B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4526 fejn il-Ministru rrisponda li ż-żonqor li nqala' minn Triq il-Konservatorju, Bormla, parti minnu ttieħed fil-garaxx tal-kunsill ta' Bormla sabiex jiġu maħżuna, jista' il-Ministru jispeċifika fejn ġie maħżun għax il-kunsill lokali attwali ma jaf b'xejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li il-materjal l-ewwel ittieħed fl-ex Department of Environment u minħabba l-proġett ta' l-Appoġġ, l-istess materjal ittieħed fi stores il-Verdala.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta' Pjazza P. Vassallo, f'Bormla u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5960, jien infurmat li qed jiġu ppreparati pjanti emendati li jaddottaw għall-materjal ġdid li ppropona l-Kunsill Lokali ta' Bormla. Dan il-proġett mistenni jinbeda aktar tard din is-sena bħala parti mill-programm ta' xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Peress li jidher li l-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita f'Bormla reġa' għal darb'oħra ma bediex, jista' il-Ministru jara li għallinqas jinbidlu l-ballavostri li waqgħu mad-dawra ta' l-istess pjazza?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi dan ix-xogħol ser jiġi nkluż fil-programm ta' ħidma li jkopri l-perjodu Lulju - Diċembru 2004.
Jista' il-Ministru jara li jinbidlu żewġ arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Mitħna f'Bormla viċin is-sweet shop, peress li ttieklu bis-sadid u jistgħu jkunu ta' periklu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret irrizulta li l-arbli msemmija mhumiex f'periklu imminenti li jaqghu, izda xorta wahda nbeda l-process biex dawn jinbildu.
Jista' il-Ministru jara li jissewwew il-bozoz li ilhom maqtugħa x-xhur fuq il-pont li jagħti għal Triq Alessandra Bormla u dan għax minħabba d-dlam li jkun hemm saret miżbla żgħira?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-bozoz fit-triq imsemmija ta' sikwit ikunu l-mira ta' vandaliżmu u għalhekk ma jitranġawx fil-pront. Il-manutenzjoni meħtieġa issa saret.
Servizz Ċivili — Tiġdid ta' leave minn sena għal oħra
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk impjegat tal-gvern li ma jkunx ħa l-leave tas-sena l-oħra kollu, jintirietx għal din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li paragrafu 4.2.4. tal-Public Service Management Code jawtorizza lil Kap tad-Dipartiment jagħti permess lil impjegat tal-Gvern biex jgħaddi vacation leave mhux użat matul is-sena għas-sena ta’ wara.
Għalkemm dan il-paragrafu ma jagħmilx limitu fuq kemm ġranet mill-vacation leave jistgħu jintirtu minn sena għall-oħra, wieħed irid jara l-bżonnijiet tas-servizz, u ċ-ċirkustanzi tal-każ parikulari.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Fort Chambrai li kienu kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-perit li ismu qed jintbagħat separatament, huwiex impjegat mal-Malta Enterprise? Jekk fl-affermattiv, x'inhu r-rwol tiegħu u kif ġie ngaġġat?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Malta Enterprise ma għandha ebda impjegat bl-isem provdut mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru omiċidji f'Għawdex sena b'sena f'dawn l-aħħar 50 sena? Kemm minn dawn ġew solvuti u kemm minn dawn għadhom pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħamsin sena kien hemm 14-il każ ta' omiċidju ġewwa Għawdex, kif ukoll każ ieħor ta' mewt, suspettuża. Dwar 11 minn dawn il-każi ġew imressqa persuni quddiem il-Qorti.
Jista' il-Ministru jikkonferma illi ż-żieda fin-nollijiet tal-Gozo Channel li bdew iseħħu mil-1/6/2004 għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, x'validita' għandhom dawn iż-żidiet fin-nollijiet tal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Iż-żieda fin-nollijiet tal-Gozo Channel li bdew iseħħu mill-1 ta' Ġunju 2004 ġew fis-seħħ permezz ta' l-Att Legali 314/2004 u ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta, Nru. 17,595, datata 31 ta' Mejju 2004.
Ħal Luqa — Sezzjoni tal-Kwarantina - qattus maħrub
Question
B'referenza għall-każ imressaq quddiem l-ombudsman minn mara barranija li ġiet informata li l-qattus tagħha tat-tip European persian breed u li ġabitu minn barra kien ħarab minn fejn kien qed jinżamm fis-sezzjoni tal-Kwarantina f'Ħal Luqa, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-diviżjoni konċernata wara li l-ombudsman ikkonkluda ''that the disappearance of the cat was attributed to failure by the food and veterinary regulation division to ensure that while the pet was held in quarantine under its responsibility, it was kept in a properly maintained place'' (ombudsman case notes, April 2004, number 17, case no: D 259)?
Jista' jgħid x'xogħlijiet saru jew qed isiru mid-dipartiment konċernat biex il-post ikun iktar sigur u biex jiġi assigurat li inċidenti oħra bħal dawn ma jiġrux fil-futur?
X'kumpens ta d-dipartiment konċernat lil sid dan il-pet?
Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqisjiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-kwarantina qed isir xogħol estensiv biex inċidenti bħal dak imsemmi ma jerġgħux iseħħu. Fost dawn insibu li twaħħal wire netting ġdid, bieb ta' l-aluminium biex ikun hemm double doors li jagħmel inċidenti bħal dawn diffiċli biex jerġgħu jitwettqu.
Sa issa għadu ma ingħata l-ebda kumpens.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5982 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jikkonferma jekk il-prodotti mpurtati humiex jiġu kkontrollati għal dik li hija kwalita' biex nassiguraw li prodotti mpurtati ma jkunux iddampjati f'pajjiżna? Jekk dan il-kontroll qed isir, jista' jgħid x'tip ta' kontrolli jsiru?
Jista' jgħid jekk riċentement ġiex impurtat tadam tal-bott li minħabba l-kwalita' tiegħu mhux suppost kellu jitħalla jidħol f'Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt li persentaġġ ta' prodotti mpurtati minn barra l-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja jiġu kkontrollati hekk kif jiġu mpurtati ġewwa Malta għal dik li hija kwalita', prodotti mpurtati minn pajjiżi ta' l-Unjoni l-Ewropeja jiġu kkontrollati billi jsiru Sampling Programmes ta' prodotti speċifiċi matul is-sena. Isir ukoll Market Surveillance minn uffiċjali tad-Dipartiment waqt ix-xogħol tagħhom ta' spezzjonijiet li jsiru fuq bażi regolari. Id-Dipartiment jagħmel ukoll parti minn Rapid Alert System on Food and Feed tal-Komunita' Ewropeja, biex prodotti li jiġu rappurtati ħżiena fis-suq intern jiġu mneħħija mis-suq lokali.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, informat li f'Malta kien hemm ilment fuq prodott ta' tadam tal-bott, liema prodott ittieħdu kampjuni tiegħu, ntbagħtu l-Public Health Laboratory għal analiżi relatati u s'issa għadna qed nistennew ir-riżultati rispettivi.
Ex ħaddiema ta' l-Airmalta — Aġġustament fil-pensjoni
Question
B'riferenza għall-Ftehim Kollettiv bejn it-Taqsima Port u Trasport tal-GWU u l-Air Malta li ġie ffirmat fil-11 ta' Ottubru 2002 u li jkopri l-perjodu 1 ta' April 2000 u 31 ta' Marzu 2004, Tista' il-Ministru tgħid meta se tiġi aġġustata l-pensjoni tal-ex ħaddiema ta' l-Air Malta (illum pensjonanti) u meta se jingħataw l-arretrati dovuti lilhom b'riżultat ta' dan il-ftehim?
Tista' tara li ma jkunx hemm dewmien żejjed biex dan il-proċess isir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol preparattiv li qed isir fuq id-data tal-pensjonanti, ex ħaddiema ta' l-Airmalta, issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Ninsab infurmata wkoll li, kif jiġu kkonfermati lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali l-iskali tas-salarji l-ġodda skond l-aħħar ftehim kollettiv tal-kumpanija msemmija, hu mistenni li r-reviżjoni tal-pensjonijiet relatati jiġu proċessati mingħajr dewmien.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhu r-rwol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fl-awtorita' dwar it-trasport pubbliku? Kif ġie ngaġġat dan il-persuna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-persuna msemmija ġiet impjegata ma' l-awtorita' dwar it-trasport wara li ħarġet sejħa għall-Assistant Manager. Ir-rwol ta' din il-persuna huwa li jassisti liċ-CEO.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5976, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-avviż għat-talba ta' expression of interest li saret għal bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta' Malta North?
F'liema gazzetti jew pubblikazzjonijiet deher dan l-avviż u f'liema data?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma avviċinat l-Ambaxxata Taljana f'Malta bid-dokumenti meħtieġa sabiex issir is-sejħa għal expression of interest. L-Ambaxxata infurmat lill-Korporazzjoni li kienet għaddiet l-istess dokumenti lil Ministero delle Attivita' Produttive u l-I.C.E. (Istituto per il Commercio con l'Estero) f'Ruma.
Il-Korporazzjoni ġiet infurmata mill-Ambaxxata Taljana li l-I.C.E. kienet bagħtet tinforma, bis-sejħa għal-expression of interest, lil lista ta' kumpaniji li kienu fuq il-mailing list tagħha permezz ta' email u fax. Is-sejħa għalqet fit-22 ta' Marzu, 2004. Ma saret l-ebda publikazzjoni ta' avviż f'dan ir-rigward.
Kopja ta' l-avviż għal expression of interest se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-union tal-mużiċisti? Kemm-il darba iltaqa' magħhom? Meta saret l-aħħar laqgħa ġenerali annwali ta' din il-union? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' mużiċisti fully paid li jsostnu din il-union?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uffiċjali tal-Unjin tal-Mużiċisti huma hekk :
President - Val Valente
Viċe President - Adrian Ebejer
Teżorier - Alfred Ebejer
Ass/Teżorier - Harry Edellston
Ass/Segretarju - Alfred Żammit
Public Relations - Serġio Micallef
Membri - Emanuel Calleja
George Sciberras
Informat li l-aħħar laqgħa annwali saret il-Ħadd fit-12 ta' Marzu 2002 u li n-numru tal-mużiċisti b'miżati ta' sħubija mħallsa li jsostnu din il-union hu ta' 236.
Mindu ingħatajt il-kariga preżenti f'April ta' din is-sena, ma jirriżultalix li saritli xi talba għal xi laqgħa miegħi. Naturalment nieħu gost niltaqa' mar-rappreżentanti tal-mużiċisti.
Isla — Triq l-Akwati - Rapporti dwar abbuż mid-droga
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir sorveljanza mill-pulizija fl-akwati ta' Triq l-Arkati, Isla peress li wasluli diversi rapporti li f'dawk l-inħawi qiegħed isir abbuż mid-droga kontinwament minn ċerti persuni, liema sitwazzjoni hija perikoluża għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi b'mod partikolari għat-tfal peress li skond rapporti li wasluli, f'dawn l-inħawi qed jitħallew siringi wżati minn dawk li jabbużaw mid-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk ta' l-Iskwadra ta' kontra d-Droga, jagħmlu ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex id-dawl fi Triq il-Knisja, f'Tas-Sliema jiġi spezzjonat u jekk hemm il-ħtieġa jiżdied u dan peress li jidher li m'hemmx biżżejjed dawl, meta f'din it-triq joqogħdu numru sotanzjali ta' anzjani?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba l-proċess tad-devoluzzjoni dan ix-xogħol m'għadux responsabilita' ta' l-Enemalta izda tal-Kunsill Lokali .
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għamlet żmien taħdem fil-Libja bejn il-perjodu 1980 sa l-1987 u li ħallset il-kontribuzzjonijiet hemmhekk, liema kontribuzzjonijiet kienu jgħoddu għal hawn, li sal-lum ma jirriflettux ruħhom fil-pensjoni tiegħu, meta se tiġi aġġustata l-pensjoni tiegħu wara dan iż-żmien kollu meta l-pensjonant imsemmi għalaq 71 sena u sitt xhur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkomunika direttament bil-miktub dwar il-każ mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.