Tista' il-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li saru fid-Dwejra mill-ħaddiema tal-gvern u għal liema raġuni saru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet li saru fid-Dwejra mill-ħaddiema tal-gvern jikkonsistu minn manifattura u tqegħid ta' turġien u rranġar ta' passaġġi biex ikun hemm aċċess aħjar għall-inħawi tat-Tieqa tad-Dwejra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' fondi allokati lil Malta Heritage għal din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-investiment tal-Gvern f'Heritage Malta għas-sena 2004 huwa ta' Lm 430,000 bħala fondi kapitali. Dan jinkludi Lm 100,000 għat-tieni parti ta' l-infrastruttura ta' sistema ta' ticketing ġdida u sistemi ta' sigurta`.
Wara diskussjonijiet bejn Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Finanzi fi tmiem is-sena l-oħra fuq il-fondi rikorrenti ta' Heritage Malta kien hemm qbil dwar l-ammont ta' Lm 600,000. Meta għaddew il-ħaddiema Għawdxin mill-Ministeru ta' Għawdex għal Heritage Malta, għaddew ukoll il-pagi basiċi allokati għalihom li ammontaw għal Lm 273,000. Għalhekk il-fondi rikorrenti allokati lil Heritage Malta huma ta' Lm 873,000. Minn din is-sena Heritage Malta hija responsabbli għad-dħul fil-mużewijiet u s-siti u tamministra l-flus tad-dħul li din is-sena huma stmati li jilħqu total ta' Lm 800,000.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti li jiġi rkuprat id-dejn ta': Lm1.4m ta' MALPRO; Lm43.4m tal-Gozo Ferries; Lm7.05m tal-Malta Gantry; u Lm11.80m tal-Malta Export House?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni li ngħatajt, il-Gvern qed jagħmel tajjeb għad-dejn kollu tal-Gozo Ferries u tal-Malta Export House. Fil-każ tal-kumpanija Malta Gantry, Lm2.1 miljun mid-dejn, se jiġi rkuprat mid-debituri matul is-sentejn li ġejjin filwaqt li l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-Lm4.95 miljun dejn fuq numru ta' snin. Il-Gvern se jagħmel tajjeb ukoll għall -Lm5.9 miljun dejn li fadal tal-kumpanija Malta Export House. Intant, id-dejn tal-Malpro Limited qed jiġi mħallas regolarmnet (Lm200,000 kull sena) mill-fondi ġenerati mill-kumpanija u hu previst li, l-kumpanija tkompli tiġġenera fondi mill-operat tagħha, tant li tkun tista' tkompli tħallas il-kumplament ta' dan id-dejn.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-użu u l-iskop għal dgħajsa/luzzu li għalihom tirreferi s-sejħa għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern xi ġranet ilu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-sejħa għall-offerti hija għall-kiri ta' dgħajsa għall-ġarr tal-ħaddiema responsabbli mit-tindif f'Kemmuna u ta' l-iskart minn Kemmuna għal Għawdex.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' kuntrabandu reġistrati mid-dipartiment tad-dwana fil-portijiet, eċċ. matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ każi ta’ kuntrabandu reġistrati mid-Dipartiment tad-Dwana fil-portijiet, eċċ matul l-ewwel ħames xhur tas-snin 2000 sa l-2004, huma kif ġejjin:
Sena 2004 66 każ
Sena 2003 33 każ
Sena 2002 64 każ
Sena 2001 65 każ
Sena 2000 75 każ
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel xhur ta' din is-sena f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-Pulizija matul dawn l-aħħar 5 snin huwa kif ġej: -
Sena
Malta
Għawdex
1999
10,880
581
2000
12,037
617
2001
12,760
587
2002
13,381
678
2003
13,304
678
Infurmat ukoll illi n-numru ta' inċidenti tat-traffiku irrappurtati lill-Pulizija għax-xhur ta' Jannar u
Frar 2004 huwa ta' 2,138 f'Malta u 80 f'Għawdex. Minn Marzu il-każijiet sempliċi bdew jiġu irrapurtati lill-kunsilli lokali u għalhekk il-Pulizija qegħda iżżomm rapporti ta' inċidenti tat-traffiku bil-feruti u dawk li jinvolvu karozzi jew proprjeta' tal-Gvern. In-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati bejn l-1 ta' Marzu u l-31 ta' Mejju kienu ta' 1,105 f'Malta u 43 f'Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serq rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel ħames xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jagħti breakdown tas-serq rappurtati?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar każijiet ta' serq irrapurtati lill-Pulizija f'Malta u f'Għawdex hu kif ġej: -
Sena
Malta
Għawdex
1999
8,913
258
2000
10,196
247
2001
9,572
237
2002
10,149
329
2003
10,652
272
*2004
4,164
91
*Sa Mejju.
Persuni ta' nazzjonalita' Maltija u ta' nazzjonalita' Libjana — Talba għall-visa
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Maltin u Libjani li talbu ż-żewġ ambaxxati għall-visa sabiex daħlu fiż-żewġ pajjiżi rispettivament? Kemm-il visa nħarġet mill-1 ta' Mejju 'il hawn u kemm-il visa ġiet miċħuda?
Response (DALLI, JOHN)
Matul ix-xahar ta' Mejju 2004, ġew reġistrati 1250 applikazzjoni għal visa fil-Konsolat Malti fi Tripli. Minn dawn, 25 ġew miċħuda.
Għal raġunijiet ovvji, m'inix f'qagħda li ngħid kemm Maltin applikaw fl-ambaxxata Libjana f'Malta biex jingħataw visa biex iżuru l-Libja.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadu ma ġiex iffirmat il-kuntratt bejn il-Private Public Partnership għar-rigward tal-Landscaping? X'qed jikkawża dan id-dewmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal deċiżjoni mogħtija mill-maġistrat Consuelo Scerri Herrera tat-2 ta' April 2004 fuq iċ-challenge lill-kummissarju tal-pulizija li sar mill-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, fuq allegat każ ta' frodi pprattikat mill-persuna li d-detttalji dwarha qed jintbagħtu wkoll separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn xahar u l-proċeduri kriminali għadhom ma nbdewx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċeduri msemmija mill-Onorevoli Interpellant għad m'humiex konklużi.
B'riferenza għall-mistoqsijiet oħra preċedenti tiegħi dwar Triq it-Tiben, f'Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jagħtini indikazzjoni meta hu maħsub li ssir din it-triq għax minkejja li hemm diversi residenti għadha qatt ma saret? Din it-triq qiegħda fil-lista ta' toroq ta' priorita' li jridu jsiru f'Wied il-Għajn?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha u Triq it-Tiben mistennija tiġi nkluża f'dan il-programm sabiex ix-xogħol meħtie/ ikun jista' jsir aktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni bil-persentaġġ ta' toroq ġodda ta' kull lokalita' f'Malta u Għawdex li għad iridu jsiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha.
Jista' il-Ministru jikkonferma li fil-ġejjieni qarib il-kap preżenti tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin se jinbidel u floku se tilħaq bħala permanent secretary mara li bħalissa tinsab taħdem ta' ambaxxatur fi Spanja?
Response (DALLI, JOHN)
Jiena lqajt it-talba tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi sabiex, meta jagħlaqlu l-kuntratt fis-sbatax ta' Lulju 2004, jieħu mill-ġdid posting bħala Ambaxxatur.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vakanzi għall-kariga ta' First Counsellor
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-ministeru għall-kariga ta' first counsellor? Kemm għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-first counsellor? Kemm minn dawn li għaddew se jieħdu l-ħatra ta' first counsellor?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta' vakanzi fil-kariga ta' First Counsellor, fiż-żmien li saret l-intervista, kien ta' sitta. Dawn il-vakanzi issa qed jimtlew gradatament minn fost l-erbatax il-uffiċjal li għaddew mill-intervista.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumpannija sussidjarja ta' l-arrow group, jiġifieri l-Arrow Pharm. Malta Ltd., bdietx l-operazzjoni tagħha f'Malta? Jista' jgħid meta u kemm qed timpjega ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mir-records li għandha l-Korporazzjoni jirriżulta li l-kumpanija Arrow Pharm Malta Ltd tħaddem 28 impjegat. Fost dawn hemm 19-il raġel u 9 nisa. L-ewwel impjegat ġie irreġistrat fil-31 ta' Marzu 2003.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5908, jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li tindika liema hi l-art li hi tal-gvern u liema art li rrifera għaliha li hemm kawża pendenti fuqha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art mhix żviluppata li hija tal-Gvern fix-Xatt ta' Spinola hija dik murija bil-bordura ħamra fuq il-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-art li fuqha għad hemm kawża pendenti hija dik murija bil-bordura blu.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5968 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' tista' il-Maltapost tikkonsidra li għas-sena d-dieħla toħroġ sett ta' bolol biex tfakkar il-500 sena mit-twelid tat-tabib Ġużeppi Callus li kien ingħata l-mewt mill-gran mastru La Valette għax qabeż għall-Maltin li kienu qed jiġu ntaxxati ħafna mill-Kavallieri waqt li kienu qed jitilfu l-ftit sehem li kellhom fit-tmexxija ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta' settijiet ta' bolli jittieħdu mill-Bord Konsultattiv dwar Disinji tal-Bolli. se ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord biex din tkun kunsidrata minnhom meta jkun qed jitfassal il-programm għas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew għas-servizz tal-home help?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' households li qed jirċievu s-servizz tal-Home Care Help sa l-aħħar ta' Mejju 2004 hu ta' 2300. Hemm 155 applikazzjonijiet ġodda li qed jistennew biex jgħaddu Board. Barra minn hekk 47 households għaddew mill-Board iżda għadhom qed jistennew li jingħatalhom is-servizz.