Stabbilimenti ta' l-ikel — Titjib fil-livell sanitarju
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ristoranti u stabbilimenti ta' l-ikel li fil-preżent ġew mitluba mid-dipartiment tas-sanita' sabiex itejbu l-livelli sanitarji u ta' iġjene tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li mill-ewwel ta' Jannar ta' din is-sena sallum in-numru ta' ristoranti u stabbilimenti ta' l-ikel li ġew mitluba mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika sabiex itejbu l-livelli sanitarji u ta' iġene tagħhom jammonta għal 1989. Dan ma jfissirx li l-livell sanitarju ta' dawn l-istabbilimenti huwa ta' periklu għas-saħħa pubblika.
Skond ir-rapporti li għandu l-gvern peremzz ta' l-awtorita' tar-riżorsi, jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' l-ilma fl-aquifers fil-gżejjer ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm hi kkalkulata li sservi din il-ħażna f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ħażna ta' l-ilma fil-Mean Sea Level Aquifer ta' Malta hija stmata li tlaħħaq il-biljun metru kubu.
Bhalissa bħala medja huwa stmat li jittellgħu 38 miljun metru kubu fis-sena, iżda hemm recharge ta' madwar 34 miljun metru kubu fis-sena.
F'Għawdex m'hemmx figuri għal numru ta' snin biżżejjed biex issir stima preċiża.
Jista' il-Ministru jinformani f'liema livelli jinsab l-ilma fl-aquifers tagħna u cioe' kemm minnu huwa tajjeb għax-xorb u kemm minnu mhuwiex tajjeb?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bħalissa l-pajjiż qiegħed jaħdem biex ikollu livell ta' kwalita' ta' ilma daqs tal-pajjiżi Ewropej.
Minn testijiet li saru fuq l-ilma li jiġi mtella' mill-aquifers, jidher illi l-chlorides u n-nitrates biss f'xi lokalitajiet jaqbżu l-livelli ndikati fid-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea. Kimiki oħrajn ma rriżultawx f'dawn it-testijiet.
Għalhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda tibni mpjanti apposta biex ittejjeb il-kwalita' ta' l-ilma tagħna għall-livelli Ewropej.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru
Question
Għadhom in vigore struzzjonijiet biex delegazzjonijiet tal-gvern sejrin barra minn Malta jaqtgħu l-biljetti tagħhom preferibbilment mill-Air Malta direttament? Fil-każ tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, jista' il-Prim Ministru jikkonferma li kuntrarju għal dak li ġie rappurtat f'The Times tad-09.06.04 sa ftit ilu kienu qed jinqatgħu l-biljetti kollha mingħand aġenzija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha shareholding interest f'Holding Co li fiha huma nvoluti membri tal-familja tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin - u dan mingħajr ma jinġiebu kwotazzjonijiet minn travel agents oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nbidel xejn mill-istruzzjonijiet li kien hemm s’issa dwar biljetti ta’ l-ajru. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment diġà wieġeb li d-dipartiment konċernat jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljetti minn fejn jirriżulta l-irħas.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru
Question
Jista' il-Prim Ministru jivverifika illi l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dejjem ġab quotations għall-biljetti ta' l-ajru mixtrija fiż-żmien li l-Ministru Dalli ilu Foreign Minister, mingħand tliet kumpanniji ta' l-ivjaġġar separati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment diġà ddikjara li fil-każ ta’ biljetti ta’ l-ajru, id-dipartiment responsabbli jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljetti minn fejn jirriżulta l-irħas.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ambaxxati li bagħtu kontijiet mhux bilanċjati f'din l-aħħar sena jew aktar? Liema kienu dawn l-ambaxxati? X'kienu l-ammonti nvoluti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ambaxxati ta' Malta kemm f'din l-aħħar sena, kif ukoll qabel, dejjem bagħtu l-kontijiet bilanċjati, jiġifieri il-cash book dejjem ġie rikonċiljat mal-bank statement skond il-proċeduri normali ta' accounting.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru
Question
Jista' il-Prim Ministru jinvestiga jekk il-kumpannija ta' l-ivjaġġar li mingħandha jixtri l-biljetti regolarment il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iġġibx ukoll tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ovvjament din il-mistoqsija tikkonċerna l-operat ta’ kumpanija privata. M’huwiex ċar jekk l-Onorevoli Interpellant huwiex qiegħed jallega li hemm xi ksur tal-liġi. F’dan il-każ hu mistenni jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-kumpannija Countertrade, x'pagamenti kien hemm involuti u lil min? X'inhi l-konnessjoni tal-Malta Export House mal-kumpannija Countertrade?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li fiż-żmien li l-MFSA kienet taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru Dalli kemm-il darba xtrat biljetti ta' l-ajru mingħand l-aġenzija ta' l-ivjaġġar li ssemmiet f'The Times riċentement u li tagħmel parti mill-holding company li tinvolvi familjari tal-Ministru Dalli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ biljetti ta’ l-ajru li nxtraw mingħand Tourist Resources, huwa ta’ tmienja u sebgħin (78).
Possibbli l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jerġa' jagħti struzzjonijiet lil kapijiet tad-dipartimenti biex jimxi skond iċ-ċirkolari OPM 52/87 datata 4 ta' Ġunju, 1987, dwar l-użu tal-lingwa Maltija meta jkunu qed jikkorrispondu bejn dipartiment u ieħor u mal-pubbliku kif ukoll f'formoli uffiċjali wżati fl-istess dipartimenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien joħorġu ċirkularitajiet dwar l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali.
Se jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi mwettaq is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant biex il-Kapijiet tad-Dipartimenti jiġu mfakkra dwar l-importanza ta’ l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6086, jista' il-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija, jiġifieri x'kumpens ta d-dipartiment konċernat lil sid dan il-pet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-aħħar parti tat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 6086.
Heritage Malta — Ittra li ntbagħtet lil Katidral ta' Għawdex
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5946, b'riferenza għall-ittra li nkitbet minn Heritage Malta lill-Katidral ta' Għawdex dwar il-kanuni li hemm quddiem il-faċċata ta' l-istess Katidral, jista' il-Ministru jgħid jekk ittri bħal din inkitbux ukoll lill-katidral ta' l-Imdina u lill-Konkatidral ta' San Ġwann kif ukoll rigward il-kanuni li hemm quddiem il-Berġa ta' Kastilja u quddiem il-Main Guard fil-Belt Valletta? Jekk it-tweġiba hi fin-negattiv, jista' jgħid għal liema raġuni saret din id-diskriminazzjoni u jekk il-gvern hux lest biex jikkundanna din id-diskriminazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istess ittra preċiża ntbagħtet għar-rigward il-kanuni indikati mill-Onor Interpellant ħlief għal "dawk tal-Main Guard" għax dawn ma jeżiżtux u għal "dawk ta' quddiem Kastilja" għax l-arranġamenti f'dan il-każ se jsiru aktar tard.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5950 u r-risposta relattiva li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, tista' il-Ministru tgħid jekk f'dawn l-aħħar sentejn ingħatawx flus impressed lill-iskola tad-drama fin-Nadur? Jekk iva, kemm kienet is-somma li ntnefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li f'dawn l-aħħar sentejn il-flus imprest li ngħataw lill-iskola tad-drama fin-Nadur huwa kif jidher hawn taħt:
Sena 2003: Lm2,566
Sena 2004: Lm3,200
Minn dawn, is-somma ta' Lm114 ntefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-proċess tal-ħatra tal-manager tal-Malta Racing Club?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-persuna li qed taġixxi ta' amministratur fil-Malta Racing Club hija uffiċċjal pubbliku li ġie assenjat dan ix-xogħol wara li ċ-Chairman tal-Malta Racing Club talab li l-Kumitat konċernat ikollu l-assistenza ta' uffiċċjal pubbliku.
In vista tal-fatt li qed isiru xogħlijiet biex titranġa Triq l-Imdina, f'Ħaż Żebbuġ, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex il-culvert li hemm fi Triq Santu Rokku, f'Ħaż Żebbuġ tiġi mibdula f'waħda aktar wiesgħa minħabba li din taqsam Triq l-Imdina qabel ma tispara f'Wied is-Sewda? Huwa magħruf li din il-culvert mhux qed tlaħħaq ma' l-ilma li jinġabar fi Triq Santu Rokku waqt il-maltemp u tkun dnub jekk nerġgħu naqilgħu t-triq fil-futur għax ma nkunux ħsiebna għal dak li hemm bżonn isir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi bħala parti mill-proġett ta' kostruzzjoni ta' Triq l-Imdina hemm ippjanat li jsir culvert għall-ilma tax-xita tul Triq l-Imdina sa Wied is-Sewda hekk kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.
L-istess xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bini ta' catchments għall-ġbir ta' l-ilma fil-bidu ta' kull side street kif ukoll manholes li jkunu jistgħu jintużaw biex jitqabbdu culverts ġodda fil-futur.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: i) kemm twieldu trabi lil koppji miżżewġin sena b'sena fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? ii) Jista' jgħid kemm twieldu trabi lil koppji mhux miżżewġin fl-istess żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellanti.
Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madankollu dawn infurmawni bid-dettalji kif murija fit-tabella ta’ hawn taħt:
Sena
Twelid ta’ trabi fiż-żwieġ
Twelid ta’ trabi barra miż-żwieġ
Total
2000
3,922
464
4,386
2001
3,436
499
3,935
2002
3,337
569
3,906
2003
3,358
678
4,036
Jista' il-Ministru jara li l-wire li hemm quddiem ir-residenza f'Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jinbidel peress li huwa perikoluż?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Bord ta' l-Għażla — Offset perfecting 2 colour machine
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord ta' l-Għażla fir-rigward tal-makna offset perfecting 2 colour machine li għadha kif ġiet approvata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-membri tal-Bord ta’ l-għażla fir-rigward tal-makna offset perfecting 2 colour machine li għadha kif ġiet approvata kienu dawn:
Charles Sammut Chief Printer
Ray Zammit Assistant Chief Printer
Alex Cutajar Press Inspector (Offset Section)
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex ippreparat, b'mod dirett jew indirett, xi tip ta' kwestjonarju sabiex jiġi stabbilit x'inhi r-reazzjoni tal-pubbliku dwar il-konċett ta' medjazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Kwestjonarju għadu ma sarx sal-lum u dan billi kien diġa' maħsub li jsir wara sitt xhur. Fil-fatt il-Kummissjoni Familja għandha tul is-sajf tieħu ħsieb tesegwih.