Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' l-inkwilina ta' post ta' l-uffiċċju konġunt li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, wara li għamlet il-konvenju aktar minn tliet snin ilu?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li permezz ta' ittra datata 7 ta' Lulju 1997 l-inkwilin ġie infurmat bil-prezz tal-bejgħ tal-fond mikri lilu u fl-istess ittra ntalab jersaq biex jiġi ppublikat l-att ta' trasferiment.
Minkejja żewġ ittri oħra datati 2 ta' Diċembru 1998 u 20 ta' Ottubru 2000 rispettivament, fejn l-applikant ingħata sas-6 ta' Novembru 2000 biex jersaq għal kuntratt, dan baqa sa llum ma weġibx.
Għalhekk l-applikant għandu jikkomunika mad-Dipartiment.
MEPA — Applikazzjoni dwar lukanda f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MEPA milli ġġib għall-aġenda ir-reconsideration ta' l-applikazzjoni dwar lukanda f'San Pawl il-Baħar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta din kienet diġa' bil-permessi meħtieġa mill-1994 u meta ħdejha eżatt lukanda li isimha wkoll qed jintbagħat separatament, qegħda topera u oħrajn fl-area li m'għandhomx permess qegħdin jitħallew joperaw u ma għalqulhom l-ebda sulari bħalma ġara fil-każ tal-lukanda l-oħra? Jista' il-Ministru jara li f'dan il-każ qed titwettaq inġustizzja kbira?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din il-lukanda kienet suġġetta għal 'direct action' mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) billi ġew issiġillati l-aħħar żewġ sulari billi kienu nbew mingħajr permess. Din l-applikazzjoni PA 6046/02 hija ntiża biex tissana dan l-iżvilupp illegali, u ġa ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp li rrifjutat din l-applikazzjoni. It-talba ta' rikonsiderazzjoni ser tinħadem u tintbgħat għall-aġenda fl-iqsar żmien possibli biex ikun hemm eżitu finali minn-naħa tal-Awtorita' u jittieħdu l-passi neċessarji dwar il-bini illegali jekk ikun il-każ. Rigward it-tieni lukanda, tlabt lill-Audit Officer tal-MEPA biex jinvestiga l-każ
Possibbli jiġi mnaddaf kanal ta' l-ilma li hemm f'Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun/Wied il-Għajn li qiegħed biswit l-impjant tar-riċiklaġġ għaliex biex jitnaddaf iridu jidħlu f'għelieqi ta' bdiewa u dan jista' isir biss kif m'hemmx prodotti miżrugħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-valur tat-tender repair works fid-deep water quay fil-Port il-Kbir li ħareġ fil-bidu tas-sena 2000?
Jista' jgħid min kienu li tefgħu t-tenders għal dan il-proġett?
Jista' jispjega għaliex it-tender dik is-sena ma ngħatatx u reġa' inħareġ tender identiku f'April tas-sena 2001?
Jista' jispjega x'kienet il-proċedura tat-tenders f'dak iż-żmien, ossia, fis-sena 2000, liema kien il-kumitat li kien jipprepara t-tender u għaliex stranament it-tender in kwestjoni ġie preparat u maħruġ mill-projects committee?
Jista' jgħid min kienu l-membri li kienu jattendu f'dan il-kumitat ta' l-aħħar?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-projects committee rigward it-tender tad-deep water quay minn Settembru 1999 sa Jannar 2000, kif ukoll kopja tat-tenders riċevuti mill-awtorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma ħarġet l-ebda tender mill-Awtorita' Marittima Maltija fil-bidu tas-sena 2000 kif indikat mill-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu nru. 6110.
Fid-dawl li l-Unjoni Ewropea għandha kodiċi ta' etika maħruġ mill-Ombudsman ta' l-Unjoni Ewropea għall-istituzzjonijiet ta' l-istess Unjoni, jaqbel il-Prim Ministru li l-Ombudsman jista' jiġi mitlub jagħmel draft lill-Parlament Malti dwar kif il-membri tas-servizz ċivili għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku sew meta jkollhom inkontru personali kif ukoll meta jkunu qed jittrattaw u/jew iwieġbu korrispondenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Diġà jeżistu struzzjonijiet dwar kif uffiċjali pubbliċi għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lejn il-Kodiċi ta’ l-Etika għall-Impjegati fis-Settur Pubbliku, li nħareġ fl-1994. Il-Kodiċi huwa riprodott bħala skeda fl-abbozz ta’ l-Att dwar is-Servizz Pubbliku li ġie ppublikat bħala white paper f’Ottubru ta’ l-2003.
Istruzzjonijiet iżjed dettaljati jinsabu fiċ-Ċirkulari nru 3/2001 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-22 ta’ Jannar 2001. Din iċ-ċirkulari tirriproduċi wkoll linji gwida li nħarġu mill-Ombudsman dwar kif għandu jingħata servizz b’mod sew, ġust u mparzjali.
Qatt saru testijiet biex jiġi assigurat li l-water table mhix qed tiġi kontaminata b'ilma kontaminat b'bexx jew kimiki jew b'ilma riċiklat li jista' ikun mhux ta' kwalita' tajba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li jsiru testijiet sabiex jiġu ddentifikati sustanzi kimiki li jiġu mill-bexx u minn tniġġis ieħor jekk u meta dawn ikunu preżenti fl-ilma tax-xorb. S'issa qatt ma rriżulta preżenza ta' dawn, la fl-ilma tal-water table u lanqas fl-ilma li jasal għand il-konsumatur fil-vit.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għall-awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Ħal Tarxien mhux ikkonsidrat bħala post turistiku ġaladarba hemm it-Tempji Neolotiċi, u dan peress li meta dan l-aħħar l-awtorita' qassmet xi siġar tal-palm lil diversi lokalitajiet turistiċi, Ħal Tarxien ġie maqbuż għax (sic) mhux destinazzjoni turistika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor Interpellant għar-risposta li tajt fl-1 ta' Marzu għal-Mistoqsija Parlamentari 4613 dwar tourist areas. Kif għidt dak inhar, qed issir rikonsiderazzjoni ta' areas li għandhom jitqiesu li huma main tourist areas , jew secondary tourist areas, jew non-tourist areas. Dan l-eserċizzju li għandu jindika triq triq f'kull belt u raħal ta' Malta u Għawdex, għandu jitlesta sa Novembru ta' din is-sena biex jibda jkun effettiv mill-1 ta' Jannar 2005.
Jista' il-Ministru jieħu in konsiderazzjoni l-istat diżastruż li tinsab fih Triq il-Qratas, fis-Swieqi? Jistgħu jsiru xi xogħlijiet f'din it-triq urġentement?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha u Triq il-Qratas hija waħda mit-toroq li għandha tiġi nkluża f'dan il-programm sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir aktar 'il quddiem.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Tfal li jbatu mill-Epilessija
Question
Jista’ il-Ministru jgħid, b’mod ġenerali, xi jsir mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni fuq l-epilessija u t-tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna minħabba din il-kundizzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti b'diżabilita' — programm individwali edukattiv
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux l-istudenti b’diżabilita' kollha għandhom programm individwali edukattiv? Jekk le, x’inhi r-raġuni għal dan? Jista’ jgħid ukoll x’diffikultajiet oħra hemm sabiex dawn it-tip ta’ programmi jkunu implimentati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel speċjali għandhom Programm Individwali Edukattiv. Informat ukoll li l-istudenti b'diżabilita' kollha li jattendu skejjel mainstream u li huma assenjati facilitator ukoll għandhom Programm Individwali Edukattiv.
Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4850 u cioe' jista' jgħid mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum kienx hemm xi rapporti ta' teħid u/jew pussess ta' droga fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kienu bniet u subien, x'etajiet kellhom u jekk kienux imorru fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja jew dawk privati? X'passi ttiehdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika kien hemm 48 rapport dwar it-tehid jew suspetti tad-droga. 20 kienu bniet u 28 kienu subien u etajiet ivarjaw bejn 13 u 16 il-sena. Kemm skejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti kienu involuti. F'dawn il-każijiet kollha saret ħidma mis-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe Schools Programme. Dan huwa Unit fi ħdan it-Taqsima ta' Student Services fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ir-rapporti kollha qegħdin jiġu mmexxija minn dan it-tim b'koordinament ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola flimkien mal-Guidance and Counselling Unit. Fi tlett każi qed issir ħidma koordinata li tinvolvi wkoll lill-Aġenzija sedqa u t-Taqsima kontra d-Droga tal-Puluzija. F'26 każ ġiet involuta l-aġenzija sedqa u fis-6 każi l-oħra ġiet involuta l-pulizija għal iktar investigazzjoni.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet fil-grounds tal-football li huma amministrati jew inkella jaqgħu taħt il-kontroll tal-Ministeru ta’ l-iSport jew inkella xi entita` oħra fid-dekasteru, bħall-kunsill Malti ta’ l-isport, sabiex jiġi żgurat li l-lasti huma mwaħħla ma’ l-art? Saru xi spezzjonijiet fil-grounds tal-football li fihom jattendu mijiet ta' tfal u adulti sabiex tiġi żgurata s-saħħa tagħhom u mħarsa s-sigurta` ta' dawk li jieħdu sehem fil-football?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-grounds tal-football fl-iskejjel saru l-ispezzjonijiet meħtieġa.
Ninsab informat ukoll illi l-lasti fil-Grounds taċ-Ċentru Sportiv il-Marsa huma fi stat tajjeb u mhumiex ta' periklu. Uħud minn dawn il-lasti mhumiex fissi biex ikunu jistgħu jintużaw f'diversi partijiet tal-ground. Ara wkoll tweġiba għall PQ numru 3083.
Skejjel — Kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema
Question
Jista’ il-Ministru jgħid jekk taħt ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea għandux isir xi tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-għalliema minbarra l-emendi proposti fl-abbozz ta’ liġi li qed jiġi diskuss fil-Parlament li jikkonċerna l-warrant lill-għalliema li ġejjin minn xi pajjiż membru jew inkella ta’ l-EEA?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema huma responsabbilita' esklussiva ta' kull Gvern tal-pajjiżi membri ta' l-UE.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li issa qed jintbagħtu kontijiet tat-taxxa ta’ l-income għas-snin 1995/96/97? Kemm-il kont intbagħat? X'inhi s-somma totali li trid tinġabar għal dawn is-snin separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kontijiet tat-taxxa fuq l-income għas-snin imsemmija fl-Interpellanza u għal snin oħra preċedenti jibqgħu jintbagħtu sakemm ikunu pproċessati kollha dawk il-formoli li għandhom ma ntbagħtux u oħrajn li qegħdin jinħadmu.
Mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena ħarġu 3,839 kont għas-snin ta’ qabel l-1998. Minħabba li s-sistema tal-year by year accounting għal dawn is-snin ma kienitx għadha introdotta, l-ammont attwali ta’ taxxa għal dawn il-kontijiet ma jistax ikun iddeterminat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu ċertifikati ta' mard mit-tobba s-sena l-oħra u tagħti breakdown ta kemm ħareġ ċertifikati kull tabib?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2003, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva total ta' 258,942 ċertifikat tal-mard, li jinkludu l-ewwel ċertifikat, intermediate u final.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hi protetta bl-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data u għalhekk tali nformazzjoni ma tistax tiġi ppublikata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm weġġgħu fuq ix-xogħol din is-sena impjegati tal-gvern u ma liema dipartiment jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Awtorita' dwar il-Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (OĦSA), ma żżommx din l-istatistika partikolari. Statistika bħal din tinżamm mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jaqa' taħt Ministeru ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati mad-dipartiment tas-saħħa li tressqu quddiem bord dixxiplinari din is-sena, għaliex u xi grad għandhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' impjegati tad-Diviżjoni tas-Saħħa li tressqu quddiem Bord ta' Dixxiplina din is-sena (mill-1 ta' Jannar sa 13 ta' Mejju) kien 149.
Ir-raġunijiet għalxiex tressqu quddiem il-Bord ta' Dixxiplina kienu jvarjaw u jinkludu min kien jidħol tard għax-xogħol, min assenta ruħu mill-post tax-xogħol; min ma obdiex ordni tas-superjur tiegħu, min tnikker fuq il-post tax-xogħol u każi oħra.
GRAD
NUMRU
Tobba
13
Paramediċi
16
Nurses/Qbiela
39
Ħaddiema Ndustrijali
12
Skrivani
18
Security
10
Ħaddiema Awżiljari
41
TOTAL
149
Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu li tressqu quddiem bord dixxiplinari din is-sena, għaliex u ma liema dipartiment jaħdmu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat li n-numru ta' impjegati li tressqu quddiem il-bord ta' dixxiplina din is-sena huwa sitta.
Erbgħa impjegati li jaħdmu mad-direttorat tat-trasport pubbliku.
Tnejn jaħdmu mad-direttorat tal-liċenzji u ttestjar.
L-offiżi kienu:-
Ma nstabux fuq il-post tax-xogħol tagħhom;
insubordinazzjoni;
abbuż ta' sick leave.