Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew — Offerta għall-provvista tat-trasport
Question
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6093 u cioe' jista' jgħid min tefa' l-offerta għall-provvista tat-trasport lill-kummissjoni elettorali għall-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġuju, 2004? Min rebaħ din it-tender?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għall-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju 2004, intefgħu offerti minn dawn il-kuntratturi:
1. Għall-provista ta’ karozzi bix-xufier: Paramount Garages, Executive Transport Co-op Ltd, Demicoli Garage, Peppin Garage Ltd, Mikalkris Ltd u First Coaches;
2. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Malta): Public Transport Association u Unscheduled Bus Service;
3. Għat-trasport ta’ Assistenti Kummissjonarji Elettorali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd;
4. Għat-trasport ta’ persuni minn u lejn is-sala ta’ l-għadd tal-voti, Ta’ Qali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd;
5. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Għawdex): Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association;
6. Għat-tqassim ta’ kaxex tal-voti, poloz tal-votazzjoni u dokumenti oħrajn: Public Transport Association u Unscheduled Bus Service.
L-offerti ntrebħu minn dawn il-kuntratturi:
1. Paramount Garages
2. Unscheduled Bus Service
3. Co-op Services Ltd
4. Co-op Services Ltd
5. Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association
6. Public Transport Association
Peresss li issa t-tariffi tal-Gozo Channel għolew, tista' il-Ministru tgħid jekk u meta se tiżdied l-għajnuna lill-ħaddiema u studenti Għawdxin in konsegwenza ta' din iż-żieda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta għall-mistoqsija numru 5274. Il-kumpens għaż-żieda fin-nollijiet qed jiġi kkunsidrat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm occupational therapists reġistrati l-isptar San Luqa?
Jista' jgħid kemm hemm occupational therapists li huma reġistrati l-isptar San Luqa imma qegħdin jaħdmu fl-isptar Zammit Clapp jew inkella f'postijiet oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-isptar San Luqa hemm reġistrati 28 Occupational Therapists. Ma' dawn wieħed irid iżid 11 Occupational Therapists oħra li qegħdin jagħmlu sentejn rotation mal-isptarijiet kollha, fosthom fl-isptar San Luqa.
Minn dawn l-Occupational Therapists fl-isptar San Luqa, 7 qegħdin jaħdmu fl-isptar Żammit Clapp, 1 qiegħed jaħdem fl-Institute of Health Care, 1 qiegħed jaħdem fl-isptar Ġenerali t'Għawdex u 1 jinsab misluf mal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita'.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi fost il-bdiewa Maltin u Għawdxin? Kemm hemm il-ħsieb li jitwaqqfu minn dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk inġabux xi Taljani biex jgħinu fit-twaqqif ta' dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk il-korsijiet u t-taħriġ li għamlu kienx bit-Taljan u jekk min attenda għalihom kienux kollha jafu bit-Taljan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Ġunju 2002 ġie ppubblikat l-Att Nru. IX ta' 2002 li jirregola it-twaqqif ta' l-għaqdiet tal-produtturi. Sussegwentament inħarġet legal notice (LN 62/2004) li tagħti aktar dawl fuq l-istess Att. M' hemm l-ebda limitu ta' kemm jistgħu jitwaqqfu għaqdiet tal-produtturi dment li jirrispettaw l-istess Att, pero' fil-kuntest lokali in-numru ta' l-għaqdiet tal-produtturi li jistgħu jitwaqqfu jista' ma jkunx kbir ħafna. Interess fost il-bdiewa hawn, tant hu hekk li taħt il-pre-accession aid biex jitwaqqfu għaqdiet ta’ produtturi applikaw erbgħa u l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi pproċessata. L-applikazzjonijiet għal skemi simili post-accession dalwaqt jinfetħu.
Permezz tal-V Protokol Taljan, l-Istituto Agronomico Mediterraneo (IAM) ta' Bari qiegħed jorganizza programm ta' informazzjoni u taħriġ, li jkopri ix-xhur ta' Ġunju u Lulju dwar it-twaqqif u l-immaniġġjar ta' għaqdiet tal-produtturi fil-kuntest tal-biedja. Is-suġġetti li qed ikunu ttrattati jieħdu in konsiderazzjoni kull aspett tal-liġi lokali, kif ukoll dik ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-korsijiet ta' taħriġ tista' tintuża sew il-lingwa Taljana kif ukoll Ingliża. F' każijiet fejn xi ħadd ma jifhimx bit-Taljan (f' dan il-każ kienet persuna waħda), jien infurmat li ssir traduzzjoni għal Malti mill-uffiċċjali tal-Ministeru.
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' sussidji se jingħataw il-bdiewa lokali? Fuq liema prodotti? Kemm se jkun dan is-sussidju? Kif se jinħadem il-livell tas-sussidju lil kull bidwi? Meta hu maħsub li jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija nru. 3157, fejn jista’ jsib it-tagħrif mitlub dwar it-tip u l-ammont ta’ sussidji li se jingħataw lill-bdiewa lokali matul din is-sena. Il-metodu kif jinħadem il-livell ta’ dawn is-sussidji lil kull bidwi jvarja minn settur għal ieħor, iżda, f’ kull każ huwa marbut mal-livell ta’ produzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li applikat għal xogħol - file no: PA 6986/99 - inħarġilhiex refusal għat-talba tagħha? Meta wasal għand din il-persuna dan ir-refusal? X'passi se tieħu l-MEPA biex tinforza d-deċiżjoni tagħha dwar ix-xogħol illegali li sar f'dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikant irċieva r-Refusal Notice mingħand l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-27 ta' Mejju 2004, wara diversi attentati. L-applikant għandu tletin (30) ġurnata mid-data tas-27 ta' Mejju 2004 sabiex jissottometti Appell quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar. Fl-assenza ta' dan, il-MEPA taddotta l-proċeduri normali kif stipulat mill-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tipproċessa l-appell PA 0726/01 għax id-dewmien li jsir ix-xogħol meħtieġ qed iwassal għal tbatija kbira għall-persuna anzjana li ma tistax titla' taraġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li rigward l-appell PA 0726/01
· l-appell ġie deċiż fis-16 ta' April 2004.
· Fl-10 ta' Mejju 2004, intbagħtet ittra lill-Perit ta’ l-applikant sabiex jissottometti żewġ pjanti.
· Dawn waslu fl-uffiċċju tal-Bord ta' l-Appell nhar il-Gimgħa 11 ta' Ġunju 2004 u ġew iffirmati miċ-Chairman tal-Bord dak inhar stess.
· Fis-16 ta' Ġunju, is-Sanitary Engineering Officer bagħat il-file lura lill-Bord ta' l-Appell li għadda l-file lis-Segretarju tad-Development Control Commission (DCC) sabiex toħroġ il-permess.
Jista' il-Ministru jgħid liema inħawi f'Malta u Għawdex hemm il-ħsieb li jiġu kklassifikati bħala special area of conservation u liema bħala special area of protection skond direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet għal skrutinju pubbliku numru ta’ siti. Preżentament il-Gvern qed jevalwa s-siti proposti u fi żmien qasir ikun hemm deċiżjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kuntratti Pubbliċi huwiex armat biżżejjed b'riżorsi meħtieġa biex jipproċessa x-xogħol ġdid li żdiedlu bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-offerti għall-kuntratti li għandhom x'jaqsmu ma' proġetti/programmi li fihom hemm finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Qed jaqa' lura dan ix-xogħol b'periklu li jitilfu l-fondi mfittxija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-aħħar sentejn id-Dipartiment tal-Kuntratti ssaħħaħ kemm f’dak li hu personnel kif ukoll apparat (computers) biex ikun jista’ jlaħħaq max-xogħol addizzjonali li ser jiltaqa’ miegħu b’riżultat tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ingħata wkoll ħafna training. Id-dipartiment issa ser ikollu wkoll żewġ Diretturi oħra biex jgħinu lid-Direttur Ġenerali. Ma jidhirx li x-xogħol qed jaqa’ lura jew li ntilfu xi fondi tort tad-Dipartiment.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas l-ammont dovut lilha rappreżentanti għajnuna soċjali (tal-bolol) li hi intitolata għalihom u dan għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2003 u t-22 ta' Lulju 2003? Tista' il-Ministru tgħid għalfejn ittieħed dan iż-żmien kollu biex isir dan il-ħlas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6002 u cioe' jista' ġentilment jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li jintużaw biex nurses barranin jiġu reġistrati Malta? Possibli jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kriterji? Dawn il-kriterji huma l-istess użati f'pajjiżi oħra ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-kriterji użati mill-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel biex jirreġistra nurses barranin huma l-istess bħal dawk użati biex jirreġistra nurses Maltin. Dawn il-kriterji huma l-istess bħal dawk użati f'pajjiżi oħra tal-Ewropa. Kopja tal-kriterji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jispjega fid-dettall għaliex il-vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija għadhom mhux konformi mal-ħtiġijiet ta' l-International Ship & Port Facility Security Code ta' l-organizzazzjoni MIO?
Jista' jagħti assigurazzjoni li dak li għandu jsir isir sa l-1 ta' Lulju 2004, skond ma hu impost mill-istess ISPS?
Jista' jgħid x'konsegwenzi jkun hemm għar-reġistru Malti jekk Malta ma taderixxiex ruħha ma' dak mitlub sa l-1 ta' Lulju 2004?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-provedimenti tal-konvenzjoni SOLAS dwar l-International Ship and Port Facility Security Code jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2004. Il-bastimenti kollha li joperaw fuq vjaġġi internazzjonial jridu jkunu konformi sa dik id-data.
L-operaturi tal-bastimenti Maltin qegħdin jirsistu biex il-bastimenti tagħhom ikunu konformi kif meħtieġ. Numru sew minn dawn diġa ġew iċċertifikati waqt li numru sew ieħor qegħdin fil-fażi ta' ċertifikazzjoni.
Mill-1 ta' Lulju 2004 dawk il-bastimenti li ma jkunux ċertifikati jistgħu jiġu miżmuma milli jbaħħru.
Belt Valletta — Appartamenti tal-Gvern - xiri mill-inkwlini
Question
Peress li n-nies li jgħixu fl-appartamenti tal-gvern ġewwa City Gate fil-Belt Valletta kellhom żewġ okkażjonijiet sabiex jintavolaw petizzjoni sabiex jiġi konċess lilhom id-dritt li jixtru u jakkwistaw l-appartamenti minnhom okkupati b'possession and useu peress li nifhem li kien hemm xi intoppi sabiex dan isir, pero' il-gvern kien wiegħed li se jieħu l-miżuri neċessarji sabiex dan iseħħ, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk il-gvern attwalment ħax dawn il-miżuri u jekk le, meta beħsiebu jeħodhom?
Response (BORG, TONIO)
L-amendi fil-Kapitolu 88 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta' Proprjeta` għall-Skopijiet Pubbliċi saru u ġew fis-seħħ f'Marzu 2003. Il-Gvern issa jista' jixtri t-titolu ta' pussess u użu billi jikkapitalizza l-kera bil-1%. Id-Dipartiment tal-Artijiet jieħu l-passi neċessarji skond dawn l-amendi kemm għal din il-lokalita' kif ukoll għal ħafna lokalitajiet oħra, dejjem skond ir-riżorsi finanzjarji li għandu a dispożizzjoni tiegħu.
Peress illi xi żmien ilu l-Ministru kien ta ħjiel li kien beħsiebu jittrasferixxi ċ-ċentru tad-Detox band'oħra u peress illi għadda ħafna żmien minn dakinhar, jista' jgħid jekk il-gvern għadux deċiż li jagħmel dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-iskola primarja tas-Siġġiewi, wara li għadhom kemm tellgħu sular ieħor fuq dak eżistenti u allura komplew fuq l-istil antik ta’ l-iskola, issa li ġew għall-aperturi jien informat li dawn se jsiru ta’ l-aluminium? Jikkonferma l-Ministru li kienu diġa` bdew jinżebgħu l-aperturi l-antiki tas-sular ta' isfel iżda f'daqqa waħda ġiet xi ordni biex dawn ukoll jinqalgħu ħalli minflokhom isiru aperturi ta’ l-aluminium? Jista’ jgħid jekk dan kollu hux isir bil-permess tal-MEPA? Ma jaħsibx ukoll li dan kollu huwa ħela ta’ flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aperturi ta' l-iskola Primarja tas-Siġġiewi ser jinbidlu u jitwaħħlu oħrajn ġodda ta' l-aluminium kulur aħdar, double glazed bi ħġieġ laminat kif titlob il-prassi f'bini pubbliku.
Huwa minnu li kienu diga' bdew jinżebgħu xi aperturi antiki, meta sar evidenti li ħafna minnhom kienu fi stat ħażin ħafna. Barra minn hekk, ma kienx possibli li jinbidel il-ħġieġ antik għal ħġieġ laminat. F'dan l-istadju ittieħdet id-deċiżjoni li l-aperturi jinbidlu għal ta' l-aluminium.
Il-permessi li ħarġet il-MEPA għall-estenzjoni ta' l-iskola kienet tinkludi permess li l-aperturi jsiru ta' l-aluminium. Għaldaqstant, dan l-intervent ser jirriżulta f'li l-aperturi kollha ikunu pariġġ.
Billi l-aperturi kienu fi stat li ma setgħux jissewwew, ittieħdet id-deċiżjoni li jinbidlu għal aluminium, li huwa irħas milli kieku dawn saru mill-ġdid ta' l-injam. Sabiex intejbu l-ambjent intern, ġie deċiż li dawn isiru double glazed, filwaqt li l-ħġieġ sejjer ikun laminat għal raġunijiet ta' saħħa u sigurta'.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4714 u cioe' jista' jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja minn naħa tal-gvern lill-kumitat olimpiku Malti f’dawn l-aħħar erba’ snin? Jista jgħid jekk il-gvern għandux informazzjoni dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu u kemm ħadu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond ir-rekords miżmuma mid-Dipartiment ta' l-Isports, li issa ġie assorbit fil-Kunsill Malti għall-Isports, l-għajnuna mill-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti kienet kif ġej :
2000 Lm 125,000
2001 Lm 157,000
2002 Lm 137,000
2003 Lm 200,000
Dawn l-ammonti informat li jinkludu valur ta' sħubija mogħtija lil numru ta' atleti fil-ġimnasju u għotjiet speċifiċi oħra.
Iva l-Gvern ġie mogħti t-tagħrif dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li ibbenifikaw minn dawn l-għotjiet. Iżda, peress li l-għotjiet li ngħataw jinkludu wkoll fondi li ġejjin minn sorsi mhux governattivi tal-Kumitat Olimpiku Malti, ser inpoġġi l-lista tal-għaqdiet konċernati fuq il-Mejda tal-Kamra mingħajr l-ammonti.
School development meetings — Facilitators/kindergarten assistants
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-facilitators u l-kindergarten assistants qed jitħallew barra mill-ischool development meetings li jsiru tlett darbiet fis-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kurrikulu Nazzjonali jagħmilha ċara li biex skola jkollha pjan ta' żvilupp kif suppost jeħtieġ li kull min hu nvolut fl-iskola jkun qed jieħu sehem fid-diskussjoni, t-tifsil u t-twettiq tal-pjan. Hu dmir tal-Kap li jara li t-Tim edukattiv kollu - għalliema, assistenti tal-kindergarten u facilitators kif ukoll ġenituri iħossuhom parti mill-iżvilupp kontinwu ta' l-iskola.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħmlu l-istudju dwar proposti jew bidliet fl-edukazzjoni inklussiva? Jista' jgħid fiex waslet il-ħidma tagħhom u meta hu maħsub li dan ir-rapport isir pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-review f'dan is-settur għadu ma bedhiex. It-termini ta' referenza huma lesti u dawn saru wara proċess ta' konsultazzjoni ma' diversi awtoritajiet u esperti fl-għalqa. Fl-istess ħin qed nevalwaw min għandhom ikunu n-nies li jiffurmaw parti minn dan ir-review. Huwa mportanti li min jagħmel din ir-review jikkontribwixxu b'mod oġġettiv f'dan l-eżerċizzju.