi li jkun għalliem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk duttur fil-liġi li jkun qed jaħdem bħala għalliem f'waħda mill-iskejjel governattivi huwiex jitħallas għall-post graduate degree tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li s-sejħa għall-applikazzjoni għall-għalliema fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, fost oħrajn, tistieden ukoll applikazzjoni mingħand individwi li jkollhom il-grad ta' Baċellerat u l-PGCE kif ukoll mingħand applikanti li għandhom id-Dottorat fis-suġġett li għalih jixtiequ japplikaw. Għalliema li għandhom kwalifiki bħal diploma, degree, masters jew dottorat, liema kwalifiki ġew użati bħala rekwiżiti biex dak li jkun jinħatar għalliem, jistgħu japplikaw biex ikunu kkunsidrati li jingħataw allowance għal dawn il-kwalifiki.

Skejjel primarji u sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel, primarji u sekondarji li jinsabu ġewwa Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, Fgura, Żabbar u Xgħajra? Min huma l-kapijiet ta' kull skola? Kemm ilhom jokkupaw din il-pożizzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isla — Moll li hemm fix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-istudji li qed tagħmel il-Marine Section tad-diviżjoni tax-xogħlijiet dwar x'qed jikkaġuna l-ħsarat tal-moll fix-Xatt ta' l-Isla? Meta se jsiru t-tiswijiet fil-baħar mill-Malta Maritime Authority?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.

Awtorita' tad-djar — Bini ta' housing units

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tip ta' housing units qed tippjana li tibni l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment għall-bini u tiswija ta' postijiet tal-gvern? Fil-preżent, liema huma l-applikazzjonijiet li għandha quddiem il-MEPA? Kemm b'kollox hemm units? Liema huma l-lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar, flimkien mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, tibni kemm maisonettes kif ukoll blokki ta' appartamenti b'kmamar tas-sodda minn waħda sa tlieta. Jien infurmata li l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kordin — Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi

Question

Fil-garaxx ta' Kordin tad-dipartiment tal-manifattura u servizzi, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi kaxxa kbira li fiha xi statwa/monument ta' daqs kbir? Kemm ilha tistenna hemm? Kemm tiswa? Għaliex ġiet ikkummissjonata? X'użu se jsir minnha?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-garaxx ta' Kordin tad-Dipartiment tal-Manifatturra u Servizzi hemm kaxxa li fiha monument tal-bronż. Din ilha hemm mill-24 ta' Frar tas-sena 2003. Il-fużjoni fil-bronż ta' dan il-monument ġiet tiswa Lm18,084. Dan il-monument ġie kkommisjonat biex ifakkar l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta' diversi postijiet f'Malta biex jinstab post fejn jista' jitpoġġa dan il-monument.

Paceville — Xogħol ta' Pavimentar

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga jekk parti mix-xogħol tal-pavimentar ta' Paceville fil-proġett ta' tisbiħ ta' l-inħawi sarx ħażin u residenti qed jirrappurtaw li qed jinkisru spiss mill-piż ta' vetturi li jitilgħu fuq il-bankini u qed joħolqu perikli għar-residenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kaptelli tad-drenaġġ fil-bankini, jiena nfurmat li dawn il-kaptelli mhumiex iddisinjati biex jifilħu vetturi, iżda peress li huma fil-bankini dawn huma ntenzjonati għat-traffiku tar-riġel biss. Il-Ministeru qiegħed f'diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali biex ikun hemm iżjed ħarsien tal-liġijiet tat-traffiku, speċjalment biex vetturi ma jitħallewx jitilgħu fuq il-bankini.

Paceville — Twessigħ ta' bankini

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bankini f'Paceville ġew imwessa' tant li ntilfu ħafna parkeġġi għar-residenti, li ħafna minnhom huma anzjani, u tilfu l-ispazju biex jipparkjaw qrib id-dar tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol li sar f'Paceville sar skond il-pjanti li ġew approvati mill-MEPA.

AFM — Staff Sergeant

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet qed isiru fuq staff sergeant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Dwar xiex qegħdin isiru? Fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet? X'konklużjonijiet irriżulta minnhom? X'passi se jittieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Forzi Armati qed jinvestigaw allegazzjoni li dehret f’ġurnal lokali xi ġranet ilu. L-investigazzjoni għadha sejra.

Settur Privat — Ex Ħaddiema tat-Tarzna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li kienu jaħdmu fil-qasam tat-tarznari u issa qed jaħdmu fis-settur privat b'nofs il-paga mħallsa mill-fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għaddej xogħol preparatorju fuq din l-iskema u għalhekk sal-lum l-ebda mpjegat ma qiegħed jaħdem fis-settur privat kif indika l-Onorevoli Interpellant.

Universita' — Problemi Finanzjarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex l-Universita' ta' Malta ma tibqax fis-sitwazzjoni prekarja finanzjarja li tinsab fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru qed iħejji evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni permezz ta' grupp ta' xogħol immexxi mis-Sur Roderick Chalmers. Ir-rapport inizjali mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena.

Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens għall-fond li ttieħed għal skop pubbliku

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 4811, jista' il-Viċi Prim Ministrru jgħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar artijiet biex jagħti s-sentenza, peress li l-kawża ilha pendenti mill-1985?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jinsab differit għas-sentenza għas-seduta tat-22 ta' Novembru 2004. Mhux kompitu tieghi li ngħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ għaliex l-andament tal-kawża in kwistjoni huwa regolat mill-Ġudikant li jippressjedi l-Bord ta' l-Arbitraġġ.

Tal-Pieta' — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani oħra ta' xogħol hemm għall-iskola primarja ta' Tal-Pieta' wara diversi talbiet li saru mill-istess skola? Meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet li bosta minnhom kienu mwiegħda li se jsiru u jitlestew sas-sajf li għadda?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li qed issir survey u kif ukoll pjanti, biex issir applikazzjoni mal-MEPA ħalli jinbnew żewġt ikmamar oħra biex jintużaw bħala store, peress li l-istore eżistenti qiegħed f'parti prominenti ta' l-iskola u jista' jintuża' għal skop aktar edukattiv. Informat ukoll li hemm r e taining wall li ser jinħatt u jerġa jinbena mill-ġdid peress illi żżaqqaq. Ser jinqalgħu r -railings tal-ħadid eżistenti u minflokhom jinbnew ċnut tal-ġebel li jkunu kemm isbaħ u kif wkoll iktar żguri għat-tfal.

Fondazzjoni għas-servizzi edukattivi — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies kemm full time kif ukoll part-time mal-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid min kienu dawn il-persuni u x'xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika f'kull każ, kif ukoll intervisti lil dawk interessati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukativi għandha 12 il-impjegat full-time u 117 part-time li 6 minnhom huma sekondati jew mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jew minn xi ente pubblika oħra. Ix-xogħol ivarja minn CEO, għal taħriġ, responsabbilita' għal programmi edukattivi skond il-missjoni tal-Fondazzjoni. L-impjegati part-time jagħmlu xogħol ta' għalliema fil-programmi ta' litteriżmu. Ġejt assigurat li l-Fondazzjoni imxiet mal-proċeduri ta' reklutaġġ stabbilit mill-liġi. Ma nħossx li għandi nippubblika l-ismijiet ta' l-impjegati.

Industrial projects & services ltd. — Ex ħaddiema tal-Malta Drydocks

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3705 li saret f’seduta numru 90; jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qed jagħmlu l-107 ħaddiem li hemm imsemmija f’dik it-tweġiba? F’liema sezzjoni qed jaħdmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li bħalissa hemm 106 ħaddiem ex-Malta Drydocks u ex-Malta Shipbuilding mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li qed jaħdmu f'dawn is-sezzjonijiet; - 64, mal-Maintenance Unit tat-Technical Services Branch - 38, mas-Sezzjoni tal-Minor Staff - 4, il-Landscaping, Gardening Unit Informat ukoll li barra minn hekk hemm 10 oħra fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji. Sitta minn dawn jagħmlu xogħol klerikali filwaqt li 4 jagħmlu xogħol industrijali .

Industrial projects & services ltd. — Ex ħaddiema tal-Malta Drydocks

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3705 li saret f'seduta nru. 90, jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed jagħmlu t-58 ħaddiem li hemm imsemmija f'dik it-tweġiba? F'liema sezzjoni qed jaħdmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru tat-Turiżmu i Kultura peress li l-ħaddiema imsemmija ġew mislufa għal xogħol fil-qasam tal-kultura. Mat-taqsima taż-żagħżagħ m'hemmx ħaddiema ta' din il-kategorija.